“BILLI MA NITQARBINX: X’SE NITLEF?” (2)

Print Friendly, PDF & Email

Mill-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona OP

L-Ewkaristija tal-komunita’ Nisranija
Meta Ġesu’ waqqaf l-Ewkaristja fl-Aħħar Ċena, wara li kkonsagra l-ħobż u l-inbid qal lil dawk ta’ madwaru: “agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (Lq 22,19). L-Ewkaristija hija l-ikbar mod kif il-komunita’ nisranija, il-Knisja, żżomm il-preżenza ta’ Ġesu fostha. Hija l-preżenza reali ta’ Ġesu’ tul iż-żminijiet, f’kull post.

Mgr Paul Cremona OPU l-ewwel komunita nisranija, dik li nibtet wara l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli, mill-ewwel bdew jiċċelebraw l-Ewkaristija. Ġesu għadda din il-qawwa tiegħu li jiċċelebra l-Ewkaristija lill-Knisja tiegħu. Fl-Ewkaristiji l-oħra (tal-Aħħar Ċena u tad-dixxipli ta’ Għemmaws) kien hemm Ġesu’ stess preżenti li ċċelebra l-Ewkaristija, kemm qabel il-Passjoni u kemm wara li rxoxta. Issa l-Knisja mhux biss tirċievi l-Ewkaristija minn Ġesu’ iżda tiċċelebraha permezz tas-saċerdot. Il-Knisja hija ħaġa waħda ma’ Ġesu’!

Fl-Atti tal-Appostli għandna rakkont tal-Ewwel Ewkaristija. Fehmu li ma tistax tkun mument għalih, iżda trid tkun magħquda mal-ħajja kollha tal-komunita’ li tkun tixbah lil dik tal-Mulej Ġesu’ Kristu. L-Atti tal-Appostli tispjegaha hekk: “Dawk kollha li kienu jemmnu kienu ħaġa waħda, u kienu jaqsmu kollox bejniethom… u kuljum kienu jmorru fit-tempju flimkien, jaqsmu l-ħobż fi djarhom (l-Ewkaristija), u jissieħbu fl-ikel bi qlub ferħana u safja; u kienu jfaħħru lil Alla…” (Atti 2,44-47).

L-Ewkaristija ma nistgħux nifirduha mill-ħajja li għallimna Kristu! Għalhekk l-Ewkaristija nagħmluha – ħlief fi bżonnijiet speċjali, bħal morda – fil-quddiesa fejn niltaqgħu bħala komunita’fl-imħabba ta’ Kristu, nisimgħu l-kelma biex inkunu nafu kif ngħixuha ta’ nsara u nitqarbnu bil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu.

L-Għixien tal-Ewarkistija
Il-Knisja għaqqdet il-kmandament tas-Sibt Qaddis fl-Antik Testment mal-Jum Qaddis li fih tiġi ċċelebrata il-Quddiesa u l-Ewkaristija. Diġa fis-sena 155 wara Kristu San Ġustinu kiteb hekk “Ninġabru flimkien f’Jum ix-Xemx (Sun-day) għaliex dan hu l-Ewwel Jum (Ħadd – wieħed) li fih Alla… ħalaq id-dinja, u … l-jum li fih Ġesu’ Kristu… qam mill-imwiet”.

San Pawl fl-Ewwel Ittra lill-Korintin (kk 10 u 11) jirrakkonta it-twaqqif tal-Ewkaristija fl-Aħħar Ċena. Hu jagħmlilhom ukoll xi riflessjonijet li jgħoddu wkoll għalina.

Il-Kalċi Mbierek u l-Ħobż li naqsmu huma għaqda mal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu (10,16). L-ostja li nieħdu hija tant żgħira li ma nistgħux nersqu lejha bis-sensi tagħna biss, bħalma nersqu lejn il-Bini tal-Knisja. Irridu nħejju ruħna bil-fidi fil-preżenza reali ta’ Ġesu’ fl-Ewkaristija. Għalhekk inwieġbu ‘Amen’ meta s-saċerdot jgħidilna ‘Il-Ġisem ta’ Kristu’.
“La l-ħobża hija waħda, aħna li aħna ħafna, aħna Ġisem wieħed (fi Kristu)” (10,17). Kif nista’ nilqa’ l-imħabba ta’ Ġesu ġewwa fija, jekk il-qalb tiegħi hija iebsa bin-nuqqas ta’ maħfra. Meta nagħtu l-paċi lil xulxin bil-qalb, inkunu qed nistqarru li ngħixu dan.

“Ħa jagħrbel il-bniedem lilu nnifsu imbagħad jiekol il-Ħobż u jixrob il-Kalċi”. Irridu nersqu lejn it-tqarbin b’qalbna imħejjija biex Ġesu’ jħossu komdu ġewwa fina. Hekk nagħmlu meta nistiednu lil xi ħadd id-dar: jekk le, nkunu qegħdin nuru kemm ma nistmawħx. Ovvjament min jitqarben biss għal wiċċ in-nies ikun qed ikasbar lill-Mulej, u jrid jagħt rendikont tal-għemil tiegħu, ta’ dan id-dnub gravi quddiem Alla. Ma nistgħux neħduha b’mod leġġer, għaliex hija dnub kontra Alla u kontra l-Komunita’ li tkun ġiet b’fidi!

Jekk ikollna d-dnub – l-aktar dak li huwa gravi – komdu ġewwa fina, Ġesu ma jistax ikun komdu biex inħalluh jgħannaqna. Il-Mulej kien jaf li aħna dgħajfin u għalhekk tana s-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni biex nissaffew ‘qabel’ ma nersqu lejn it-tqarbin, l-għaqda sħiħa tagħna mal-Mulej. L-Ewkaristija mhijiex tagħna bħala ‘qaddisin’, iżda tagħna midinbin iżda li tlabna maħfra.

Il-Madonna
Biex nidħlu iktar fil-misteru tal-Ewkaristija nistgħu naħsbu ftit meta l-Madonna kienet tirċievi l-Ewkaristija. Hi kienet fil-komunita’ nisranija mmexxija minn Ġwanni l-Appostlu li Ġesu minn fuq is-Salib kien afda lil Ommu f’idejħ. Naħsbu ftit kif, meta kienet titqarben, kienet tħoss lil Ġesu ġewwa fiha bħal meta kien fil-ġuf tagħha. Fil-fidi tagħha ma kienx hemm differenza. Dan il-ħsieb jgħinna biex nidħlu iktar fil-preżenza reali ta’ Ġesu’ ġewwa fina. Kull darba li nersqu lejn it-tqarbin inkunu qegħdin inkomplu l-Inkarnazzjoni, din id-darba ġewwa kull wieħed u waħda minna.

Xieraq li nħejju ruħna għat-tqarbin bħalma l-Madonna ħejjiet ruħha biex tirċievi lil Ġesu’ ġewwa l-ġuf tagħha: “Jiena l-qaddejja tal-Mulej. Ħa jsir minni skont kelmtek”.

One thought on ““BILLI MA NITQARBINX: X’SE NITLEF?” (2)”

  1. Hadt pjacir insegwi il papa frangisku dwar l-abort u trafikar umani.U l-isqof emeritus Pawlu Cremona.
    Nixtieq nkompli nircivi mil lajkos.Grazzi

Leave a Reply

%d bloggers like this: