L-Evanġelju tal-Erbgħa, 25 ta’ Ottubru 2017.

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Lq 12, 39-48

Ħafna jikkuntentaw ruħhom billi jgħidu li l-iktar importanti hu li tieħu sehem, l-iktar importanti hu li tipprova. Huwa sabiħ li tieħu sehem hija ħaġa ta’ nkoraġġiment kbir li wieħed jipprova. Iżda ngħiduha kif inhi! Ħadd ma jieħu sehem f’xi ħaġa sempliċiment biex jipprova. Kulħadd jieħu gost li jirnexxi. Faċli li jekk jipprova u ma jirnexxix jaqta’ qalbu.

Kieku d-dinja kienet magħmlula biss b’bnedmin li jippruvaw biex ikunu ppruvaw u ħadu sehem, kieku qatt ma wasalna mkien, kieku għadna ngħixu fl-għerien u jiena minix nikteb u int m’intix taqra. Is-suċċess hu mportanti f’kull qasam tal-ħajja tal-bniedem. Il-problema hi li l-bniedem ma jqisx kull qasam hu mportanti. Allura jiġġustifika din l-ideja żbaljata billi jgħid li l-importanti hu li tieħu sehem, l-importanti hu li tipprova.

Il-mistoqsija ta’ Pietru tidwi xi ftit l-emozzjoni li ħass l-għaref tal-liġi għand il-fariżew li stieden lil Ġesù għall-ikel. Dak ħa għalih. Pietru donnu qed iħoss li Ġesù qed jitlob iktar mid-dixxipli milli mill-bqija tan-nies. Ġesù ma jwieġbux. Ġesù jiftaħ għajnejn Pietru u jiftaħ għajnejn kulmin irid jisma’. Għal kull bniedem il-fedeltà hija indispensabbli. X’tiswa kelma li tagħti jekk ma tridx iżżommha! Jekk int dixxiplu, jekk inti għandek xi tip ta’ responsabiltà lejk innifsek lejn il-proxxmu u lejn Alla, il-fedeltà mhix għażla. Idejjaqna min iwiegħdna u ma jżommx kelmtu, ma nħossuniex komdi miegħu, ma nafux fejn aħna. Il-fedeltà tirregola ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, tinfluwenza l-mod kif inħarsu lejna nfusna, tħejjina għal-laqgħa tagħna ma’ Alla wiċċ’imb’wiċċ.

Jekk jiena miniex fidili lejn dmiri u naqbad u nagħmel li jfettilli, jekk jiena nimxi bil-burdati u bl-aptiti, jekk jiena dejjem nibda u ma nkomplix, meta nħares fil-mera se nara bniedem imqaxxar nofs leħja, mhux sħiħ. Dan jibdilli l-ideja li għandi dwari nnifsi, jaqtali qalbi bħala bniedem li ma nasalx, bħala bniedem li minix kapaċi nwassal għat-tmiem dak li nibda u jsewwidli qalbi. Imma jekk jiena nara li qe djirnexxili, nqawwi qalbi, anke meta niżbalja, anke meta għal xi raġuni jew oħra kultant ma nasalx. Il-fedeltà determinata twassalni biex nibda mill-ġdid u jekk ma rnexxilix b’mod, nipprova b’mod ieħor.
Il-fedeltà tirbaħli wkoll il-fiduċja tal-oħrajn. Niskantaw meta n-bies ma jafdawniex u jiddispjaċinia u jkollna raġun. Imma l-fiduċja mhix bonus. Il-fiduċja trid taħdem għaliha, trid taqlagħha billi turi li int ta’ min jafdak. Il-fiduċja trid tkun imsaħħa bl-impenn fidili u kontinwu. Ma nistennix li ħaddieħor jafdani jekk dak li nwiegħed ma nroddux, jekk dak li ngħid mhux imsostni bil-fatti.

Alla jaf x’ħoloq. Bnedmin li min natura tagħhom għandhom fihom id-dgħufija tal-bniedem. Mela mhux jistenna perfezzjoni. Meta Ġesù qali li ġie jsejjaħ lill-midinbin, kien qe djgħid li ġie jsejjaħ lil kulħadd, għax kulħadd jonqos. Iżda ġie jsejjaħ għal xi ħaġa. Ħadd ma jippretendi li jsaffar lil xi kelb u dan jibqa’ wieqaf. Jiffrustrak jekk ma jiċċaqlaqx. Is-sejħa tistenna tweġiba immedjata. Dak li Ġesù qed juri lil Pietru u lilna hu li ġie biex isejħilna biex inkunu fidili. Mhux li ma niżbaljawx imma li, jekk niżbaljaw, inqumu u nimxu. Mhux li nippruvaw biss, imma li nippruvaw u jirnexxielna, u meta ma jirnexxilniex, ma naqtgħux qalbna, nerġgħu nibdew mill-ġdid biex jirnexxilna.

Il-fedeltà fil-qadi ta’ dmirna, il-fedeltà fl-imħabba lejn xulxin u lejn Alla, il-fedeltà li żżommna qefin u determinati li naslu biex meta jkun il-waqt ma nidhrux iċċassati b’idna f’idna, iżda b’wiċċna minn quddiem nuru idejna mimlija. Mulej għaxra afdajtli f’idejjja, hawn ara, għandek għaxra oħra.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Leave a Reply

%d bloggers like this: