L-Evanġelju tal-Ħadd, 24 ta’ Diċembru 2017. Ir-Raba’ Ħadd tal-Avvent.


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 1, 26-38

Din is-sena tlitt darbiet. L-ewwel darba fis-solennità tat-Tnissil bla tebgħa tal-Verġni Marija, it-tieni darba, nhar il-Ħamis li għadda fit-tielet ġimgħa tal-Avvent u llum. Tgħid min fassal it-testi li jinqraw, ma sabx minn fejn jagħżel! Jiena ngħid li ma setax għażel aħjar.

Illejla, (għax dis-sena ir-raba ġimgħa tal-Avvent hi twila biss ftit sigħat) nibdew niċċelebraw it-tmiem tal-ewwel tarġa fil-ġrajja tal-Inkarnazzjoni. Dak li beda f’xi mkien fil-moħbi f’raħal li ħadd qatt ma sema’ bih – Nazaret – jitwettaq u jsib il-qofol tiegħu f’xi mkien moħbi wkoll iżda f’belt magħrufa ħafna għax hi l-belt li minnha tnissel is-Sultan li għaqqad lil Iżrael. David, li Betlehem hija l-belt tiegħu, ta identità ta’ poplu wieħed lit-tribuwijiet li kienu jiffurmaw bejniethom il-poplu ta’ Alla. David tahom il-belt li lejha setgħu jitilgħu fuq l-għolja ta’ Sijon li tfisser kastell jew ċittadella, il-belt fuq muntanja li għandha difiża naturali.

Fil-għabex tat-tħejjija tal-poplu ta’ Alla għall-miġja tal-Messija jitħabbar dak li kellu jiġi u f’Marija jintemm l-imgħoddi biex jibda l-lejl tat-tqala li matulu tisbaħ ix-xemx li ddawwal il-jum li ma jmut qatt.

Jisimha Nazaret, jismu Ġużeppi, jisimha Marija, issemmih Ġesù. L-Evanġelista jħoss il-ħtieġa li jintroduċi lill-protagonisti ta’ dan ir-rakkont u minn fejn ġew. Ilkoll kemm huma ħadd qatt ma sema’ bihom qabel. Alla jibda mill-ġdid bil-ġdid. Jidħol fl-istorja b’mod dirett biex l-istorja terġa lura għan Alla minn fejn bdiet. It-triq hija differenti. San Mattew fl-Evanġelju tiegħu fir-rakkont taż-żjar tal-maġi mil-Lvant jgħidilna li l-Anġlu qalilhom biex jgħaddu minn triq oħra, sewwa sew kif għamel hu meta l-anġlu Gabrijel ħabbar lil Żakkarija u lil Marija bit-twelid taż-żewġ trabi li madwarhom jintisġu dawn ir-rakkonti. Alla ma jibgħatx iktar lill-qaddejja tiegħu, iżda jibgħat lil Ibnu stess, mhux biex joħdilna kollox iżda biex jagħtina kollox miegħu.

Jekk nitbiegħdu ftit mir-rakkont u nħarsu lejh b’mod differenti, illum, sewwa sew lejlet il-Milied, naraw li t-tislima tal-Anġlu hija tislima lill-umanità kollha, lill-bnedmin kollha. Sliem għalik umanità mimlija bil-grazzja; il-Mulej miegħek. L-umanità titħawwad u tissupetta li hemm xi ħaġa moħbija f’din it-tislima. Il-bnedmin, li tant saru jibżgħu minn xulxin, li ma jafdawx lil xulxin, għax l-imgħoddi għallimhom li mhux ta’ min jafda, għax ma tafx min qed jigdeb u min qed jgħid il-verità, l-imgħoddu wriehom li l-intenzjonijiet huma differenti minn dak li fil-fatt isir u kif isir, saru jiddubitaw ukoll l-intenzjonijiet ta’ Alla, il-ħsibijiet tiegħu, l-għanijiet tiegħu. Il-kelma ta’ sliem ta’ Alla tħawwadna għax drajn nimmaġinawh kompetitur tagħna xekkiel tal-gost u ta’ dak kollu li hu tajjeb u li jferraħ, tħawwadna għax lil Alla dejjem rajnieh ’il bogħod minna, x’imkien hemm fuq, kultant jindenja ruħu jittawwal biex jara jekk aħniex bravi, mill-bqija jiġi jaqa’ u jqum minna: Alla għarib u diżinteressat, ħsiebu biss fil-glorja tiegħu innifsu, l-iktar f’dawk li jinqdew bih biex jigglorifikaw lilhom infushom.

Għalhekk it-tislima taħsadna. U Alla jaf. U għalhekk it-tieni kelma għalina wara t-tislima, hija: tiżgħux. Tibżgħux għax jien mhux dak li jgħidu li jien; jien minix Alla li jaħsad fejn ma żerax u jfittex fejn ma jsibx; minix Alla li ħsiebu fl-osservanza stretta u dejqa tal-liġi imma Alla li fl-imħabba bħala l-ikel u x-xorb tal-ħajja tal-umanità kollha kemm hi. Mill-umanità jitwieled dak li hu ibnu. L-iben ta’ Alla sar bniedem u għamar fostna u aħna rajnieh fil-glorja tiegħu u naraw fih il-milja tal-grazzja u tal-verità. Għalhekk m’għandniex nibżgħu la minn aħbaru u lanqas minnu. Fih m’hemmx aġendi moħbija, pjanijiet ikkumplikati ta’ ħakma, skemi kumplessi ta’ gwadann u qliegħ. Quddiemu tista’ tidher kif int, għax hu jidher kif inhu quddiemek; m’hemmx bżonn ta’ ħabi u nkwiet kif ħa tiġġustifika d-dgħufija tiegħek. Fih Alla wera kullma hu biex int tagħaf kullma int. Fih titwettaq il-wegħda lil Ġakobb għal dejjem, għax fih jitbierku l-familji kollha tal-art. Għalhekk illum ma nibżgħux, għax fl-aħħar moħħna jsib il-kwiet.

L-umanità wkoll ma tafx kif dan jista’ jseħħ, għax Alla jipproponi dak li hu ġdid u dak li hu ġdid ma nafux kif nagħmluh; aħna drajna jkollna riżultati billi ngħoddu dak li nafu bih filwaqt li Alla qed idaħħal dak li aħna qatt ma ħlomna bih. Ir-riżultat ukoll ibeżżagħna. Dan ikompli jħawwadna; qed idaħħalna f’art la qatt ma ħlomna li naraw aħseb u ara kemm tiġi mogħtija lilna.

Imma l-imħabba ta’ Alla hija bla bidu u bla tmiem, hija l-imħabba li taf tistabar u tħenn; m’hijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li m’hux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità; kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti; hija l-imħabba li ma tintemm qatt.

Kif tista’ t-tweġiba tagħna ma tkunx bħal dik ta’ Marija. Jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.