Home > Arċisqof Charles J. Scicluna > Il-messaġġ tal-Arċisqof lill-Maltin f’Sutton, Londra

Il-messaġġ tal-Arċisqof lill-Maltin f’Sutton, Londra


Il-Ħadd, 10 ta’ Settembru 2017: L-Arċisqof Charles J. Scicluna fl-appartamenti ta’ Puttinu Cares f’Sutton, Londra.  Ara l-omelija li l-Arċisqof għamel dakinhar …

330693-740xNone

L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

“Fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi, hemm inkun jien f’nofshom” (Mt 18, 20). Ħa nibdew minn din l-aħħar kelma ta’ Ġesù fl-Evanġelju tal-lum, meħud mill-Evanġelju ta’ San Mattew kapitlu 18.

Aħna miġbura f’isem Ġesù. Il-kelma tiegħu hija ċara: “Fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi, hemm inkun jien f’nofshom”. Mela l-kelma ta’ Ġesù, li ma tonqosx, hija li hu qiegħed f’nofsna bħalissa, u la nemmnu li qiegħed f’nofsna, aħna se niltobuh, se nitolbuh għal kull wieħed u waħda minna. Se ngħidulu, “Ġesù, isma’ t-talba tagħna. Agħtina dak li għandna bżonn kif għallimtna inti”. Għax meta jgħidlek “f’ismi” mhix kwistjoni biss li nilbsu xi t-shirt b’Ġesù fuqu, għax dan mhux flokk tal-futbol — li tiltaqa’ f’isem Ġesù — imma li jkollok il-mod tiegħu kif jirraġuna.

Issa l-mod tiegħu kif jirraġuna huwa miġbur f’talba qasira li għallimna, li aħna ngħiduha f’kull quddiesa: it-talba tal-Missierna. U fil-Missierna, Ġesù għallimna ngħidulu lil Alla, l-ewwel nett ngħidulu li huwa Missierna, mhux tirann, imma missier, u ngħidulu “tiġi saltnatek, jitqaddes ismek, ikun li trid int kif mis-sema hekkda fl-art” (Mt 6, 9-10). Mela aħna, kull talba li nagħmlu b’fidi kbira, dejjem se “tkun magħmulha r-rieda tiegħek”.

Imma hu qalilna wkoll, “ngħidilkom li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkien” — flimkien imma — “biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewwiet jagħtihielhom” (Mt 18, 20). Xi mkien ieħor fl-Iskrittura għandna tifsira ta’ din il-wegħda ta’ Ġesù, għax San Ġakbu, wieħed mill-appostli qrib ta’ Ġesù, jgħid kif tippretendu li jismagħkom jekk titolbu ħażin? (Ġak 4, 3) U jekk inti titolbu l-velenu se jagħtihulek? Jekk titolbu l-ħobż jagħtihulek. Fil-fatt għallimna ngħidu “agħtina l-ħobżna ta’ kuljum” (Mt 6, 11), mhux il-velenu ta’ kuljum.

Il-Knisja hija aħna.

Kultant aħna nitolbu xi ħaġa u ma nkunux nafu li mhix verament tajba għalina. Allura meta nitolbu f’ismu trid tkun tajba għax hekk jgħid hu, “jgħollu leħinhom biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewwiet jagħtihielhom” (Mt 18, 19). Ħafna drabi, aħna mingħalina li dak li nitolbu jkun tajjeb għalina, imma ma jkunx. Allura se ngħidulu agħtina dak li hu tajjeb għalina imma rriduh, f’isem Ġesù se nitolbuhulek għax inti fejjaqt lill-morda, qajjimthom mill-imwiet, għandek il-qawwa, u inti qiegħed f’nofsna għax aħna nġbarna f’ismek. Imma nitolbuk dejjem skont ir-rieda ta’ Missierek.

L-Evanġelju tal-lum ukoll jagħti ħjiel tal-qawwa li Ġesù poġġa fil-Knisja tiegħu. “Tassew ngħidilkom, li kull ma torbtu fuq l-art ikun marbut fis-sema, u kull ma tħollu fuq l-art ikun maħlul fis-sema” (v. 18). Il-Knisja, għax din il-qawwa tahielha Ġesù, il-Knisja hija aħna, u jiena bħala Isqof ordnat biex inwassal il-qawwa li Ġesù ta lill-Knisja fuq is-setgħat tal-ħażen. Il-Knisja għandha l-qawwa torbot is-setgħa tal-ħażen, u tħoll min hu skjav tal-ħażen.

Kultant niltaqa’ ma’ nies jgħiduli li dik il-persuna xtaqitli l-ħsara. Sfortunatament hawn ukoll minn dawn in-nies. Lill-Knisja Ġesù ta l-qawwa tħoll lil min hu marbut minħabba l-kefrija u l-mibegħda ta’ ħaddieħor – il-kbar jifhmuni żgur – u jorbot il-ħażin. Din qawwa kbira, hija qawwa spiritwali mhux tal-bnedmin imma qawwa spiritwali għall-ġid spiritwali tal-bnedmin.

Min jikkorreġik, iħobbok, min jikkoreġik jixtieqlek il-ġid.

L-aħħar ħsieb huwa dwar il-korrezzjoni. Kull ħmistax nhar ta’ Sibt nagħmel ħsieb żgħir fuq l-RTK u l-aħħar wieħed kien fuq kemm hu importanti li lil uliedna – u għall-grazzja ta’ Alla hawn ħafna ulied hawnhekk – ngħallmuhom ma jiddejqux bil-korrezzjoni. Min jikkorreġik, iħobbok, min jikkoreġik jixtieqlek il-ġid.

Ġesù qed jgħidilna li lil ħuk, jekk verament tħobbu u tarah sejjer għan-niżla, tikkoregġih; L-ewwel waħdu, imbagħad ma’ żewġt iħbieb biex ikollok ix-xhieda, imbagħad il-Knisja. Il-Knisja hija l-laqgħa ta’ min jemmen, imbagħad jekk ma jridx ma tistax inti ġġiegħlu (ara Mt 18 15-17), imma tirrispetta l-libertà tiegħu u tibki mill-bogħod. Immaġina jkollok tifel jieħu d-droga: Ma tgħidlu xejn? Qed jaħli flusu u jinħaraq? U jinħaqar? U jitlef ġieħu? U saħħtu? Ma tgħidlu xejn? Jekk tħobbu tgħidlu. Imbagħad tgħidli ma jismanix, imma nerġa’.

Fejn ma tasalx inti, staqsi għall-għajnuna tal-ħbieb, imma mbagħad ukoll ta’ min jifhem, il-Knisja.

Illum, meta ngħidu tressqu lejn il-Knisja jfisser ukoll tkellem lilll-Caritas, għax il-Knisja titkellem anke b’dawn, tikkoreġi, tgħinek anke f’din il-ħaġa. Fejn ma tasalx inti, staqsi għall-għajnuna tal-ħbieb, imma mbagħad ukoll ta’ min jifhem, il-Knisja. Mhux iġġibu f’nofs il-bażilika jew fil-parroċċa tagħna u tgħajru!

Il-grazzja li nikkoreġu lil xulxin; Is-sens li tilqa’ korrezzjoni, l-umiltà li tilqa’ korrezzjoni. Kultant it-tfal, għax din hi n-natura tal-bniedem, tgħidilhom xi ħaġa u ma jobdukx, anke meta jkunu ċkejknin. Kultant l-għalliema jikkoreġuhom u l-ġenituri jeħduha kontra l-għalliema. Dawk qed jagħmlulek pjaċir! L-ewwel nett jagħmlulek xogħlok, għax inti fsid biss, u l-fsid ma jtellax irġiel u nisa ta’ karattru, l-imħabba iva. Mela l-korrezzjoni, espressjoni ta’ mħabba u l-umiltà li tilqagħha.

✠ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: