Home > Lectio Divina > Lectio Divina għall-1 Ħadd tar-Randan, Sena “B”

Lectio Divina għall-1 Ħadd tar-Randan, Sena “B”


Vanġelu (Mk 1. 12-15): Mattew u Luqa jirrakuntaw 3 parabboli ta’ tentazzjonijiet: (a) tibdel il-ġebel f’ħobż; (b) tadura x-xitan u jtik poter fuq il-qawwiet tad-dinja; (ċ) taqbeż minn fuq il-quċċata tat-tempju għal-isfel u tippretendi li l-anġli jiġu jilqgħuk.  Dawn il-parabboli jiddiskrivu tliet fruntieri li se jiddikjaraw gwerra fuq il-missjoni ta’ Kristu.  Fis-silta tal-lum, qabel Ġesu ma jibda l-ħajja pubblika Tiegħu, dawn it-tliet fruntieri jiġu jittantawh bit-tama li Hu jabbanduna l-missjoni Tiegħu. S. Mark, b’żewġ sentenzi, jiddeskrivi din il-ġrajja biex iwissina li aħna wkoll niġu ttentati b’dan il-mod. Jiħtieġ inġibu ruħna kif ġab ruħu Ġesu.

  1. “L-Ispirtu ħareġ lil Ġesu fid-deżert.” Aħna nitolbu lill-Missier “La ddaħħalniex fit-tiġrib.” Għaliex, mela, l-Ispirtu ġibed lil Ġesu lejn id-deżert biex jiġi ttantat? Għax Ġesu kien bniedem bħalna f’kollox, barra d-dnub.  Għalhekk kellu jagħmel il-mixja ta’ bniedem: twelid, tfulija, żogħżija, eċċ. U, kif kull bniedem jiġi mħajjar (ittantat) biex jgħid jew jagħmel xi ħaġa li tnaqqaslu jew tisraqlu l-umanita tiegħu, hekk ukoll Ġesu ġie ttantat b’dan il-mod. Dan ma jfissirx li ġie mħajjar biex jagħmel il-ħażen, imma li ġie sottomess għall-prova, ittestjat.  Il-ħajja tal-bniedem hi mimlija provi li jrid jissupera jekk ikun irid ikompli fit-triq it-tajba. Ġesu, bħala bniedem, jissottometti ruħu għal dawn l-istess provi biex itina eżempju ta’ kif nirbħuhom.  Il-ħin kollu rridu noqogħdu għassa għal xi dawl jew leħen falz li, jekk nagħtu widen għalih, idaħħalna fit-tiġrib.  F’dawn il-mumenti ikun jiħtieġ nagħmlu l-għażliet tagħna.  Illum se naraw kif Ġesu għamel l-għażliet Tiegħu.
  2. Id-deżert għall-Lhud kien simbolu tal-ħruġ tagħhom mill-Eġittu u l-bidu tal-mixja tagħhom lejn l-Art Imwiegħda. In-numru 40 ifisser ħajja ta’ bniedem, ġenerazzjoni sħiħa. In fatti, ħadd minn dawk li ħarġu mill-Eġittu ma wasal fl-Art Imwiegħda imma uliedhom.  Mela, Ġesu ma ġiex ittantat 40 jum biss.  Ħajtu kollha kienet mixja bħal dik tal-popu Lhudi fid-deżert, u bħalhom u bħalna, kellu l-provi Tiegħu minn x’hiex jgħaddi.
  3. “U baqa’ erbgħin jum fid-deżert, imġarrab mix-xitan.” Fil-Bibbja, Satana jindika dak li jpoġġi ruħu kontra.  L-isem “Satann” kien komuni u kien jirreferi għal min ipoġġi lilu nnifsu quddiem nett bħala avversarju, e.g. bħala wieħed li jabbuża, jikkalunja, jittradixxi, eċċ. Mela Satann ma kienx persuna imma laqam mogħti lil dawn it-tipi ta’ nies. Iż-żagħżugħ David darba ngħaqad mal-Filistej kontra r-re Sawl, għax dan kien ifittex biex joqtlu. Il-ġenerali tal-armata għarfu li kien Lhudi u qalu lir-re li aħjar ma jafdawhx li ma jmurx isir Satann. i.e. traditur.  Fil-ktieb ta’ Ġobb, is-satann kien differenti: kien joqgħod jara u jisma’ x’kienu qed jagħmlu l-bnedmin u jmur jukżahom lil Alla. Fuq dan is-Satann Ġesu darba qal: “Rajt lil Satana jaqa’ mis-sema bħal sajjetta, għax dan is-Satann m’għadx għandu postu la fuq l-art u l-anqas fis-sema. Dan kien iservi meta n-nies kellhom ideja ta’ Alla li jikkastiga. Issa jien se nibdel din l-ideja f’waħda ta’ Alla li Hu mħabba.” L-Apokalissi (12.9) jikkonferma dan: “id-Dragun il-kbir, is-serp tal-qedem li hu msejjaħ id-Demonju u x-Xitan, il-qarrieq tad-dinja kollha, kien imwaddab għal fuq l-art, u miegħu kienu mwaddba l-anġli tiegħu.” F’kelma waħda, mela, dan is-satann hu l-personifikazzjoni tal-loġika tad-dinja, tal-ħażen u ta’ dak kollu li jipprova jbiegħdna minn Kristu u l-proposta Tiegħu li ngħixu ta’ bnedmin tassew umani.  Aħna jkollna naffrontaw din il-loġika kuljum, u jiħtieġ noqogħdu għassa li ma tmurx din il-loġika tiġbidna fit-triq il-ħażina.  Dil-loġika tinkarna ruħha f’nies li jgħidu: “U b’daqshekk? U din x’fiha ħażin? U mhux kulħadd qed jagħmel hekk?” eċċ. Dawn it-talin jippromwovu bniedem mhux skont il-qalb t’Alla u li jirrifletti wiċċ l-Iben, li fiH il-Missier isib l-għaxqa Tiegħu. Eżempju ta’ dan kien Pietru: meta beda jlum lil Ġesu għax ried jitla’ Ġerusalemm għall-passjoni, Ġesu qallu: “Itlaq minn quddiemi, Satana, għax int mhux qed tqis ir-rieda  t’Alla, imma qed tirraġuna bil-loġika tal-bnedmin.” Anki aħna jiħtieġ noqoghdu attenti minn das-Satann għax jinkarna ruħu fl-istituzzjonijiet u fil-Mass Media. E.g. kemm insibu fuq facebook (u bnadi oħra) min jirridikola lil min għadu sod fil-Fidi, fil-Vanġelu, fit-tagħlim tal-Knisja u fit-twissijiet Tal-papa u tal-Arċisqof! Dan hu s-Satann tal-lum.
  4. “Kien jgħix qalb il-bhejjem selvaġġi.” Dawn mhux xi ljuni jew xakalli imma nies fil-poter li jridu jibilgħu kemm jifilħu mid-dinja. Il-profeta Danjel ixebbaħ dawn l-aggressuri ma’ ljun (Babiloniżi), ors (Medi), leopard (Persjani). Ġesu kellu jaffronta l-bhejjem ta’ żmienu: (a) il-Fariżej, li kienu jgħassru lill-poplu b’tagħlim qarrieq u b’immaġini żbaljati ta’ Alla; (b) is-Sadduċej, li kienu jikkontrollaw l-ekonomija reliġjuża tat-tempju; (ċ) il-qassisin il-kbar, li rrifjutaw it-tagħlim ta’ Kristu; (d) l-Iskribi, li kienu jitolbu fit-tul imma mbagħad jibilgħu il-ġid tar-romol; (e) is-Sinedriju.  Jiħtieġ li nżommu quddiem għajnejna li aħna li aċċettajna s-Saltna ta’ Kristu, se jkollna naffrontaw dawn il-bhejjem selvaġġi ta’ żmienna.
  5. “..u kienu jaqduh l-anġli.” Dawn mhux bil-fors huma l-ħlejjaq spiritwali bil-ġwienaħ, imma kull min isir strument f’idejn Alla tal-messaġġ ta’ Ġesu. In fatti, jekk nagħmel xi pjaċir lil xi ħadd, dan jgħidli: “Rajtek anġlu.” L-anġli tal-lum huma dawk li jaħdmu favur il-paċi, il-ħajja, b’risq il-fqar u l-morda,  u nies bżonnijiet speċjali.  F’ħajtu Ġesu kellu anġli li jaqduh: (a) Ġużeppi u Marija; (b) id-dixxipli; u (ċ) in-nisa twajba, li kienu jaħsbulu għall-ħwejjeġ materjali.
  6. “Iż-żmien huwa mitmum.” F’dan l-ewwel Ħadd tar-Randan, aħna mitlubin ma nitilfux ħin aktar, imma “nindmu u nemmnu fil-Bxara t-Tajba” u nħajru oħrajn jagħmlu l-istess.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini

Categories: Lectio Divina
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: