Aħbarijiet

Il-Papa jerġa’ jħeġġeg lill-insara jkunu jafu d-data tal-Magħmudija tagħhom


Il-Ħadd, 7 ta’ Jannar 2018: Il-Papa Franġisku reġa’ stieden lill-Insara kollha biex jimmarkaw id-data tal-Magħmudija tagħhom u biex jiċċelebrawha bħala l-jum li fih il-Mulej tagħhom l-Ispirtu s-Santu biex imexxihom f’ħajjithom.

papa-jghammed.jpgIl-Papa kien qed jindirizza lill-folol miġbura fi Pjazza San Pietru għall-Angelus tal-Ħadd eżatt kif kien għadu kemm għammed 34 tarbija fil-Kappella Sistina, avveniment annwali li jfakkar il-Magħmudija ta’ Ġesù fix-Xmara Ġordan. Huwa fakkar lil dawk preżenti li din il-festa timmarka t-tmiem taż-żmien tal-Milied u tistedinna naħsbu dwar il-magħmudija tagħna nfusna.

Il-Papa Franġisku qal li huwa impossibbli li wieħed jiftakar il-jum tal-magħmudija tiegħu iżda stieden lil dawn kollha li jemmnu biex imorru d-dar u jfittxu dik id-data importanti fil-ħajja tagħhom għaliex huwa l-jum meta l-Missier tahom id-don tal-Ispirtu li jiftaħ l-għajnejn tal-qalb għall-verità.

Il-Papa ddeskriva l-magħmudija ta’ Ġesù bħala manifestazzjoni tal-umiltà tiegħu u tad-disponibbiltà tiegħu li jinżel fix-xmara tal-umanità. Huwa kompla jgħid li matul ix-xatt tax-Xmara Ġordan, Alla żamm il-wegħda tiegħu li jieħu r-riedni tad-destin tal-bnedmin u Ġesù huwa s-sinjal tanġibbli u definittiv.

Alla għamel hekk permezz tal-Ispirtu li huwa d-don li l-Missier tana fil-jum tal-Magħmudija tagħna – huwa l-ispirtu li jittrażmettilna s-sbuħija tal-maħfra divina.

U huwa l-Ispirtu s-Santu li jwassal biex il-Kelma tal-Missier tixtered. Għalhekk, kompla jgħid il-Papa Franġisku, il-Festa tal-Magħmudija ta’ Ġesu tistieden lil kull Nisrani biex jiftakar fil-Magħmudija tiegħu għaliex jekk wieħed jinsiha ikun qed jesponi ruħu għar-riskju li jinsa dak li l-Mulej għamel għalina.

Grazzi għall-Magħmudija tagħna, mhux biss insiru ħolqien ġdid imlibbsa bi Kristu iżda nkunu wkoll kapaċi naħfru u nħobbu lil dawk li joffenduna u jagħmlulna l-ħsara; inkunu kapaċi nagħrfu fid-dgħajjef u l-batut il-wiċċ ta’ Kristu li jżurna u huwa qrib tagħna.

Il-Papa temm il-messaġġ tiegħu billi esprima l-ferħ tiegħu għat-tfal u t-trabi li għadu kif għammed u talab fuqhom il-protezzjoni ta’ Marija sabiex jikbru bħala dixxipli tal-Mulej.

Mill-Kamra tal-Aħbarijiert ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s