Lectio Divina tat-3 Ħadd matul is-Sena “A”

Vanġelu (Mt 4, 12-23):  Ġesu jisma’ li arrestaw lil Ġwanni u jitlaq mill-Ġudeja (fin-Nofs-in-nhar) għall-Galileja (Tramuntana), f’Kafarnaum, fix-xatt tal-baħar (għadira) ta’ Tiberjade.   Hawn se jqatta’ l-biċċa l-kbira tat-tlett snin tal-ħajja pubblika tiegħu.   Kien jidħol jistrieħ fid-dar ta’ Pietru li kien jgħix mal-kunjata tiegħu.  Mad-dawra ta’ Tiberjade insibu l-għolja tal-beatitudni, Betsajda, Korażim u Magdala. 

Ġesu għadda minn Nazaret imma ma waqafx hemm, għax in-nies kellhom moħħhom magħluq.  Ma kinux se jaċċettaw tagħlim ġdid, tant li. meta xhur wara mar hemm u tkellem fis-sinagoga, riedu joqtluh.   Kafarnaum kienet f’salib it-toroq bejn il-Mesopotamja u l-Golan.  Kien hemm ħafna traġitt ta’ nies u kulturi differenti.  Biex tgħaddi għal Golan ridt tħallas taxxa.  Aktarx Mattew kien jaħdem hawn.  Bit-taħlit ta’ dawn il-kulturi, in-nies ta’ Kafarnaum kienu aktar miftuħin għal xi tagħlim ġdid.  Mattew jikkwota l-Isaija fl-unika post fl-Antik Testment fejn tissemma’ l-Galileja (Ara l-1 qari).  Kien żmien meta ġiet maħkuma minn Tiglat Pileżer, Re tal-Assirja – żmien ta’ jasar, ħakma u dlam.  Isaija jħabbar raġġ ta’ tama, raġġ ta’ dawl.  Mattew illum jikkonferma: “Art ta’ Żabulun u Neftali…. Galileja tal-ġnus.  Il-poplu li kien miexi fid-dlam, ra dawl kbir”.  Mattew iqabbel id-dlamijiet ta’ żmien Isaija ma’ dawk ta’ żmienu.  Jipproklama: “Wasal re ġdid mid-dar ta’ David li se jeħles il-poplu mill-jasar. Il-profezija ta’ Isaija se sseħħ issa.”  F’din il-Galileja tal-ġnus, ħafna minnhom pagani, Ġesu’ jibda l-missjoni tiegħu.

  1. Salm 19 ipinġilna x-xemx li mit-tlugħ tagħha sa nżulha ddawwal kull dlam u ddewweb kull kesħa.  Dal-messaġġ ta’ tama  l-ewwel ħabbru Isaija u issa qed jikkofermah Mattew.  Fi żmien ta’ qtigħ il-qalb aħna wkoll għandna nirrikorru għal dan il-messaġġ ta’ tama, u niftakru l-wegħda ta’ Ġesu’: “ Jien magħkom sal-aħħar.  Il-bibien tal-infern qatt ma se jegħilbu din il-Knisja mwaqqfa fuq Pietru il-blata.”  Id-dawl se jirbaħ dejjem fuq id-dlam: “Jien id-dawl tad-dinja.”  Ġesu’ jibda jippriedka: “Indmu!”, i.e. “Inbidlu. Tridu tħallu l-idejoliġij tad-dinja mundana u tħaddnu dil-proposta ġdida.”  Il-valuri tad-dinja mundana huma flus, poter, suċċess u pjaċir.  Anki fostna l-Insara ssib min ipoġġi dawn il-valuri fuq quddiem.  In-nisrani veru jrid jaqleb din it-tabella ta’ valuri ta’ taħt fuq.  Tkun kbir tfisser tqis ruħek l-aħħar u tkun lest għas-servizz tal-oħrajn.                                                                  
  2. Is-sejħa tal-Appostli: “Ejja warajja!”  Din mhiex sejħa għas-saċerdozju (din tiġi aktar tard) imma stedina biex jaċċettaw it-tagħlim ġdid ta’ Ġesu’.  Tixbah is-sejħa ta’ Abram meta Alla qallu biex jitlaq lejn art li kien se jurih.  Alla mbagħad urih x’kienet se tkun il-vokazzjoni tiegħu pass pass.  Illum Ġesu’ jsejjaħ dawn is-sajjieda biex jagħmlu l-ewwel pass fil-fidi.  Ma kinux jafu fejn sejrin u x’se titlob minnhom din l-“Iva” li qalu. Imma afdaw f’Ġesu’ b’qalbhom kollha bir-riżultat li wettqu għeġubijiet kbar.  Ġesu’ ma wegħdomx xi post speċjali fil-Ġenna imma li se jkunu sajjieda tal-bnedmin, i.e. se jgħinu n-nies jinqalgħu mill-ħama tal-qiegħ (idejat antiki) u jtellagħhom fil-wiċċ biex jaraw id-dawl ġdid ta’ Kristu.  B’hekk biss ikunu jistgħu jgħixu d-dinjita’ umana tagħhom.  Dawn id-dixxipli ħallew  (a) ix-xbiek warajhom.  Ħallew ukoll (b) id-dgħajsa, għax issa se jirkbu d-dgħajsa tal-kommunita’ Nisranija; (ċ) lil missierhom, i.e. it-tradizzjonijiet antiki li kienu ggranfati magħhom, biex b’hekk isiru liberi biex jaċċettaw lil Kristu.
  3. Allura llum min jimxi wara Ġesu’ jrid iħalli x-xogħol jew il-professjoni tiegħu warajh? Żgur li le.  Imma jekk qabel kien jaħdem għall-paga biss, issa, mnebbaħ mill-Vanġelu, għandu jaħdem b’intenzjoni aktar retta, jaqla’ l-ħobżna ta’ kuljum b’mod li jtejjeb il-ħajja tal-proxxmu.  E.g. kennies jista’ jagħmel xogħol ta’ kafkaf, jew jista’ jiknes tant tajjeb li jħoss sodisfazzjon kbir jara l-proxxmu ferħan għax qed igawdi l-indafa li ħalla warajh.  Fil-qosor, dixxiplu ta’ Ġesu’ jpoġġi l-valur tal-imħabba fl-ewwel post f’dak kollu li jagħmel.

Il-Vanġelu jispiċċa bi tliet verbi:

  1. JGĦALLEM: mill-Ħaruf se jiddi l-unika dawl abjad li se jmexxi l-bniedem fit-triq tas-sewwa.  Hemm bżonn li dan id-dawl jiġi rifless f’hajjitma.
  2. IXANDAR il-Bxara t-tajba: din il-Bxara se tagħti tama lil kull min hu qalbu maqtugħa, għax hija Bxara li l-Imħabba t’Alla hija aqwa minn kull ħażen li hawn fid-dinja, għax Alla huwa Tajjeb, anzi Hu l-Istess Tjubija.
  3. Il-morda JFIEQU:   mhux biss fil-ġisem imma anki fid-diżordni u fid-diżumanita’ li kull tant nitbaxxew fiha.

Sors:  lachiesa.it/liturgia/data/cerca/omelie/padrefernando armellini

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading