Home > Archbishop Emeritus Paul Cremona OP > “FEJN INSIBUHOM IS-SAGRAMENTI?”

“FEJN INSIBUHOM IS-SAGRAMENTI?”


Mill-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona OP

Il-Kelma ‘sagramenti’ tfisser il-grazzja li jagħtina l-Mulej biex inkunu nistgħu ngħixu ma’ Ġesu’ il-mumenti l-iktar importanti tal-ħajja tagħna. Biex jgħinna naraw din il-grazzja Ġesu’ rabat dawn il-grazzji ma’sinjali li nistgħu naraw jew nisimgħu: il-ministru, l-oġġetti li jintużaw fir-rit, u l-kliem.

Mgr Paul Cremona OPAħna nemmnu li Ġesu’ f’kull sagrament jagħtina grazzja speċjali għal xi skop partikulari biex ngħixuh kif għallimna l-Mulej, għall-għixien tal-ħajja nisranija tagħna. Din il-grazzja ngħixuha daqs kemm nitolbuha u nħalluha taħdem fina.

Il-kelma ‘sagrament ‘ ma nsibuhiex fil-Vanġelu – semmiethom hekk il-Knisja – iżda nsibu fejn Ġesu’ tkellem fuq il-grazzja li toħroġ minnhom. (Iktar ‘l quddiem, nirriflettu fuqhom wieħed wieħed).

Il-ħajja tagħna tibda billi nitwieldu. Is-sagrament tal-Magħmudija jagħtina ħajja ġdida f’Ġesu’. Il-Magħmudija tneħħi minna d-dnub tan-nisel. Hi tgħinna bil-grazzja tas-Sagrament biex ninfetħu għall-preżenza ta’ Ġesu’ fil-ħajja tagħna: “Min jemmen u jitgħammed isalva; iżda min ma jemminx ikun ikkundannat” (Mk 16,16).

Fil-ħajja tagħna rridu niltaqgħu ukoll mal-ħażen fina u madwarna. Il-Mulej kien jaf li nistgħu niżbaljaw. Għalkemm Ġesu’ qalilna biex inkunu perfetti bħall-Missier, li jibqa’ dejjem l-għan għoli tal-ħajja tan-nisrani: “Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5,48) hu kien jaf ukoll li qatt mhu se nilħquha perfettament, allura qalilna li meta niżbaljaw huwa se jagħtina l-maħfra fis-sagrament tal-Qrar, jew tar-Rikonċiljazzjoni: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu: Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li zzommuhomlhom ikunu miżmuma” (Ġw 20,22).

Il-Mulej kien jaf li għandna bżonn l-ikel spiritwali biex nikbru fih. Huwa tana l-ikbar ikel li seta’ jagħtina – Ġismu u Demmu stess: f l-Ewkaristija: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom: agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (Lq 22,19).

Fil-Magħmudija aħna nirċievu diġa’ l-Ispirtu s-Santu: fil-Magħmudija is-saċerdot jagħmel sinjal tas-salib biż-żejt ikkonsagrat fuq ġbin it-tarbija, jew l-adult. Iżda ir-rieda biex nirċevu l-Ispirtu s-Santu jkunu għamluha l-ġenituri meta tkun tarbija. Irid jasal iż-żmien meta jikber, li issa hu jew hi juru r-rieda li jirċievi l-Ispirtu s-Santu. Għalhekk insejħulu is-Sagrament tal-Konfirmazzjoni, il-Griżma tal-Isqof: “Mbagħad l-appostli qiegħdu jdejhom fuqhom , u huma rċevew l-Ispirtu s-Santu” (At 8,17).

Jidher ċar li għal Alla l-Ħallieq, huwa qiegħed l-għaqda bejn mara u raġel bħala bażi tal-Imħabba fil-ħajja tas-soċjeta’. Tant hi mportanti din l-għaqda li Alla, u wara, anki Kristu, għaqqadha ma’ impenn għal ħajjithom kollha. Tant hi mportanti din l-għaqda, li Alla jużaha biex kull tarbija titwieled u titrabba f’din l-imħabba. Tant hija mportanti din l-għaqda, li l-Knisja tagħtihom l-għajnuna tal-grazzja ta’ Ġesu fis-Sagrament taż-Żwieġ: “sa mill-bidu għamilhom raġel u mara… it-tnejn isiru ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla m’għandux jifirdu l-bniedem” (Mt 19,4-6).

L-imgħammdin kollha jagħmlu sehem mill-Missjoni Saċerdotali tal-Knisja: li tkun Bejjiena ta’ Grazzja bejn id-dinja u Alla. Biss Kristu kien jaf li biex din isseħħ hemm bżonn li jkollha persuni li jkunu bejn il-Komunita’ Nisranija u Sidna Ġesu’ Kristu. Biex isaħħaħ dawn il-persuni li jagħżel għal dan il-qadi, huwa ta s-Sagrament tal-Ordni Sagri : Saċerdozju Ministerjali: “Kull qassis il-kbir meħud minn fost il-bnedmin, hu mqiegħed għall-bnedmin f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla… min hu msejjaħ minn Alla” ( Lhud 5,1.4).

Wieħed mill-mumenti l-iktar iebsin li l-bniedem jiffaċċja huwa l-mard. F’dan il-mument ikollna bżonn il-preżenza u l-grazzja tal-Mulej. Il-Mulej tana is-Sagrament tal-Griżma tal-Morda: “Hemm xi ħadd marid fostkom? Ħalli dan isejjaħ lill-presbiteri tal-Knisja biex dawn jitolbu għalih u jidilkuh biż-żejt f’isem il-Mulej” (Ġak 5,14).

Dawn is-sagramenti kollha għandhom xi ħaġa komuni minbarra l-grazzja. Xi drabi aħna ngħaqqduhom ma’ xi ritratt tal-Magħmudija, tal-Griżma, tat-Tieġ… u nieħdu gost nuruhom. Biss ritratt se jibqa’ hemmhekk u ma jmurx: biżżejjed xi tfarfira. Hemm bżonn li nifhmu li s-sagramenti nxebbħuhom ma’ xitla: jekk ma ssaqqihiex tmut. Dan hu s-sagrament: jekk ma tibqax issaqqih billi tħaddmu fil-ħajja tiegħek, hu ‘jmut’: ma jibqax ħaj biex jagħtina l-grazzja. Hekk jiġri ħafna drabi fina.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: