L-Erba’ Evanġelji li l-Liturġija tippreżentalna fil-Milied

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php

L-Erba’ Evanġelji li l-Liturġija tippreżentalna fl-erbgħa u għoxrin siegħa tal-Jum Solenni li fih niċċelebraw i-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu juruna itinerarju, miexja li seħħet matul is-snin iżda tiġri wkoll fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.

Lejlet il-Milied għandna quddiemna l-arblu tar-razza ta’ Ġesù minn San Mattew, il-kuntest storiku u legali li fih twieled Ġesù. Fih hemm min kollox, nisa u rġiel, ta’ fama tajba u ta’ fama ħażina, tajbin u ħżiena, lhud u barranin, slaten, profeti, qassisin u nies ta’ professjonijiet meqjusin baxxi. Ġesù ġie għal kulħadd u ħadd ma hu eskluż mil-ferħ tat-twelid tiegħu u mit-tama li wassal miegħu. Hu l-Emmanu-el. Alla magħna; ma’ kulħadd mhux ma’ ftit biss.

Fil-Quddiesa ta’ nofsillejl għandna r-rakkont tat-twelid minn San Luqa. Fi sfond ċivili, legali u soċjali iseħħ it-twelid. Donnu Luqa jrid jgħidilna li fil-pajjiż kien hemm konfużjoni u tensjoni kbira, imma f’dik il-konfużjoni u t-tensjoni, fil-ħemda tal-lejl u fis-skiet tal-maxtura jitwieled bla pretensjonijiet l-Iben ta’ Alla, imfisqi mqiegħed f’maxtura. Dak li Alla kien wiegħed seħħ. Il-messaġġ ta’ Alla: Tibżgħux! F’dik it-tarbija ċkejkna hemm mistur il-kuraġġ tal-umanità kollha.

Fil-Quddiesa ta’ filgħodu naraw ir-rejazzjoni tar-rgħajja li marru u sabu kollox kif kien intqalilhom. It-twettiq ta’ dak li tħabbar seħħ. Imma r-rgħajja qamu u mxew biex marru jaraw, ma mxewx bil-mod, kien hemm urġenza fil-mixja tagħhom. L-aħbar tasal u tferrah imma ma tingħarafx jekk min jismagħha jibqa’ bilqiegħda. Qamu u mxew. Inutli li nfaħħru u nifirħu jekk nitgħażżnu u nitlajjaw.

Fil-Quddiesa ta’ matul il-jum, għandna r-riflessjoni dwar dak li ġara. San Ġwann jara f’Ġesù l-Messija mwiegħed. Alla li żamm kelmtu kif jagħmel dejjem. Iżda l-bniedem, anke dak li jifraħ bit-twelid tiegħu, jista’ jkompli għaddej fuq xogħlu u qisu qatt ma ġara xejn.

Għalina ġara ħafna u j’Alla l-grazzja fuq grazzja li aħna ħadna bit-twelid tiegħu, tkun għalina dawl, fietel imma sod li jurina fejn aħna u jdawlilna t-triq li rridu nieħdu, biex il-ferħ tagħna ikun fil-milja tiegħu.

Il-Milied it-tajjeb.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading