Home > Arċisqof Charles J. Scicluna > Il-preżenza Agostinjana hija l-ħmira li fis-soċjetà Maltija tagħmel ħafna frott mingħajr ħafna storbju

Il-preżenza Agostinjana hija l-ħmira li fis-soċjetà Maltija tagħmel ħafna frott mingħajr ħafna storbju


Il-Ħamis, 14 ta’ Settembru 2017: Quddiesa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna ta’ ringrazzjament f’għeluq il-200 sena mit-twaqqif tal-Provinċja Agostinjana f’Malta.

 

L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, Valletta

“Tinsewx l-għemejjel kbar ta’ Alla” (S 77, 7). Hekk kantajna fis-Salm Responsorjali li huwa parti mil-Liturġija tal-kelma f’din il-festa għażiża tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes, “tinsewx l-għemejjel kbar ta’ Alla”.

Il-Provinċjal, Fr Ray Francalanza, lejn it-tmiem tal-introduzzjoni tiegħu, tkellem dwar id-dilemma li kellu u li kellha l-Provinċja Agostinjana dwar jekk għandhiex tiċċelebra dan il-200 anniversarju mit-twaqqif tagħha. Aħna llum qegħdin hawnhekk miġbura fuq l-istedina tal-Patrijiet Agostinjani li qegħdin isegwu dan il-parir qaddis: “tinsewx l-għemejjel kbar ta’ Alla”. Għax kull meta ninġabru biex nikkommemoraw anniversarju tiġina t-tentazzjoni li ngħidu aħna se noqgħodu niftaħru b’rixna? Imma l-fatt hu li għandna d-dover nieqfu biex ngħidu grazzi lill-Mulej ta’ dak li għamel fina u permezz tagħna. Il-kommemorazzjoni mhix eżerċizzju ta’ narċiżiżmu — li nħares lejja nnifsi u nieħu pjaċir bija nnifsi — imma eżerċizzju ta’ umiltà li jingħaqad mal-għanja ta’ Marija: “Il-Mulej iħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu u għamel fiha ħwejjeġ kbar” (Lq 1, 48-49).

Nistgħu ngħidu li f’dawn il-200 sena l-Provinċja Agostinjana kienet ukoll preżenza bħalma jkun hemm fl-għaġna dik li inti tagħmilha tikber: il-fermentum, il-ħmira. Il-preżenza Agostinjana hija dik il-ħmira, dak il-fermentum, li fis-soċjetà Maltija tagħmel ħafna frott mingħajr ħafna storbju. “Il bene che non fa chiasso,” kien iħobb jirrepetiha anke San Ġorġ Preca din l-espressjoni. Il-qamħa, li tikber fis-skiet u fis-silenżju, kultant tikber magħha s-sikrana wkoll. Il-Mulej iħallihom jikbru imma fil-ġudiżżju tal-istorja huwa l-qamħ li jinġabar biex isir ħobż għall-bnedmin.

Ġesù, hu u jitkellem ma’ Nikodemu juża x-xbieha tas-serp li Mosè refa’ fid-deżert. Nikodemu huwa personaġġ li jfakkarna ħafna f’Santu Wisitn. Huwa bniedem ta’ għerf li kellu mistoqsijiet kbar, li resaq lejn Ġesù fid-dalma tal-lejl u sar dixxiplu fidil tiegħu tant li nsibuh ukoll fil-Ġimgħa l-Kbira jitlob ma’ Ġużeppi ta’ Arimatija l-ġisem ta’ Ġesù. Hu li f’dak il-kollokju kien sama’ lil Ġesù jitkellem fuq il-misteru tal-eżaltazzjoni tiegħu: “kif Mosè refa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem” (Ġw 3, 14). Kellu jkun ukoll xhud dirett ta’ din l-eżaltazzjoni. Kien sema’ lil Ġesù jitkellem fuq il-qawmien mill-ġdid u t-twelid mill-ġdid ta’ min jemmen fl-Iben il-waħdieni. “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lill-Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta dejjem” (v. 16).

U jekk is-serp fid-deżert, serp tal-bronż, ġie merfugħ ’il fuq minn Mosè biex kull min iħares lejh ifieq mill-gidma qerrieda tas-serp tad-deżert, kull min iħares lejn is-serp il-ġdid merfugħ fuq is-salib ikollu l-fejqan minn dnubieti, il-fejqan mill-velenu l-iżjed qerrriedi, u jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Ġesù jgħid, “ma jintilifx iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem”. U din il-ħajja ta’ dejjem Ġesù jsejħilha wkoll salvazzjoni. Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja imma biex bih hija ssalva.

Santu Wistin, bħal Nikodemu, huwa dak li fittex fid-dlam imma ltaqa’ ma’ Ġesù bl-għajnuna ta’ San Ambroġ, bl-għajnuna tal-Magħmudija u bil-proċess kbir ta’ konverżjoni. Hu ltaqa’ mal-Mulej sa ma ta’ ħajtu totalment fis-saċerdozju u fl-episkopat. Santu Wistin, bħala dixxiplu u bħala Isqof, kien ukoll xhud tal-eżaltazzjoni tal-Mulej fuq is-salib.

“Dak il-Mulej li ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,” jgħid l-appostlu Missierna lill-Filippin, “imma tneżża’ minn kollox billi ħa n-natura ta’ lsir, sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħal bniedem,” dak il-Mulej li “ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt anzi sal-mewt tas-salib” (Fil 2, 7-8). U llum aħna u ninżlu għarkupptejna quddiem il vero lignum, quddiem is-salib imqaddes li qiegħed fuq l-altar maġġur, aħna niftakru wkoll mhux biss fl-umiljazzjoni tal-Mulej, imma anke fl-eżaltazzjoni tiegħu. “Alla għollieh sas-smewwiet u żejnu bl-isem li hu fuq kull isem, biex fl-isem ta’ Ġesù – fis-sema fl-art u f’qiegħ l-art – il-ħlejjaq kollha jinżlu għarrkupptejhom, u kull ilsien jistqarr Ġesù Kristu hu l-Mulej għall-glorja ta’ Alla l-Missier” (vv. 9-11).

L-istorja tal-Provinċja Agostinjana kkonfermat preżenza sekulari għax l-Agostinjani ma ġewx Malta fl-1817. Fl-1817 il-komunitajiet Agostinjani fil-gżejjer tagħna saru provinċja. Kien moviment kulturali u anki kważi politiku li l-provinċji li kienu maqgħudin ma’ Sqallija, ikollhom l-awtonomja tagħhom għaliex l-awtoritajiet Ingliżi xtaqu jaqtgħu l-kuntatti kollha li r-reliġjużi kellhom ma’ Sqallija, mar-Renju taż-Żewġ Sqallijiet, delle Due Sicilie. Anke d-Djoċesi ta’ Malta, fl-1830 waqfet li tkun suffragana ta’ Palermo. U allura f’din l-istorja li qegħdin niċċelebraw naraw ukoll l-iżvilupp tal-identità tagħna.

Illum qegħdin ukoll naraw il-fenomenu invers. Hemm provinċji li qegħdin jgħalqu u jingħaqdu mal-Italja, l-Irlanda jew pajjiżi oħrajn. Aħna s’issa meta nħarsu lejn il-familja Agostinjana għadna naraw ġuriżdizzjoni awtonoma u provinċja Maltija. Provinċja Maltija li, kif qal tant tajjeb il-Provinċjal Fr Ray, dejjem kellha spirtu missjunarju. Meta mort il-Brażil kelli x-xorti niltaqa’ anke mal-Agostinjani Maltin ta’ hemmhekk. Imma Fr Ray semma’ wkoll esperjenzi oħrajn li huma attwali. Imma l-Ordni Agostinjana wasslet fil-Gżejjer Maltin mhux biss l-ispirtu tal-fundatur, Santu Wistin, imma wkoll id-devozzjonojiet qawwija tal-Madonna taċ-Ċintura, tal-Madonna tal-Buon Kunsill u tant devozzjonijiet oħra li żviluppaw bil-ħidma tal-patrijiet Agostinjani.

Dan il-Konkatidral stess għal diversi deċenji gawda mill-mużika li kienet immexxija mill-Agostinjani. Dan huwa patrimonju kbir li huwa ġawhra fil-preżenza ekkleżjastika tal-gżejjer tagħna. U l-preżenza llum mhux biss tal-Isqof Mario Grech, l-Isqof ta’ Għawdex, imma wkoll tan-Nunzju Appostoliku, Mons. Alessandro D’Errico, u tal-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona, huwa sinjal konkret ta’ gratitudni lil Alla imma anke lil dawn l-aħwa tal-Ordni ta’ Santu Wistin, għall-ġenerożità tagħhom, għad-dedikazzjoni tagħhom u għax-xhieda tagħhom.

F’din il-festa solenni tal-Eżaltazzjoni tas-Salib, illum nirringrazzjaw lill-Mulej għall-fidwa li ġabilna u għall-prezz għoli li ħallas biex jurina kemm iħobbna. Il-Papa kellu din l-espressjoni sabiħa dalgħodu meta qaddes f’Santa Marta: “is-salib huwa għajta ta’ mħabba, is-salib ta’ Ġesù huwa kollu mħabba”.

L-aħwa, għadni ġej minn Londra fejn kelli l-opportunità nżur lil ħutna Maltin u Għawdxin li jitilgħu hemmhekk għall-kura speċjalizzata. U kelli l-privileġġ noqgħod ħdejn is-sodda tat-trabi tat-twelid, ta’ żgħażagħ, ta’ tfal u ta’ adulti. Il-mard ma jħares lejn wiċċ ħadd, kif tafu, u inti tara s-salib ħaj u konkret. Pazjent, kien għadu żagħżugħ, qalli xi ħaġa li ma ninsieha qatt. Qalli, “Father, jiena kont inbiegħ is-saħħa u missetni din ix-xorti, mhijiex sabiħa. Imma meta nara t-tbatija fit-tfal taf x’nħidlu lil Ġesù? Neħodha jiena t-tbatija tagħhom basta ma jbatux huma”. U jiena f’qalbi għidt, “Hawnhekk qiegħed fil-preżenza ta’ xi ħadd li fehem il-misteru tas-salib tal-Mulej.” Dan ma għamilx ħafna korsijiet tat-Teoloġija imma hu, b’imħabba kbira u fil-verità, lest li jitgħabba bil-mard ta’ ħaddieħor biex ma jarax lil ħaddieħor ibati.

U aħna hekk ngħidu fil-Ġimgħa l-Kbira, aħna u nirrepetu l-kliem tal-profeta Isaija: “tgħabba bil-mard tagħna, id-dnub tagħna waqa’ fuqu […] mill-ġrieħi tiegħu aħna ksibna l-fejqan” (ara Is 53 4.5). Dawn huma l-qaddisin tal-lum. Jien ma rridx nikkanonizzah lil dan ir-raġel, ma jafx li qed insemmih u mhux se ngħid min hu. Alla jaf min hu. Imma dawn huma l-qaddisin tal-lum, l-aħwa, u allura San Pawl kellu raġun isejjaħ lill-aħwa qaddisin, għax il-qaddisin huma dawk li minkejja li huma dgħajfa u midinbin, fehmu l-qalb ta’ Ġesù u jippruvaw jgħixu din il-vokazzjoni.

U intom li intom devoti ta’ Santu Wistin u qrib il-kariżma tiegħu permezz tal-patrijiet Agostinjani, meta tħarsu lejn il-motto tiegħu u lejn is-simbolu għażiż tiegħu tal-qalb minfuda, ftakru u itolbu, “Mulej, inti li inti ta’ qalb ħelwa u umli agħmel li l-qalb tagħna tkun bħal tiegħek”.

“Tinsewx l-għemejjel kbar ta’ Alla”. Aħna llum ġejna hawnhekk biex niftakru biex ma ninsewx nirringrazzjaw lill-Mulej talli, permezz tal-aħwa Agostinjani, ikompli jagħmel fostna għemejjel kbar.

✠ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: