Il-Ġimgħa 29 ta’ Settembru 2017. Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, fil-Quddiesa tal-Ispirtu s-Santu, fl-okkażjoni tal-ftuħ tas-Sena Akkademika fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria. Festa tal-Arkanġli Mqaddsa.
Ir-rakkont tas-sejħa ta’ Natanjel (Ġw 1:43-51) jgħinna nifhmu liema hija l-aqwa kwalità meħtieġa għall-kandidati li qed jitħejjew għas-saċerdozju. Fil-fatt, meta Natanjel kien ser jibda “l-kors tal-formazzjoni” jew l-apprendistat biex ikun idonju għall-ministeru saċerdotali, Ġesù faħħar kwalità waħda fih: “Dan tassew wieħed minn Iżrael… li ma hemm ebda qerq fih”.
Għeżież seminaristi, jekk irridu li fis-snin tas-Seminarju nħallu lil Ġesù Kristu, li huwa l-ewwel fost il-formators, jiffurmana, huwa meħtieġ li fina ma jkun hemm ebda għamla ta’ qerq, falzità, ambigwità jew ħajja doppja. Dan jgħodd ukoll għalina s-saċerdoti. Jekk xi ħadd minna jkun falz, is-snin tal-formazzjoni – kemm dik inizjali u kemm dik permanenti – ma jiswew għal xejn. Għal min fih hemm il-qerq, il-formazzjoni tkun qisha ilma nieżel fuq dahar ta’ papra. L-esperjenza tixhdilna li l-formazzjoni tfalli mhux għaliex l-istituzzjoni ma tkunx serja, jew tort tal-formators jew tal-korp akkademiku, imma għaliex min ikun jirċievi jkun falz.
Min mhux trasparenti jkun qed jagħmel suwiċidju, kemm għaliex hu stess ma jkunx jaf lilu nnifsu, kemm għaliex fil-ministeru tiegħu qatt ma jkun f’postu. Miskin dak il-bniedem li jibni ħajtu fuq il-gidba jew il-ħabi. Min hu faċċol, jidħak mhux biss bir-Rettur, bil-Prefett tal-Istudji, bid-Direttur Spiritwali, imma jidħak ukoll bil-Knisja. Din hija responsabbiltà gravi ħafna.
Min mhux sinċier, diffiċli biex jibni relazzjonijiet mal-oħrajn, la f’direzzjoni orizzontali u lanqas vertikali. In-nies għandhom xamma tajba u faċli jintebħu b’min kontinwament jinganna biex jimmanipula lill-oħrajn. Il-giddieb għomru qasir, u ladarba wieħed jitlef il-kredibbiltà, mhux lakemm jerġa’ jakkwistaha. Li wieħed ma jkunx veritier, dan jaffettwa qatigħ il-ministeru tiegħu kollu.
Ix-xewqa tiegħi hija li fuqna s-saċerdoti n-nies tgħid dak li Ġesù qal dwar Natanjel: Fikom ma hemm ebda qerq! Il-falzità tant hija patoloġija serja, li min ikollu għalik u jkun irid jidorbok, ħafna drabi jakkużak li inti falz! Jien inweġġa’ ħafna meta xi ħadd jissuspetta mis-sinċerità u l-korrettezza tiegħi. Mhux qed ngħid li jien perfett, imma għalija l-onestà hija valur mhux negozjabbli. Jien nagħder lil min jiżbalja, imma mbagħad nirrabja ma’ min jipprova jqarraq. Għalhekk dan hu li nirrakkomandalkom fil-bidu ta’ din is-sena ġdida ta’ formazzjoni: fittxu li Kristu u l-poplu ta’ Alla jkunu jistgħu jgħidu li ma fikom ebda qerq.
Naturalment, hemm proċess li jieħu ż-żmien biex wieħed inaddaf lilu nnifsu mill-qerq. F’kull persuna hemm ftit ta’ narċisiżmu u kull persuna hija ttentata li tiddefendi lilha nfisha billi ma tinkixifx biex mingħaliha ssalva lilha nfisha. Għalhekk, taqtax qalbek meta tiġi konxju li l-egoiżmu jkun għadu daqshekk qawwi li jwasslek tuża atteġġjamenti qarrieqa bħala mekkaniżmu ta’ difiża. Il-proċess biex nirbħu dan id-difett jissejjaħ “axxeżi”, li hija eżerċizzju biex wieħed jikseb libertà interjuri u jasal biex jinża’ dawk il-maskri li jkunu jaħbu l-“jien”. Nagħmlilkom il-qalb biex titħarrġu f’din it-taqbida spiritwali li tgħinna nkunu aħna kif aħna mingħajr il-ħtieġa li ngħattu d-dgħufija tagħna bix-xama’. Aħjar wieħed jammetti u mhux jostor id-difetti tiegħu, għax allura fil-formazzjoni jkun jista’ jaħdem fuqhom. Min jaħbi għommtu, imut biha. Id-difetti ma għandhomx jaqtgħulna qalbna, għax dawk jinbidlu f’opportunità biex fina taħdem il-grazzja ta’ Alla.
Hemm min jaħbi għax jibża’ jkun kritiku jew jikkonfronta t-tagħlim jew l-awtorità. Imma meta Filippu sab lil Natanjel u qallu li kien sab lil dak li fuqu kitbu Mosè u l-profeti (Ġw 1:45), Natanjel – li kien “teologu” għax kien midħla tal-Iskrittura – ma għalaqx fommu biex jaħbi x-xettiċiżmu li kellu. Fil-fatt, huwa kkonfrontah u wieġbu: “Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nazaret?”. Imma Natanjel ma kienx ta’ ras iebsa jew stunat. Kellu dik li fil-formazzjoni tissejjaħ “formabbiltà” – ma kienx jagħmel reżistenza lil min ried jgħinu jikber. Natanjel ma għamel ebda xkiel lil Ġesù li ried isawru. Dan hu li aħna bħala responsabbli mill-formazzjoni tagħkom infittxu meta niġu biex nagħmlu l-iskrutinji ta’ qabel l-ordinazzjoni: mhux li l-individwu jkun sine macula – mingħajr difetti –, imma li jkun doċli għall-formazzjoni!
Natanjel jibqa’ skantat kif Ġesù għarfu, tant li jistaqsih: “Rabbi, kif sirt tafni?”. Ġesù għaraf lil Natanjel taħt “is-siġra tat-tin” – x’aktarx li hawnhekk għandna allużjoni għall-fatt li Natanjel kien familjari mal-Kelma ta’ Alla li għandha l-ħlewwa u l-benna tat-tin! Imma Ġesù għaraf lil Natanjel ukoll għaliex Ġesù, li kien l-istess verità, iltaqa’ ma’ persuna li ma kellha ebda qerq; Ġesù, li huwa l-istess sempliċità, iltaqa’ ma’ żagħżugħ sempliċi; Ġesù, li huwa l-istess safa, ġie wiċċ imb wiċċ ma’ persuna safja bħall-ħamiem. Bejn Ġesù u Natanjel hemm sintonija, u għalhekk bejniethom seħħet osmosis, billi Natanjel beda dak il-proċess ta’ identifikazzjoni ma’ Ġesù. Meta dan il-proċess ta’ matching bejn Natanjel u l-Imgħallem immatura, Ġesù seta’ jafdalu l-ministeru saċerdotali!
Meta, ħielsa minn kull qerq, niltaqgħu ma’ Kristu, bħal Natanjel inkunu nistgħu nagħmlu din l-istqarrija tal-fidi: “Int l-Iben ta’ Alla, int is-Sultan ta’ Iżrael” (Ġw 1:49). Min jagħmel din l-istqarrija tal-fidi, għandu l-kelma ta’ Ġesù li għad jara ħwejjeġ akbar.
Dan huwa l-awgurju tiegħi għalikom is-seminaristi. Intom tafu li jien inħobbkom u qed nagħmel din ir-riflessjoni għax inħobbkom. La rridkom taħlu ż-żmien tagħkom u lanqas tgħaddu biż-żmien lil ħadd. Għax jekk fis-snin tas-Seminarju ċċedu li tgħixu ħajja doppja, il-probabbiltà hi li tibqgħu hekk anki fis-saċerdozju, u dan ma jawgura tajjeb għal ħadd.
Illum Festa tal-Arkanġli. Nitlob lil Gabrijel biex jgħinkom tagħmlu r-rieda ta’ Alla, nitlob lil Mikiel biex iħariskom mill-għadu, nitlob lil Rafel biex ifejjaqkom mill-ġrieħi li għandkom. Jien fiduċjuż li l-formazzjoni li jagħtikom is-Seminarju tagħna tgħinkom biex ’il quddiem, meta tkunu saċerdoti, intom tkunu bħat-tliet Arkanġli: bħal Gabrijel twasslu l-Vanġelu lill-oħrajn; bħal Mikiel tgħinu lill-aħwa jirbħu t-tentazzjoni; u bħal Rafel tkunu mediċina li tagħti s-saħħa.