Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tal-Ħadd, 19 ta’ Novembru 2017

L-Evanġelju tal-Ħadd, 19 ta’ Novembru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Mt 25, 14-30

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Wieħed li kien se jsiefer, sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u ħallielhom ġidu f’idejhom. Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed, kull wieħed skond il-ħila tiegħu. U siefer.

Dak li kien ħa l-ħames talenti mar minnufih iħaddimhom u qala’ ħamsa oħra. Hekk ukoll dak li kien ħa tnejn qala’ tnejn oħra. Iżda dak li ħa wieħed mar ħaffer fl-art u ħeba flus sidu. Wara ħafna, sid dawk il-qaddejja raġa’ lura u beda jagħmel il-kontijiet magħhom. Resaq quddiemu dak li kien ħa ħames talenti u ġieblu ħames talenti oħra. “Sinjur – qallu – ħames talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt ħamsa oħra”. Qallu s-sinjur: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek”.

Resaq ukoll dak li kien ħa żewġ talenti, u qallu: “Sinjur, żewġ talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt tnejn oħra”. Qallu s-sinjur: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek”.

Iżda resaq ukoll dak li kien ħa talent wieħed, u qal: “Sinjur, lilek nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx. Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art: hawn, ara, għandek dak li hu tiegħek”. Qabeż is-sinjur u qallu: “Qaddej ħażin u għażżien, kont taf li jien naħsad fejn ma żrajtx u niġbor fejn ma xerridtx. Mela kien imissek mort qegħedt flusi l-bank biex, meta niġi, kont immur niġborhom bl-imgħax. Ħudulu mela t-talent u agħtuh lil dak li għandu l-għaxar talenti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. U lil dan il-qaddej bla fejda itfgħuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hekk il-biki u t-tgħażżiż tas-snien””.

Dan ir-raġel ma kienx ħafi. It-talent, ma kienx munita ċkejkna li s-soltu naraw fl-istampi jew li normalment nimmaġinaw, kien il-kejl li bih jintiżen id-deheb, u d-daqs tiegħu kien, bejn wieħed u ieħor, daqs ħobża żgħira. Fi żmien Ġesù il-piż ta’ talent kien madwar 60 kilogramm. Bil-prezz tad-deheb illum kull kilogramm deheb kien jiswa bejn wieħed u ieħor madwar zewġ miljun ewro u nofs (€2 500 000). Qassmilhom ġidu kollu, jgħid San Mattew (li fil-flus kien jifhem ħafna, u li b’differenza minn San Luqa, li jsemmi il-‘mina’, ikabbar dak li jingħata għal sittin darba) mela b’kollox ġidu kien madwar għoxrin miljun ewro (€20 000 000). Kien miljunarju anke bil-qies ta’ żmienna, aħseb u ara elfejn sena ilu.

Jekk nieħdu l-kelma ‘qaddejja’ u t-tifsir tagħha, li normalment fl-Evanġelji tfisser ilsir, li m’għandu xejn tiegħu, lanqas ħajtu, u allura jiddependi għal kollox anke biex jgħix fuq sidu, jidher ħafna iżjed id-dagħbien li jeżisti bejn is-sid u l-qaddej.

Imma dan ir-raġel kien jafda lill-qaddejja tiegħu, tant li afdalhom ġidu kollu. Il-fiduċjali kellu fihom ma titweminx. Il-fiduċja tiegħu mhix mibnija fuq il-kriterji akkademiċi li kellhom dawn il-qaddejja, jew mill-ħila fl-amministrazzjoni, jew minn xi fama li kellhom; biex wiħed jafda daqshekk, irid ikun iħobb lil min jafda ħafna iżjed.

Lil wieħed tah ħames talenti, lil weħed tnejn u lil wieħed, weħed. L-istorja jkompliha Ġesù. U biex tifhimha ma tridx wisq għerf.

Alla afda kollox lill-bniedem, ġidu kollu. San Pawl Missierna, iktar ’il quddiem, f’kapitlu 8 tal-ittra tiegħu lir-Rumani, jgħdilna, li Alla tagħna tana lill-Ibnu, kif jista’ jkun li ma jagħtiniex kollox miegħu! Ġidu kollu il-miljunarju li jagħti kollox f’idejn l-ilsiera tiegħu, iħobbhom tant li jafdahom b’kullma kellu. Alla jħobb u jafda lil dawk li huwa ħalaq. Ħalaqhom għax iħobbhom u biex iħobbhom u għax iħobbhom jafdalhom kollox.

Sfortunatament il-kelma ‘talent’ fi żmienna, dejjaqnielha t-tifsira. M’għadhiex tfisser ‘kull ġid’ imma biss il-ġid li jinsab fil-ħiliet tagħna. Dan ifisser li meta xi ħadd ma jkollux ħiliet, jew ikun fi stat li jkollu imma ma jistax iħaddimhom, mhux afdat min Alla, jew mhux maħbub minnu? Altru li mhux vera. Il-ġid ta’ Alla huwa f’idejn kulħadd, anke l-istess ħajja tagħna hija ġid mogħti lilna minn Alla, in-nifs li nieħdu, l-eżistenza tagħna kollha kemm hi u ż-żmien u l-post li fih din l-eżistenza tgħix, huwa l-ġid ta’ Alla, il-ħajja tiegħu. Alla jħobb u għax iħobb huwa krejattiv, joħloq u jafda lill-bniedem b’dak kolluli hu tiegħu biex jgħix; u l-imħabba tiegħu ma tieqafx mal-ħolqien imma tibqa’ ma’ dak li joħloq u jridu jgħix miegħu għal dejjem.

U jsiefer. Lil dawn il-qaddejja, mingħajr ma qalilhom xejn dwar kif għandhom jiddisponu mill-ġid tiegħu, iħallihom fil-libertà. Ma jibgħatilhomx ambaxxaturi biex jara kif sejrin, jew bħalma qal Ġesù f’parabbola oħra, jibgħatilhom qaddejja biex jiġbrulu sehemu. Libertà sħħa.

L-għażla hija f’idejna. Jekk inħaddmux dan il-ġid jew le u, jekk inħaddmuh, kif, hija l-għażla tagħna. Imma jekk Alla jafdalna daqshekk għax iħobbna, lest li jaqbeż kull limitu tan-normalità biex iħobbna, ma nitħajrux minnu, ma napprezzawx il-fiduċja tiegħu biex inħobbuh kif ħabbna. Din l-imħabba ġġiegħlna nkunu krejattivi u nagħmlu minn kollox biex inħobbu lilu wkoll. Mhux kulħadd l-istess. Mhux kulħadd għandu l-istess ħiliet, imma kulħadd jista’ jħobb.

Imma reġa’ lura. U meta ġie lura ried ikun jaf kemm il-qaddejja tiegħu apprezzaw il-fiduċja tiegħu u kemm użawha tajjeb. Għandna responsabiltà serja fit-tħaddim tal-ġid li qed jiġi afdat f’idejna. Irridu nagħtu kont. Il-ħela u l-abbuż mill-ġid, il-pretensjoni li dak li għandna huwa tagħna għax ġie bil-ħila tagħna, ifisser li rridu nirkbu fuq il-ħmar waqt li sidu jimxi wara. Jiġi l-mument meta, wiċċ’imb’wiċċ ma’ Alla li afdana għax iħobbna, jistenna mingħandna riżultat tal-imħabba li juri magħna, ovvjament għa xl-imħabba u l-fiduċja ma tgħixhom waħdek b’mod kapriċċuż, iżda ma’ oħrajn; b’hekk jikbru, b’hekk jirduppjaw.

L-ewwel tnejn ġew b’idejhom mimlija bil-qliegħ li għamlu: mija fil-mija. Ħabbejtek daqs kemm ħabbejtni. L-istess ġid li tajtni għextu sewwa sew kif għamilt int u rrendieli mija fil-mija; it-tnejn li huma u t-tnejn li huma ġew afdati bil-hena tal-ħafna ta’ Alla.

Iżda t-tielet wieħed, dak likellu jagħmle l-inqas sforz biex ikabbar dakli ġie afdat f’idejh, mhux biss ma jkabbrux, iżda jiġi quddiem is-sid li afdah u insulentah u jgħajru; minflok jiskuża ruħu tat-tort li kellu, jitfa’ t-tort fuq is-Sid li afdah għax ħabbu. Tort tiegħek Alla! Hekk ngħidulu meta ngħejjew qabel nibdew, meta naħsbu li libertà tfisser tagħmel li trid, meta ma ngħiru għal ġid li għandu Alla, meta nqabblu dak li ġejna afdati bih aħna ma’ dak li ġie afdat bih ħaddieħor. Tidħol f’qalbna l-qrusa u minflokk nammettu li żbaljajna, jkollna l-ardir nakkużaw lil min jixtieqlna l-ġid, b’abbuż.

Nafu li dan jiġri ħafna fostna, u nafu wkoll li ħafna jaqgħu fin-nasba li tikkonvinċina li dan hu t-tajjeb. Iżda Alla jirraġuna mod ieħor. Jekk int bla fejda għax ġejt afdat u dik il-fiduċja ġejt taqa’ u qtum minnha, ma jitħoqqlokx tkun afdat iżjed.

Iżda jekk int raddejt il-frott tal-fiduċja, jistħoqqlok ħafna iżjed. “U hekk m’intix iżjed ilsir, iżda iben; u jekk iben, werriet ukoll bil-grazzja ta’ Alla.” (Gal. 4,7)

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: