Home > Minn Angelo Xuereb > Ġesù jidħol fl-istorja ta’ ħajjitna

Ġesù jidħol fl-istorja ta’ ħajjitna


Kitba ta’  Angelo Xuereb – Fil-Milied niċċelebraw id-dħul ta’ Ġesù fl-istorja tal-umanità. Din il-ġrajja tfakkarna li Ġesù għandu jidħol fl-istorja ta’ ħajjitna.

Ġesù jidħol fl-istorja tal-bniedem

Permezz tat-twelid tiegħu Ġesù daħal fl-istorja tal-umanità. Twieled fil-għar ta’ Betlem bħala bniedem. Fit-Testment il-Qadim il-Lhud kienu jqisu li hemm distanza bejn Alla u l-bniedem. Issa din id-distanza spiċċat. Fil-għar ta’ Betlem b’mod fqir, umli u bla daqq tat-trombi, Ġesù daħal fl-istorja tal-bniedem.

Ġesù twieled f’Betlem. Iżda bħal kull bniedem ieħor maż-żmien beda jikber u meta kellu tletin sena ħareġ għall-ħajja pubblika. Beda jisfida lill-Fariżej ħallu jkunu aktar sinċieri fl-għemejjel tagħhom u dak li jagħmlu ma jagħmluhx għal għajnejn in-nies. Il-mexxejja tal-poplu għeru għalih u b’mod inġust sallbuh. Iżda Ġesù qam mill-mewt fit-tielet jum.

Ġesù xandar is-saltna ta’ Alla u waqqaf il-Knisja filwaqt li qabel ma tela’ s-sema ordna lill-appostli biex imorru mad-dinja kollha jxandru l-Evanġelju. L-appostli ħarġu jippriedkaw din l-aħbar it-tajba u sfaw ippersegwitati. Il-Knisja mxiet fuq il-passi tagħhom u l-messaġġ tagħha kien dejjem ta’ sfida kif għadu wkoll illum.

Fil-Milied Ġesù jrid jitwieled fina

Ikun fieragħ jekk fil-Milied ninħlew fuq ir-rigali, parties u ħwejjeġ oħra u ma nħallux lil Kristu jidħol ġewwa fina. Dan huwa s-sinjifikat tal-Milied. Ġesù mhuwiex ser jerġa’ jitwieled mill-ġdid ġewwa Betlem iżda qiegħed jistedinna biex jiġi ġewwa fina.

Forsi wieħed jistaqsi kif Ġesù ser jiġi ġewwa fina. Dan iseħħ jekk inħallu lil Kristu jidħol fl-istorja ta’ ħajjitna u naċċettaw dak kollu li jiġrilna bi spirtu ta’ fidi.

Il-ħajja tagħna hija qisha xibka li hija magħmula  minn diversi fatturi li ġraw fil-passat u li qegħdin jiġru issa. Forsi xi wħud huma sbieħ, oħrajn anqas u forsi għaddejna wkoll minn xi esperjenzi xejn pjaċevoli. Issa Ġesù qiegħed jistedinna biex jidħol f’din ix-xibka ta’ ħajjitna b’mod li nibdew naraw kollox b’mod ġdid, jiġifieri bil-lenti tal-fidi

San Ġorġ Preca kien iħobb jgħid li xejn ma jiġri addoċċ iżda kollox taħt il-ġudizzji providenzjali ta’ Alla. Irridu nibdew nirraġunaw li kull ma ġara f’ħajjitna b’viżjoni ta’ fidi: li jew Alla riedu jew ippermettieh biex joħroġ ġid akbar minnu. Dan jirrikjedi spirtu ta’ fidi u umiltà peress li dawn jimxu ma’ xulxin. Is-supperv ma jridx idaħħal lil Alla f’ħajtu iżda jrid li jagħmel ta’ rasu.

It-twelid ta’ Kristu fina jħalli paċi u ferħ

Jekk f’dan il-Milied nipproponu li ninbidlu ser inġarbu ferħ kbir. Xejn ma jista’ jimla l-qalb tal-bniedem ħlief Alla. U meta nħallu lil Kristu jitwieled ġewwa fina żgur li ma noħorġux diżappuntati iżda ngawdu l-paċi tal-qalb.

Inkunu nħallu lil Kristu jidħol fina meta niċħdu ideali foloz li ma jkunux jaqblu mal-istat ta’ ħajjitna, kull darba li niċħdu lilna nfusna biex niksbu ġid spiritwali akbar, meta naħfru lill-għedewwa tagħna, kull meta niċħdu r-rieda tagħna biex nagħmlu dik ta’ Alla. L-Iskrittura ssejjaħ din il-bidla “metanoia’ jiġifieri bidla tal-qalb fejn wieħed jibdel  l-attitudnijiet u atteġjamenti tiegħu, naturalment  li ma jkunux jaqblu mal-ispirtu nisrani.

U kif it-twelid ta’ Kristu biddel id-dinja, meta nħallu lil Kristu jidħol f’ħajjitna żgur li ser nibdlu lill-oħrajn ukoll fuq il-post tax-xogħol, familja u divertiment. Il-fidi mhijiex xi ħaġa li hija tagħna biss iżda taffettwa wkoll lill-oħrajn.

Iżda dan ma jistax iseħħ jekk ma nħallux lil Kristu jidħol fina. Darba wieħed pittur għamel pittura ta’ Kristu qiegħed iħabbat bieb iżda ma għandux mnejh jiftaħ. Meta lil min pittru ġibdulu l-attenzjoni, dan wieġeb li ma hemmx żball. Kristu mhuwiex ser jiftaħ il-bieb ta’ qalbna i\da aħna rridu niftħulu. Din hija osservazzjoni tajba ħafna. Alla jagħtina l-grazzji meħtieġa iżda mhux ser jisfurzana. Santu Wistin jgħidilna: “Dak li ħalqek mingħajrek ma jsalvakx mingħajrek”

 

Il-Milied huwa festa spiritwali

U proprju dan huwa s-sens veru tal-Milied. Jista’ jkun li għal ħafna l-Milied sar qisu festa pagana u f’ħafna pajjiżi sar biċċa negozju kbira. Iżda għal min jemmen fi Kristu filwaqt li ma jikkundannax lid-dinja, jara wkoll il-valuri spirtwali li huma teżor kbir. Li wieħed iħaddan il-valuri spiritwali tal-Milied lanqas ma jfisser li ma jiċċelebrax b’mod uman din il-festa. Il-bniedem speċjalment f’din id-dinja mgħaġġla li qegħdin ngħixu jeħtieġ il-mistrieħ mill-monotonija tal-ħajja. Iżda dan ma għandux ikun ta’ detriment għall-valuri spritwali.

Il-presepju b’dik ix-xena sabiħa u s-siġra tal-Milied f’dik il-fantasija kollha u li tfakkarna fil-ħajja jistgħu jkunu ta’ mezzi viżwali sabiex niċċelebraw Milied li huwa bbażat fuq Ġesù. Nerġa’ nirrepeti. Min fil-Milied ma jagħtix kas ta’ Ġesù u l-messaġġ tiegħu, din il-festa titlef is-sinifikat kollu tagħha.

Nippruvaw li fil-jiem tal-Milied nitqarrbnu ta’ spiss. Ġesù jiġi fina b’mod speċjali permezz tas-sagrament tal-Ewkaristija. Meta s-saċerdot jikkonsagra l-ħobż u l-inbid fil-quddiesa, għalkemm aħna nibqgħu narawhom l-istess isiru l-ġisem u d-demm ta’ Kristu. U mbagħad meta nitqarbnu Ġesù jiġi ġewwa fina. L-ostja tiġi fina u ssir waħda magħna.

Categories: Minn Angelo Xuereb
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: