Home > Arċisqof Charles J. Scicluna. 2018 > “Qum! Ħa jiddi wiċċek! Id-dawl tiegħek wasal!” (Is 60,1)

“Qum! Ħa jiddi wiċċek! Id-dawl tiegħek wasal!” (Is 60,1)


Is-Sibt, 6 ta’ Jannar 2018: L-Arċisqof waqt il-funeral tal-Isqof Adeodato Micallef:”Qum! Ħa jiddi wiċċek! Id-dawl tiegħek wasal!” (Is 60,1)

 

Omelija tal-Arċisqof J. Scicluna – Fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

“Qum! Ħa jiddi wiċċek! Id-dawl tiegħek wasal! Jiddi fuqek sebħ il-Mulej” (Is 60, 1). Dan il-kliem ta’ faraġ minn kapitlu 60 tal-Ktieb tal-Profeta Isaija, jitħabbar ta’ kull sena fil-festa solenni tal-Epifanija tal-Mulej. Tħabbar ukoll fl-Epifanija tal-1982, meta San Ġwanni Pawlu II ordna lill-Isqof Francis Adeodato bħala Isqof.

Bħal-lum, fil-Bażilika ta’ San Pietru, Mons. Micallef inxteħet prostrat fl-art biex jerġa’ jagħti ħajtu f’avventura ġdida: dik li jkun suċċessur tal-Appostli. Dakinhar, il-Papa Ġwanni Pawlu II, fl-omelija li kien għamel, sellem lil dan l-iben Malta. Miegħu kien hemm Isqfijiet ġodda miċ-Ċad, mil-Litwanja, mir-Rumanija, mill-Ghana, mill-Istati Uniti tal-Amerka, mill-Brażil, mill-Art Imqaddsa. Magħhom kien hemm ukoll ħuna Malti, Francis Adeodato Micallef tal-Ordni tat-Tereżjan.

Kull bniedem li kien jiltaqa’ miegħu, bil-ġesti umli tiegħu, bil-modestja tiegħu, bl-għerf tiegħu, fl-Isqof Adeodato kien jilmah ix-xbieha qaddisa u sabiha tal-Mulej, u hu, l-Isqof Adeodato, kien jilmah lill-Mulej f’min jiltaqa’.

Kif qalilhom il-Papa tant snin ilu, huma kienu qed jirrapreżentaw il-Knisja universali. Dakinhar, il-Papa insista li l-ewwel mod kif aħna nilmħu l-kobor u l-ġmiel tal-Mulej huwa billi nimmeditaw il-bniedem u d-dinja ta’ madwarna. U Francis Adeodato ta’ xhieda ta’ din l-Epifanija.

Illum allura rridu nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ ħajja li kienet iddedikata lill-Mulej taħt it-titlu tal-Verġni tal-Karmelu, imma kienet ukoll iddedikata lill-bnedmin b’ġenerożità kbira. Jibqa’ mfakkar, mhux biss is-sagrifiċċju, imma tibqa’ mfakkra l-ġenerożità tal-Isqof Micallef meta ddeċieda li jibqa’ mal-poplu tiegħu f’mumenti ta’ periklu kbir. U baqa’ ragħaj, ma ħarabx, imma baqa’ bħala ragħaj mal-merħla tiegħu. Il-Mulej ikun il-ħlas tiegħu ta’ din ix-xhieda tar-ragħaj li jagħti ħajtu.

Kull bniedem li kien jiltaqa’ miegħu, bil-ġesti umli tiegħu, bil-modestja tiegħu, bl-għerf tiegħu, fl-Isqof Adeodato kien jilmah ix-xbieha qaddisa u sabiha tal-Mulej, u hu, l-Isqof Adeodato, kien jilmah lill-Mulej f’min jiltaqa’. Jibqa’ magħruf anke fil-Kuwajt, fejn għadda ħafna snin bħala Vigarju Appostoliku, ragħaj tal-merħla Kattolika minoritarja u ċkejkna f’dak il-pajjiż. Jibqa’ magħruf għall-ġesti ta’ umiltà kbira, għall-mod uman kif kien jitratta lil kulħadd, u aħna wkoll – kulħadd b’diversi snin ta’ esperjenza, fosthom il-familjari tiegħu li jafuh minn dejjem – xhieda ta’ dan.

“Qum! Ħa jiddi wiċċek! Id-dawl tiegħek wasal!” Dan id-dawl mhuwiex biss id-dawl tal-Epifanija, imma d-dawl tal-irxoxt tal-Mulej li fil-misteru bir tal-mewt, jgħannaqna miegħu u waqt li jiġġudikana jħenn għalina; waqt li jilqagħna għandu jsaffina.

Jalla t-tifkira tal-Isqof Micallef, fis-sempliċità tiegħu u fid-dedikazzjoni tiegħu, tkun kewkba tiddi mhux biss fil-memorja tal-Knisja fil-Kuwajt imma fil-memorja tal-Knisja Universali

“L-iġmla żgħar ta’ Midjan u Għefa, ilkoll minn Seba jiġu mgħobbija bid-deheb u l-inċens u jxandru t-tifħir tal-Mulej” (v. 6). Dakinhar tal-Ordinazzjoni Episkopali tiegħu, l-Isqof Micallef irċieva din il-konsenja minn San Ġwanni Pawlu II, dik li hu jkun ukoll rigal għall-poplu tiegħu. Il-Papa qaddis fakkar lill-Isqfijiet ġodda li kienu qed jirċievu don kbir biex isiru don bi gratitudni. U aħna nilqgħu lill-Mulej fil-ħajja tagħna għax huwa l-ikbar don li jista’ jagħtina l-Missier, hu li ta’ ħajtu għalina jagħtina l-qawwa “nagħtu ħajjitna lill-ħutna” (1Ġw 3, 16).

Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqu, jistrieħ fis-sliem.Jalla t-tifkira tal-Isqof Micallef, fis-sempliċità tiegħu u fid-dedikazzjoni tiegħu, tkun kewkba tiddi mhux biss fil-memorja tal-Knisja fil-Kuwajt imma fil-memorja tal-Knisja Universali, fil-memorja mhux biss tal-familja naturali tiegħu li aħna nsellmulha, imma anke tal-familja reliġjuża li fiha daħal fl-1947. Immaġinaw, 70 sena ta’ ħajja reliġjuża, 70 sena ta’ dedikazzjoni għal dan l-ideal għoli ta’ penitenza, ta’ talb u ta’ kontemplazzjoni.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: