Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > It-Tama Kristjana

It-Tama Kristjana


Il-Ħadd 17 ta’ Settembru 2017. Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex, Mons. Mario Grech, fil-Festa tal-Madonna tal-Grazzja, Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja, il-Kapuċċini, il-Belt Victoria.

Min fil-ħajja jaqta’ jiesu, jista’ jmur jindifen. Il-bniedem ma jistax jgħix jekk ma jkollux it-tama. Għalhekk, kif ktibt fl-aħħar Ittra Pastorali, li nirrakkomandalkom biex kultant taqbduha u tomogħduha, allaħares il-bniedem jitlef it-tama! Kull bniedem għandu xi għamla jew oħra ta’ tama. Søren Kierkegaard jikteb fid-Djarji tiegħu li saħansitra anki min ineħħi ħajtu b’idejh ikollu t-tama – għax jaħseb li bl-għażla li jagħmel ser ikun aħjar. Imma jidhirlek li meta wieħed ineħħi ħajtu dan ikun għamel l-aħjar għażla? Hemm diversi modi kif il-bniedem jgħarraq ħajtu – hemm diversi għamliet ta’ suwiċidju! Huwa fatt li hemm tamiet qarrieqa. U għaldaqstant huwa tajjeb li ngħarblu sew biex it-tama tagħna ma tqarraqx bina.

 

Il-Madonna tal-Grazzja (ritratt - Carmel Saliba)Għalhekk, meta llum qegħdin niċċelebraw il-Festa tal-Madonna tal-Grazzja, inħoss li lill-Omm tagħna tas-Sema għandi nitlobha d-don tat-tama kemm għalija (għax fil-ministeru tiegħi bħala Isqof ġieli naħbat naqta’ qalbi!) u kemm għalikom.

Innu antik miktub fis-sekli tlettax u erbatax, li jġib l-isem Iubilus aureus Beatæ Mariæ Virginis, innu li għalkemm għaddew is-sekli l-Knisja għadha sal-lum tgħannih fil-festa tal-Preżentazzjoni tal-Madonna (21 ta’ Novembru), jgħid hekk: “Salve, Omm il-ħniena, Omm it-tama, Omm il-maħfra, Omm Alla u Omm il-grazzja, Omm mimlija ferħ qaddis”.

Ninnutaw li f’din it-talba l-awtur qatt ma jsejjaħ lil Marija b’isimha, imma b’dawn it-titli sbieħ u sinifikattivi. Hija tradizzjoni antika ħafna, jingħad li telqet minn żmien San Oddone, it-tieni Abbati ta’ Cluny fis-seklu għaxra, li lil Marija jseħulha Mater Misericordiæ u Mater Spei: “Inti t-tama tad-dinja… minħabba fik infetħu l-bibien tal-ġenna” (In veneratione S. Mariæ Magdalenæ, PL 133,72).

 

Għalkemm f’dan l-innu l-awtur lanqas isemmi lil Kristu, meta lil Marija jsejħilha Mater Dei (Omm Alla) indirettament huwa qed jirreferi għall-Iben ta’ Alla li twieled minn Marija. Ġesù għandu ismijiet oħra: Ġesù huwa l-ħniena, it-tama tagħna, il-ħajja tagħna, ir-rikonċiljazzjoni tagħna, il-faraġ tagħna, fuq kollox huwa l-grazzja ta’ Alla – Kristu huwa l-għajn tal-grazzja ġejja mil-Missier. Dawn kollha huma titli Kristoloġiċi. Għalhekk, ladarba Marija hija omm Ġesù, dak li huwa Ġesù hija Marija. Dak li ngħidu għal Ġesù, ngħiduh għal Ommu. Jekk Ġesù huwa l-ħniena ta’ Alla, l-awtur isejħilha Omm il-ħniena; jekk Ġesù huwa t-tama tagħna, Marija hija Omm it-tama; jekk Ġesù huwa l-maħfra ta’ Alla, Marija hija Omm il-maħfra; u jekk Ġesù huwa l-grazzja ta’ Alla, Marija hija Omm tal-grazzja.

Marija hija Omm il-grazzja (Omm it-tama) għaliex hija tinterċedi għalina quddiem Alla biex jagħtina dan id-don tat-tama li tant neħtieġu. San Alfons Marija de Liguori (1787) mhux biss kien moralista tajjeb, imma kien ukoll għannej ta’ Marija. Meta jikkummenta s-silta mit-talba tas-Salve Regina fejn lill-Madonna nsejħula “spes nostra Salve”, huwa jikteb hekk: “Marija ma tnissilx fina tama materjali u qarrieqa, imma dik it-tama qaddisa fi ħwejjeġ kbar u eterni”. Din hija l-Omm tal-Grazzja li llum flimkien magħkom nersaq quddiemha u f’kontinwità mal-aħħar Ittra Pastorali li tajtkom, nitlobha tgħinna niftħu qalbna għal din it-tama li ma tqarraqx.

It-tama Kristjana hija differenti mit-tama umana. Għax it-tama tad-dixxipli ta’ Kristu mhix sempliċi xewqa miftuħa għal ġejjieni aħjar. Lanqas ma hija dik id-determinazzjoni biex wieħed jirbaħ il-mewġ qawwi tal-baħar imqalleb tal-ħajja. It-tama tagħna li nemmnu fi Kristu mhix frott tal-intelliġenza umana. Filwaqt li t-tama umana titlaq minn ġewwa l-bniedem u għalhekk hija virtù miksub, it-tama Nisranija hija rigal: don li ġej mis-Sema. It-tama Kristjana titlaq minn att ta’ mħabba li jagħmel Alla lejna l-bnedmin meta jirrivelalna l-persuna ta’ Ġesù Kristu. Huwa għalhekk li t-tama tagħna hija l-persuna ta’ Ġesù. Dan hu li jagħżel it-tama Kristjana minn dik umana. Din hija t-tama li qed toffrilna l-Omm tal-Grazzja.

Fl-Ittra Pastorali semmejt il-poeta Franċiż Charles Peguy li f’waħda mill-poeżiji tiegħu jxebbah it-tliet virtujiet tal-fidi, l-imħabba u t-tama ma’ tlitt ibniet aħwa li joħorġu jimxu flimkien. It-tama hija ż-żgħira fosthom. Skont dan il-poeta, ma humiex l-aħwa l-kbar (il-fidi u l-imħabba) li jmexxu liż-żgħira (it-tama), imma din tmexxi lil ħutha l-kbar. It-tama hija l-mutur tal-fidi u l-imħabba, imma t-tlieta huma inseparabbli. Fil-fatt, jekk it-tama Kristjana hija l-persuna ta’ Ġesù, aħna għandna bżonn il-fidi. Kif jikteb l-awtur tal-Ittra lil-Lhud, “il-fidi hija l-pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma narawx” (11:1). Għal min ma jemminx, Kristu huwa biss persuna tal-istorja, imma għal min jemmen, Ġesù huwa l-Iben ta’ Alla li sar bniedem. Il-fidi neħtiġuha biex niftħu qalbna għall-kelma tiegħu – għall-Vanġelu tiegħu. Biex wieħed “joqgħod” fuq dak li jgħid l-Imgħallem, jeħtieġ il-fidi. Għalhekk ma nistgħux nisseparaw it-tama mill-mixja tal-fidi. Jien konxju li d-diskors dwar it-tama jiftiehem malajr, imma dak dwar il-fidi għal ħafna huwa tqil. Fil-fatt inħobbu nittraskuraw l-edukazzjoni tagħna fil-fidi u naċċettaw li l-fidi tagħna tibqa’ nanu. Ħafna jixtiequ t-tama, imma ma jħossux l-impenn li japprofondixxu t-twemmin tagħhom f’Ġesù u jibqgħu b’dik it-tiċpisa ħafifa li jkunu ħadu fit-tfulija.

Hemm ukoll l-imħabba. San Pawl jgħid: “Min ser jifridna mill-imħabba ta Kristu? It-taħbit, id-dwejjaq, il-persekuzzjoni, il-ġuħ, l-għera, it-tiġrib, ix-xabla?… F’dan kollu aħna aktar minn rebbieħa bis-saħħa ta’ dak li ħabbna” (Rum 8:35-37). Quddiem l-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu, it-tama tagħna ma tninx. Jekk f’dawn iċ-ċirkustanzi li jsemmi San Pawl it-tama tal-bniedem hija ppruvata, l-Appostlu jgħid li l-imħabba ta’ Kristu tqawwina fit-tama. Għalhekk, jekk aħna ma rridux nitilfu t-tama Kristjana, għandna bżonn ninfetħu aktar biex nifhmu “x’inhu l-wisa’ u t-tul, il-għoli u l-fond tal-imħabba ta’ Kristu” (Efes 3:18).

Nersqu għand Marija, għalliema tagħna, u nitolbuha tgħallimna nikbru fil-fidi u ninfetħu għall-imħabba ta’ Alla biex hekk it-tama tagħna ma tiġix nieqsa.

Lill-Insara li kienu fid-djaspora fl-Asja Minuri, u allura kienu minoranza u f’sitwazzjoni prekarja u diffiċli, San Pietru jeżortahom u jgħidilhom: “Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama tagħkom” (1 Pt 3:15). Għalkemm kienu jgħixu f’ambjent fejn il-Vanġelu kien kumbattut u l-mod tal-ħajja Kristjana kien f’kuntrast mal-bqija tas-soċjetà, Pietru jsuqhom biex ma jirtirawx mis-soċjetà imma jfittxu jagħtu raġuni tat-tama tagħhom. Għalhekk huwa f’dawk il-passaġġi diffiċli tal-istorja, fejn il-valuri tal-Vanġelu ma jkunux popolari u r-reliġjon ta’ Kristu tkun imġennba jew saħansitra injorata, li huwa mistenni li l-komunità Nisranija tibqa’ tagħti xhieda ta’ dan id-don tat-tama. Minkejja kollox, in-Nisrani jibqa’ jemmen li għada jisbaħ jum ġdid.

Filwaqt li nitlob lill-Madonna tal-Grazzja tiksbilna dan id-don, nagħmel tiegħi din l-eżortazzjoni Petrina u nħeġġiġkom biex ma taqtgħux qalbkom, anki jekk l-għażliet skont il-Vanġelu ma humiex daqshekk moda – anki jekk nonqsu fin-numru, jekk ma nibqgħux influwenti fl-għażliet politiċi, jekk ma nibqgħux rilevanti soċjalment. Qagħda bħal din taf tkun grazzja għalina bħala Knisja għax tgħinna nerġgħu lura għal dak li huwa essenzjali. Imma f’dan kollu, it-tama Kristjana żżommna fuq riġlejna.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: