Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tat-Tlieta, 7 ta’ Novembru 2017

L-Evanġelju tat-Tlieta, 7 ta’ Novembru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Lq 14, 15-24

Qed tara! Lil xi ħadd minnhom messlu qalbu! Għaraf mhux biss il-verità fit-twiddiba ta’ Ġesù iżda wkoll is-siwi tagħha. Hieni tassew min ikollu ntenzjoni retta u ma jħobbx biex ikun maħbub u ma jħallix imħabbtu tikber jew tiċkien skont kemm tikber jew tiċkien l-imħabba tal-oħrajn lejh. Hieni tassew! Jista’jkun ukoll li dan irr-aġel ħass li t-tensjoni tiela u pprova b’karità u b’rispett idawwar id-diskors.

Imma Ġesù li ma jheda qatt jiftaħ għajnejn min qed jisma’, ikompli jwissi li t-tentazzjoni li tirrifjuta u tiġġustifika ċ-ċaħda hija kbira. Ir-raġel tal-parabbola mhux biss bagħat jistieden, iżda, kif kienet id-drawwa ta’ żmienu, bagħat lill-qaddejja tiegħu ifakkru fl-istedina għall-ikla u li l-ikla issa hija lesta. Ikla kbira ma kienetx xi ħaġa ordinarja u kulħadd kellu jkun qed jistenniha, b’mod speċjali dawk li, normalment, ma tantx kienu jieklu. Allura kulħadd kien qed ikun jistenna li l-ila tkun lesta biex imur ħa jimla’ żaqqu. Fl-ikla mhux biss tiekol imma tiltaqa’ mal-oħrajn, tieqaf mill-ħidma, tistrieħ komdu, u tgawdi l-ikel bnin u l-kumpannija tan-nies l-oħra. Interessanti li fil-parabbola Ġesù jsemmi invit għall-ikla; ma jsemmix li r-raġel kien qed iqassam il-flus. Disgħa u disgħin fil-mija, li kieku kien hekk, it-tentazzjoni li ma jmorrux kienet faċli tingħeleb.

Ilkoll sabu xi skuża biex ma jmorrux, biex jiġġustifikaw il-fatt li ma kienux interessati fl-istedina. Ġesù jsemmi tlieta. Henjin dawk li huma mistiedna għall-ikla tal-ħaruf, imma l-hena tal-istedina ddub fix-xejn meta wieħed jagħċel li ma jilqagħhiex.

Wieħed kien għadu kif xtara għalqa u ried imur jara jekk qarrqux bih, kif jista’ jaħdimha b’mod li jtella xi binja sewwa fuqha, biex ikun jista’ jikriha jew ibiegħha. Mar jara jekk għandux bżonn jidlek lil xi ħadd biex ikun jista’ jiffranka fl-użu tagħha. L-għalqa investiment li jtik kuntentizza ħafna iktar milli tmur taħli siegħa jew iżjed tiekol u tgawdi u tistrieħ. L-investiment m’hawnx aqwa minnu. Iservik għal dejjem.

Ieħor xtara għaxar barrin biex ikun jista’ jkompli r-razza tal-bhejjem li diġa kellu. Investiment ieħor. Iktar kemm tkabbar il-merħla, iktar għandek ċans tieħu minnha u jkollok ħalib u ġbejniet u rkotta u laħam biex tiekol għalik u għall-familja tiegħek u biex tbiegħ ukoll u taqla flus biżżejjed biex tkompli tkabbar il-merħla. Ried jara wkoll kienux tajbin biżżejjed biex jgħabbilhom fuq spallejhom il-madmad tal-moħriet u b’saħħithom biżżejjed biex jiġbdu l-moħriet warajhom.

L-ieħor kien għadu jiżżewweġ u l-qaddejja sabuħ sewwa sew fil-‘honeymoon’. Kien ilu jistenna tant u issa se jitlaq lill-mara weħidha biex imur ikla. Ngħiduha kif inhi, seta’ ħadha tiegħu.

Imma dan ukoll bħat-tnejn ta’ qablu ma riedux imorru. Ma kellhom ħin biex juru rispett lejn min stedinhom u laqnas ħin għalihom infushom. ‘Business as usual’. F’ħajjithom ma jiġri xejn ħlief dak li jiġri lilhom.

Nafuha l-istorja. Li kellna niktbu niddeċiedu li niktbu l-iskużi tagħna f’kotba, nimlew librerija. Alla ma jipprotestax, Alla ma jdoqqx il-ħorn. Għalina Alla u dakli hu tiegħu huma l-inqas importanti. Qalbna donna silġa quddiem l-istedniet ta’ Alla biex nieqfu, ingawdu lilna nfusna u lil xulxin u nissaħħu nl-ikel bnin tiegħu. L-ispeċjali ta’ Alla m’hu xejn ħdejn l-ispeċjali tagħna.

Mhux l-ewwel darba, iżda li dak li ma nagħmlux għax irridu jkollna nagħmluh bilfors u kontra qalbna, bħal meta nħossu l-għejja u l-bżonn li nieqfu, u nibqgħu sejrin; bħal meta nħossu l-ħtieġa li nagħdru u naħfru u nsibu l-armonija bejnietna u dejjem inħalluha għal għada u mbagħad għada nindunaw li tard wisq. Nindunaw li kellna nieqfu għax imradna, u min kellu jisma’ kelma tajba minghandna m’għadux hawn biex jismagħha.

Hieni min jiekol il-ħobż fis-saltna ta’ Alla u iblah hu min jaħseb li jista jgħaddi mingħajru.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: