Home > Aħbarijiet > Tama ġdida fost l-Insara f’Mosul u fl-Iraq wara l-festi tal-Milied

Tama ġdida fost l-Insara f’Mosul u fl-Iraq wara l-festi tal-Milied


Il-Ħamis, 11 ta’ Jannar 2018: F’dawn il-jiem ta’ festi għall-insara, miljuni ta’ Iraqqini, fosthom ħafna musulmani, kienu fit-toroq u fil-pjazez biex jiċċelebraw mhux biss il-Milied imma wkoll l-ewwel tas-sena.

IRAQ_-_cristiani_unione_speranzaMa kienx hemm biss żgħażagħ imma familji sħaħ ilkoll magħqudin fi klima ta’ ferħ. Dan qalu il-Patrijarka Louis Raphel Sako lill-aġenzija Asianews. Sako iċċelebra l-quddiesa tal-lejl tal-Milied għall-ewwel darba wara tliet snin, f’Mosul, li kienet il-bażi tal-grupp terroristiku tal-Istat Iżlamiku (l-ISIS), li kienu jqiesuha bħala l-belt kapitali tal-Kaliffat.

Kien mument speċjali, iddikjara l-Patrijarka Kaldew – li fakkar lil kulħadd li aħna l-insara għadna preżenti hawnhekk, fil-belt u fil-pajjiż.

Il-festi ma sarux biss f’Baghdad. F’Mosul in-nies għamlu siġra tal-Milied għolja 10 metri. Ħafna nies, kompla jgħid il-Patrijarka, ġew ituna l-awguri inklużi ministri, deputati, mexxejja reliġjużi Xiiti u Sunniti. Qatt ma kien hawn xena bħal din, issokta jgħid, lanqas qabel il-waqa’ tar-reġim ta’ Saddam Hussein. Saħansitra l-Prim Ministru bagħat ittra tal-awguri.

Il-Patrijarka esprima sodisfazzjon kbir minħabba l-messaġġ li rċieva mingħand il-President tal-Affarijiet Reliġjużi Ali Yonsi, li fih faħħar ix-xhieda tal-insara li jridu l-ftehim, ir-rikonċiljazzjoni, il-paċi u l-moderazzjoni. Dan il-mexxej importanti saħaq dwar l-importanza taż-żjara li għamel il-Papa Franġisku fil-Myanmar u s-sapport li ta lill-minoranza musulmana Rohingya li għaddejja minn persekuzzjoni ħarxa.

Il-Patrijarka stqarr li baqa’ impressjonat bil-ġest u l-kliem sabiħ li bagħatlu Ali Yonsi.

Madankollu, l-akbar sodisfazzjon kien il-fatt li reġa’ ċċelebra l-quddiesa tal-vġili tal-Milied fil-knisja dedikata lil San Pawl, f’Mosul. Iċ-ċelebrazzjoni setgħet issir għax għadd ta’ volontarji żgħażagħ musulmani naddfu u rranġaw il-knisja. Kienu huma stess li ħadu l-inizjattiva u talbu lill-patrijarka biex jgħinuh għax, fi kliemhom, mingħajr l-insara, Mosul hi belt “kiesħa”. Sako stqarr li hu laqa’ t-talba tagħhom b’entużjażmu.

Fil-quddiesa ħadu sehem isqfijiet Siro-Kattoliċi u Siro-Ortodossi flimkien ma’ uffiċjali militari, membri tal-amministrazzjoni governattiva u amministraturi lokali, mexxejja musulmani Xiiti u Sunnit, flimkien ma bosta familji nsara u mhuxmiex li joqgħodu fl-inħawi. Fost dawn kien hemm 90 familja li reġgħu daħlu lura fi djarhom.

It-tama tiegħi, stqarr il-Patrijarka, hi li ma ndumx ma nkun nista’ naħtar kappillan biex jieħu ħsieb il-kura pastorali u l-ħtiġijiet ta’ dawn il-familji.

Il-klima seren kien ikkonfermat ukoll minn rapport tal-Ġnus Magħquda li qal li għall-ewwel darba wara bosta snin, matul ix-xahar ta’ Diċembru ma kienx hemm attentati jew episodji vjolenti imwettqin minn estremisti. Is-sitwazzjoni qed titjieb, osserva l-Patrijarka u hemm pożizzjoni komuni kontra l-vjolenza u t-terroriżmu.

L-awtoritajiet Sunniti wkoll ħadu pożizzjoni favur l-insara u bagħtu l-awguri għall-jiem tal-festi. Tidher verament okkażjoni ta’ għaqda u rikonċiljazzjoni, kompla josserva.

Il-pajjiż għandu sfidi quddiemu fosthom il-ġlieda kontra t-terroriżmu, kontra l-korruzzjoni li hi mifruxa ma’ kullimkien, flimkien ma’ problemi politiċi oħra. Jeħtieġ ħidma biex tinstab soluzzjoni għal dawn il-problemi ħalli jkun hawn aktar stabbiltà u sigurtà. Dawn huma t-temi li se nitkellem dwarhom meta fit-8 ta’ Jannar se jkolli laqgħa mal-Haider al-Abadi, qal il-Patrijarka Sako.

Il-Knisja Kaldeja mbagħad għandha bżonn tegħleb il-firdiet u tibda’ tirraġuna b’leħen wieħed filwaqt li kulħadd iżomm it-tradizzjonijiet tiegħu. Din m’għandhiex tkun ħaġa ta’ formalità biss. Għal dan il-għan neħtieġu ħafna u ħafna rieda tajba. Għalhekk hu importanti li l-punent kollu jgħinna biex il-preżenza kristjana fir-reġjun, mill-Eġittu sas-Sirja, tkun tista’ tibqa’ hawn u tissaħħaħ, temm jgħid il-Patrijarka Sako.

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Categories: Aħbarijiet
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: