Home > Lectio Divina > Lectio Divina tat-33  Ħadd  Matul Sena A

Lectio Divina tat-33  Ħadd  Matul Sena A


Vanġelu (Matt. 25. 14-30): It-tmiem tas-sena Liturġika ifakkarna fl-aħħar ta’ ħajjitna. Dan m’għandux inikkitna, imma għandu jkabbrilna l-għaqal li jgħinna niżnu sewwa dak li l-aktar jgħodd f’ħajjitna. Il-parabbola tal-lum se tgħinna nagħmlu dan.

  1. “Wieħed li kien se jsiefer sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u ħallielhom ġidu f’idejhom.” Dan is –sid hu l-Mulej, li rxoxta u telaq għall-vjaġġ (tela’ s-sema). Il-qaddejja huma aħna, id-dixxippli li nemmnu fih. Ma sejħilniex skjavi,  merċenarji jew ħaddiema bil-paga.  Il-qaddejja dak iż-żmien kienu parti mill-familja, jieklu u jorqdu hemm, u jgħinu fit-tmexxija tad-dar u tax-xogħol jew negozju tas-sid, daqs li kieku dan-negozju kien tagħhom.  Fil-Bibbja, “qaddej tal-Mulej” hu titlu ta’ unur riservat għal dak li f’ħajtu jwettaq il-proġetti t’Alla. Jekk aħna qed ngħixu tajjeb il-wegħdiet tal-Magħmudija, allura aħna l-qaddejja li l-Mulej ħallilna l-eredita tiegħu f’idejna qabel siefer.  Aħna mħeġġin biex din l-eredita (l-imħabba t’Alla u tal-proxxmu) nkabbruha biex dejjem tibqa’ tagħmel il-frott.  Ta’ dax-xogħol mhux se nitħallsu bil-flus, bħalma fl-aħħar tal-parabbola ma jissemmewx il-flus. Il-premju hu l-ferħ u s-sodisfazzjon ta’ min iwettaq ix-xewqat tas-sid, dak il-ferħ immens ta’ wieħed li ħa sehem fil-bini (bħala ġebel ħaj) u t-tkabbir tal-Knisja li Kristu ġie jwaqqaf fuq din l-art.  Dan jagħmel parti mill-istorja tad-dinja, u m’hu se jintnesa qatt.
  2. Talent ma kienx munita imma kejl. Fi żmien Ġesu kien jiswa jew jiżen 26 kilo fidda, jew paga ta’ 6000 jum xogħol. L-anqas m’hu talent kif nużawh illum, i.e. ħila f’xi qasam tax-xogħol jew arti (e.g. talent tal-mużika). It-talent tal-parabbola huwa l-eredita’ li ħalla f’idejna l-Mulej li, imbagħad, irridu niżviluppawha ħa tagħti l-frott billi nużaw il-ħiliet u d-doni li żżejjinna bihom Alla. In fatti is-sid ta talenti lill-qaddejja skond il-kapaċita tagħhom. S. Ġwann jikteb ir-rakkont tad-diskors ta’ Ġesu fl-aħħar ċena, meqjuż bħala t-testment tiegħu. Din hi l-eredita li ħallielna: “Nagħtikom Kmandament ġdid…” L-10 Kmandamenti kienu minquxin fuq il-ġebel. Dan il-ġdid se jkun minqux fil-qalb tal-bniedem, għax hu l-Ħajja Divina trasmessa lilna. Hu forza li se tgħinna nagħmlu l-ġid mal-proxxmu, nibnu djalogu ma’ kulħadd, nirsistu biex jinqered il-faqar, inqisu lil kulħadd bħal aħwa, u nieklu fuq mejda waħda fejn kull wieħed jieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-ieħor. Forsi xi wħud jaħsbu li biex iseħħ dan kollu jiħtieġ miraklu.  Kieku l-Insara tad-dinja kollha jinpenjaw ruħhom kif suppost, kieku dal-miraklu jsir.  Kif is-siġar jirċievu l-istess ilma u xemx imma jagħmlu frott differenti, hekk aħna nirċievu l-istess Spirtu li jħaddem fina talenti diversi biex nipproduċu frott varji.  Jekk inħalluh jaħdem fina, nagħmlu frott skond il-ħiliet tagħna, min ftit u min ħafna. L-Ispirtu jaħdem fina permezz tal-Kelma t’Alla, tas-sagramenti, u ta’ ħutna fil-komunita.  Il-Mulej ma qalilniex kif se namministraw din l-eredita’. Ħalla f’idejna għax jafdana tassew.  Insista li kull wieħed minna jiħtieġ jinpenja ruħu.
  3. “Dak li ħa l-ħames talenti mar minnufih iħaddimhom.” Dawn it-tlett qaddejja huma aħna, u llum imħeġġin naraw kif u kemm qed ninpenjaw ruħna: “minnufih” jew nitlajjaw? Xi elementi tat-tlett qaddejja jinsabu fija wkoll kull tant żmien? Ġieli għamilt bħat-tielet wieħed? Dan ħeba l-eredita’ u mar għal xogħlu, u dik l-eredita’ kienet l-aħħar fil-ħsieb tiegħu. Meta nħarsu madwarna u naraw tant injoranza reliġjuża u indifferenza, insaqsu xi Nsara aħna qed inkunu? X’nagħmlu quddiem xi setet li jikkwotaw il-Bibbja bl-addoċċ, fil-waqt li tant Insara qatt ma qraw vers wieħed biss minn din l-eredita’ prezzjuża li tana l-Mulej?  Dawk li jibagħtu ‘l uliedhom għall-ballet, sports u piano imma le għad-duttrina qed jaħbu t-teżor fil-ħofra.  Kif Mattew ried jixxejkja ftit l-Insara ta’ żmienu biex ma jinħlewx fuq ix-xinxilli u l-ġid materjali biss, qed jistieden lilna wkoll nagħmlu l-istess.
  4. “Wara ħafna, sid dawk il-qaddejja reġa’ lura.” Ġesu telaq fiżikament, imma baqa’ dejjem magħna. Kuljum jiġi u jsaqsini: “X’inti tagħmel bl-eredita li ħallejt f’idejk?”  Jiġi fl-aħħar ta’ ħajti wkoll biex nagħti kont komplut tal-ħidma tiegħi.
  5. “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fit-ftit…” Ħames talenti kienu somma kbira ta’ flus, anki tnejn.  Imma paragun ma’ dak li wettqu l-ewwel żewġ qaddejja, is-somom oriġinali kienu ftit.  “Il-ftit” hu s-sitwazzjoni tad-dinja qabel il-qaddejja bdew il-ħidma tagħhom; “il-ħafna” hu wara, i.e. meta wettqu l-pjan t’Alla, xandru l-proġett ta’ dinja ġdida li Kristu ried iwaqqaf fuq din l-art, u li jompli fil-ħafna ferħ fil-ħajja ta’ dejjem.  Jien kemm qed ninpenja ruħi f’dan il-bini tas-Saltna?  Qed insib il-ferħ tiegħi f’dan l-impenn, jew qed infittex il-ferħ band’oħra?  Jista’ Ġesu jsejjaħli “qaddej tajjeb u fidil”?
  6. “Bżajt, u mort ħbejt it-talent fl-art.” Hawn insibu l-karattru prinċipali tal-parabbola. Jibda billi jiġġudika s-sid bl-aħrax: “Sirt nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx..” Dal-qaddej għandu idea t’Alla li ma jippermettix żball, aħrax u l-anqas jipprova jisma’ u jħoss skont is-sitwazzjoni. Dan hu Alla li jwerwer, u kif tagħmel żball jiktbu fil-ktieb biex ma jinsiehx. Min jgħix bil-biża’ ta’ Alla bħal dan, jibblokka, ma jkunx jista’ jiżviluppa u jiffjorixxi l-eredita’, u jmur jaħbiha f’ħofra. Bħal qisu jindifen qabel il-waqt. Ġieli jien għixt f’ħajti b’biża’ bħal din, u kkuntentajt biss billi qgħadt ‘il bogħod mid-dnub mejjet? Dil-biża’ tfixkel ir-relazzjoni tajba li iben suppost ikollu ma’ missieru.  Dat-tielet qaddej ma seraqx. Ta lura t-talent sħiħ kif kien lis-sid. M’għamilx dnub mejjet, mela se jmur il-Ġenna. Imma tilef iċ-ċans f’ħajtu li jiżviluppa u jmexxi ‘l quddiem is-Saltna, u b’hekk kien jgħix aktar ferħan.  Dal-qaddej kellu biża’ ieħor: dan l-iżviluppar kien se jissorprendih, u se jqalliblu ħajtu ta’ taħt fuq.  Irrejalizza li se jkollu jbiddel ħajtu, u jibda jgħix u jaqsam ġidu mal-oħrajn, Ħaseb li jkun aħjar iħalli kollox kif kien qabel.  Hekk ġara wara l-aħħar konċilju. Meta seħħew tant bidliet fil-Liturġija u oqsma oħra, ħafna beżgħu li l-Knisja se tiġġarraf.  Xi wħud ma aċċettawx dawn it-tibdiliet, u baqgħu iqaddsu bil-Latin, eċċ.  Hawn oħrajn, anki llum, li ma jaċċettawx it-tifsir aġġornat tal-Iskrittura, u jibqgħu jieħdu kollox litterlament.
  7. (a) ”Qaddej ħażin” – ma jistax ikollu relazzjoni tajba mas-sid, għax is-sid jimxi b’imħabba bla kundizzjoni, imħabba li tpoġġik qaddej tal-oħrajn. (b) “Għażżien”. Mhux biżżejjed ma tagħmilx dnubiet mejta. Trid tinpenja ruħek biex tagħmel it-tajjeb.  (ċ) “bla fejda” – inutli, ħajja moħlija fix-xinxilli, u mhux impenjata għall-bini tas-Saltna.
  8. “Itfgħuh ‘il barra fid-dlam…” Bħalma ġieli għidna, mhux qed jgħid għall-infern. Jekk inġib ruħi bħal dat-tielet qaddej, jien ninqata’ ’l barra mis-Saltna t’Alla, u qed ngħix fid-dinja l-qadima tad-dlam, egoiżmu, poter, għira, eċċ. Din tkun tassew ħajja tal-biki u tad-disperazzjoni (tgħażżiż tas-snien).  Il-Mulej qed jgħidli: “Oqgħod attent! Taħlix ħajtek b’dan il-mod.”

Sors:  lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini

Categories: Lectio Divina
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: