Bla ma kien mistenni, il-Papa Bergoglio żar Ostia u għamel it-tberik ta’ xi familji hemmhekk: «Qed niddisturbak? Jien Franġisku»
X’sorpriża! Immaġina l-uċuħ ta’ xi nies f’Ostia: iħabbat il-bieb, immorru jiftħu, jaħsbu li ser isibu l-kappillan tal-parroċċa u minflok isibu lill-Papa Franġisku.
Flimkien ma’ Mons. Rino Fisichella u xi gwardja li s-soltu jkollu miegħu, il-Papa, wara l-ikel, rikeb il-karrozza u mar Ostia, post ‘l barra mill-belt ta’ Ruma, li hu qrib il-baħar.
Jumejn qabel, Dun Plinio Poncina, wieħed mill-kappillani tas-sitt parroċċi li hemm f’din iż-żona, kien avża lil xi familji li kellu jmur ibierek id-djar tagħhom – it-tberik tradizzjonali li s-soltu jsir fi żmien il-Għid. Iżda minflok il-kappillan, mar il-Papa, li ċempel il-qampiena tal-bieb u qagħad jistenna sakemm fetħulu. Xi wħud bil-kemm setgħu jemmnu dak li kien qed jiġri; kien hemm ferħ kbir; kienet żjara pastorali li ħalliet ħafna kommozzjoni: hekk ikkummenta Mons. Fisichella.
Waqt li l-Papa kien qed ibierek f’dawn l-appartamenti, hu ltaqa’ mal-ħajja ta’ kuljum li jgħixu n-nies f’dan il-post: anzjani waħidhom, li tant kienu kommossi b’dan il-ġest ta’ attenzjoni; ommijiet bit-tfal li Bergoglio beda jiċċajta magħhom; raġel li għadu kif għadda minn operazzjoni; missier li flimkien ma’ uliedu kien qed jistenna l-mara ġejja lura mix-xogħol….u saħansitra familja Ortodossa mir-Rumanja li laqgħu lil Franġisku u lill-kappillan b’ferħ kbir.
Il-burdata tajba tal-Papa ma naqsitx. Beda jiċċajta man-nies, jitlobhom skuża għax iddisturbhom ….. iżda jgħidilhom li rrispetta l-ħin ta’ mistrieħ skont kif hemm miktub fid-daħla tal-appartmenti.
Għaliex għażel li jżur Ostja? Ostja tagħmel parti mit-territorju ta’ Ruma u jgħixu fiha madwar 200,000 ruħ. “Hi post kbir, fejn hemm bosta problemi, din hi periferija li għandha bżonn ta’ attenzjoni u kura. Għalhekk għażel lilha” – qal Mons. Fisichella
Il-Knisja, il-parroċċa u l-grawnd żgħir tal-futball li hemm fil-qrib, spiss jkunu punt ta’ riferiment għall-komunità u punt ta’ sostenn f’dawk ir-realtajiet soċjali u eżistenzjali, li spiss jġibu magħkom l-esklużjoni.
Papa Bergoglio qed ikompli juri sinjali pastorali ispirati mill-opri tal-ħniena li wettaq waqt il-Ġublew, meta żar djar familja, orfanatrofji, sptarijiet, ospizji, kiel mal-foqra…..
Bħala rigal ħalla kuruna tar-Rużarju għal kulħadd. Hu talab ma’ dawn in-nies, għamlilhom mistoqsijiet, ħa interess fil-ħajja tal-familji tagħhom…. Imbagħad reġa’ rikeb il-karrozza u mar lura f’Santa Marta.