Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tal-Ġimgħa, 10 ta’ Novembru 2017.

L-Evanġelju tal-Ġimgħa, 10 ta’ Novembru 2017.


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Lq 16, 1-8

Prosit ħej! Ġesù, f’din il-parabbola, jgħidilna li s-sid faħħar lill-eks-amministratur tiegħu. Mela sewwa meta tqarraq biex taħseb għal rasek. Hekk jidher mal-ewwel daqqa ta’ għajn. Imma ma ninsewx, ftit qabel kien tkellem mad-dixxipli, b’żewġ tixbihat oħra, u stqarr kemm hu mportani li wieħed joqgħod bilqiegħda u jippjana qabel jidħol għal biċċa xogħol. Uża moħħok u aħsibha sew. Qis mitt darba u aqta’ darba.

Waħda mit-tentazzjonijiet tad-dixxipli u tagħna magħhom, aħna li b’xi mod jew ieħor, nilqgħu il-kelma ta’ Alla u nippruvaw inħalluha tagħmel il-frott fina, hi li nintelqu. La aħna ma’ Alla, m’għandniex għalfejn ninkwetaw, m’għandniex għalfejn nagħmlu sforzi, nittamaw fih u kollox jimxi fuq ir-rubini. Hija nassa għal ħafna li meta jiġu kkonfrontati mill-qawwa tal-ħażin, ġej minn fejn ġej, nilbsu l-kappa tat-telqa f’idejn Alla u nħallu lil kulħadd jagħmel li jrid. Hekk minn dixxipli nsiru kompliċi.

Meta nippridkaw Evanġelju ta’ prosperità, li Alla jaħseb għal kollox hu, jista’jkun li nkunu qed infarfru mir-responsabiltà li nagħmlu xi ħaġa aħna. Għal Ġesù dan hu nuqqas ta’ għaqal.

Meta nħallu lilna nfusna nitkaxkru mill-emozzjonijiet tal-folla, meta nabbundunaw id-dritt li nużaw moħħna u l-intelliġenza tagħna u nemmnu kullma jbellgħulna mingħajr ma, għallinqas, nistaqsu dwar il-verità ta’ dak li qed jingħad u l-għan ta’ min qed jgħidulna, inkunu telliefa qabel nibdew, maħkuma mill-bluha, imzazen. Hawn ħafna li kburin li huma hekk.

Meta l-bniedem ma jibqax jaħseb b’moħħu u jibda jadotta l-ħsieb mitmugħ lill-folla, il-ħajja tieqaf u l-merħla ssir iktar importanti mill-individwu. X’jaħseb kulħadd isir iktar importanti mill-frott tal-ħsieb ta’ kull bniedem.

Ġesù jfaħħar lil dan ir-raġel, mhux għax kien korrott jew qarrieqi, iżda għax ħadem b’moħħu, ma ntelaqx, ħaseb f’li ġej u meta ammetta li seta’ jinkwetah, ra x’jagħmel biex ma jkunx ġejjieni msaħħab. Uża moħħu, mhux moħħ ħaddieħor. Uża moħħu, ma ħalliehx magħqul sabiħ ġo kaxxa. Ġesù jammetti li ulied id-dinja bejniethom huma iktar bil-għaqal għax jifthiemu, u jingħaqdu u jibżgħu għal xulxin.

Ulied id-dawl iħossu li jistgħu imgħeru lil xulxin, ma jaqblux u jinfirdu bejniethom, iħossu li jistgħu ma jaħsbux dwar illum u dwar għada. Iħossu li jistgħu jistennew il-bajtra taqa’ f’ħalqhom.

Qatt l-għaqal tagħna parir li ninfirdu u niġġieldu? Qatt l-għaqal kien tal-ideja li jaqbel għal kulħadd li ninfexxu ngħajru u nżebilħu, anke bla raġuni, lil xulxin? Qatt l-għaqal mexxiena biex indardru l-għajn li rridu nixorbu minnha? Qatt l-għaqal qalilna biex noqgħodu nfittxu x-xagħra fl-għaġina tad-dettalji li jossessjonawna biex nippuntaw subgħajna lejn żbalji li aħna biss naraw f’għemil ħaddieħor? Qatt l-għaqal stqarr magħna li jaqblilna ninqasmu f’żewġ jew elf blokka, li nidlu l-idejat u l-gost fi xwabel u azzarini kontra xulxin, biex nitqawwew?

Boloh! Boloh! Boloh!

Ulied id-dawl huma ulied il-għerf ta’ Alla, imma l-għerf waħdu ma jiswa’ xejn. L-għerf irid jitħaddem. Alla tana għajnejn biex naraw, moħħna biex nużawh u jdejna biex naħdmu bihom. Ulied id-dawl iftħu għajnejkom għax hemm sogru li taħsbu li l-ħajja hija dlam.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: