Home > Archbishop Emeritus Paul Cremona OP > “ĠESU’ MHUX BIŻŻEJJED? GĦALFEJN MARIJA?” (1)

“ĠESU’ MHUX BIŻŻEJJED? GĦALFEJN MARIJA?” (1)


Mill-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona OP

L-ewwel darba li smajt din l-istqarrija kienet snin ilu meta kont qed nagħmel irtir lil grupp ta’ adolexxenti. Dak li kien qed jieħu ħsiebhom staqsihom jekk jitolbux lil Marija. Kulħadd qal ‘Iva’ ħlief waħda li qalet ‘Le’: jiena nitlob lil Ġesu’ biss. S’intendi dak li staqsiehom baqa’ mistagħġeb. Iżda lili dik it-tweġiba gagħlitni naħseb: Parti minn dan il-kliem huwa veru, għaliex Ġesu’ biss huwa l-Medjatur ewlieni, hu biss huwa neċessarju għas-salvazzjoni tagħna. Iżda dan jiftaħ it-triq għal mistoqsija oħra: Il-Vanġeli setgħu nkitbu mingħajr ma nkunu nafu lil Marija.

Mgr Paul Cremona OPIżda jekk Ġesu’ riedna nafu lil Ommu, jien min jien biex ma naċċettax din l-offerta: li nsir qrib ta’ Ommu Marija. U wasalt għal din il-konklużjoni: Ġesu’ ma riedx jagħtina biss dak li hu neċessarju. Ried jagħtina wkoll lil Ommu bħala don lilhinn minn dak li hu neċessarju. Jien naf xi wħud li kien it-talb lejn il-Madonna li ressqithom għand Ġesu’.

Xi Gruppi mhux Kattoliċi li jemmnu f’Ġesu’ kultant jistaqsuni “Għaliex din l-importanza lejn il-Madonna?” It-tweġiba tiegħi tkun: “Mhux tort tagħna: Tort ta’ Ġesu’. Ried idaħħalha fil-mumenti l-iktar importanti tal-ħajja tiegħu, biex insiru nafuha. Kif nistgħu niċċensuraw il-Kelma tiegħu hekk li nħallu ‘l barra dak li jgħidilna fuq Ommu?”.

Lilna wkoll kultant jgħidulna “Għax intom taduraw lil Marija”. Xi wħud minn dawn il-gruppi mhux kattoliċi isemmulna dak li hemm miktub fuq l-ewwel kmandament: “Ma jkollokx allat oħra ħliefi. Ma tagħmel ebda idolu jew xbieha..Tadurahomx u sservihomx.” (Dewt 5,7-9). Għall-pagani ma kenux xbieha biex ifakkruhom f’Alla, iżda xoghol il-bniedem jagħmluh alla, u jadurawh.

Nafu li mhux veru dan: aħna naduraw lil Alla waħdu. Iżda noqogħdu attenti li ma nħossux jew nuru xi ħaġa differenti. L-antenati tagħna kienu tant iħobbu lil Marija, li ħafna drabi żejnu l-istatwi u l-kwadri ta’ Marija bi sbuħija u ħafna ħwejjeġ prezzjużi oħra. (Tajjeb iżda li niftakru wkoll li Alla tana lil Marija fqira, mhux għax ma ħabbhiex, iżda biex ma nħallu xejn itellifna milli niftakru fl-għana spiritwali li qiegħed ġewwa fiha: hemm hi l-għana veru tagħha!).

Huwa ħafna mportanti li qatt ma nieqfu fl-istatwa biss u s-sbuħija, għax inkella sservina ta’ aljenazzjoni. Dak li qed naraw b’għajnejna irid iwassalna lejn Marija Omm Ġesu’ u r-realta’ tal-ħajja li għexet. Naħseb li ma tantx inkunu qegħdin ngħinu lil min jaħseb li aħna naduraw lil Marija biex ineħħu l-idejat żbaljati tagħhom, l-aktar meta naħbu r-realta’ ta’ Marija taħt xi titlu partikulari u għalina jibda jgħodd biss dak it-titlu. Ma hemm xejn ħażin li nkunu nafu fuq il-pittura jew l-istatwa – min għamilha; meta saret; min ħallasha eċċ – u nafuhom tant li kull min jistaqsina fuqhom kapaċi ngħidulhom kollox għaliex bqajna niftakruhom. Iżda mbagħad ma nafux jew ma nħossunix li nispjegaw min kienet il-Madonna u xi tfisser verament għalina: dan ma jagħmilx sena li nkunu nippromwovu l-istatwa iżda mhux lil Madonna. U dan ma jfissrx li ngħid “Viva l-Madonna” u nkun qed nifhem biss l-istatwa u mhux il-Madonna vera!

Jien nikkunsidra dan kollu bħal meta omm ikollha tarbija. Hija teħdilha ħafna ritratti differenti, u tibgħathom lil ħbiebha: min jogħġbu ritratt u min ieħor. Iżda xorta ma niqafx fir-ritratt, iżda nħallih ifakkarni fit-tarbija. L-istatwi huma ritratti differenti ta’ Marija, li jogħoġbu lil kulħadd b’mod differenti. Iżda xorta Marija fiha nfisha (bħat-tarbija) li tibqa’ importanti mhux ir-ritratt. Dan jgħodd b’mod speċjali meta nimpikaw ritratt ma’ ieħor (xbieha ma’ oħra) flok inħarsu lejn il-Madonna bir-ritratt tagħha li jogħġobni. Meta nagħmlu hekk – Madonna kontra Madonna – ma naħsibx li tifraħ il-Madonna, għax inkunu qegħdin nagħmluha għajn ta’ firda bejnietna: żgur li nkunu qed nagħmlu diżunur lill-Madonna meta nittrattawha hekk. Ikun sabiħ meta d-diversi ritratti (statwi) tal-Madona jgħaqqduna flimkien taħt il-mant tagħha.

Tajjeb li min jieħu tant sforz b’tant sagrifiċċju biex iżejjen it-toroq, jarma l-istatwa tagħha u l-Knisja, jfittex li jkun jafu iktar fuq il-Madonna u jħalliha f’kollox, kuljum, tkun qrib fil-ħsibijiet, fil-kliem u fl-għemil tiegħu B’hekk mhux biss ikun qiegħed jifraħ u jferraħ lin-nies bit-tiżjin iżda jkun qiegħed jirbaħ merti fis-sema.

Ma tagħmilx sens l-aktar meta wara dan kollu forsi nkunu nużaw l-isem ta’ Marija b’mod li nkasbruha, iżda mbagħad niddefendu l-istatwa tagħha. Araw Ġesu’ x’jgħid fuq hekk: “Ħazin għalikom… Jekk wieħed jaħlef bis-santwarju (il-Madonna) il-ħalfa ma tgħoddx; imma jekk jaħlef bid-deheb tas-santwarju, (l-istatwa) jkollu jrodd… Xinhu l-aqwa? Id-deheb (l-istatwa) jew is-Santwarju (il-Madonna) li jqaddes id-deheb (l-istatwa)?” (Mt 23, 16, 17).

Importanti ukoll li niftakru fl-isbaħ rigal li nistgħu nagħtu lil Marija. Ġieli nisimgħu priedki u paneġierki li b’ħafna imħabba lejha jgħollu lil Marija fiha nfisha. Iżda rridu niftakru li fil-Magnificat Marija ddeskriviet lilha nfisha bħala “ċkejkna” u “qaddejja”: ma tantx kienet u għada tistenna tifħir lejha. Hija tattribwixxi kollox lil Alla l-Missier: “għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar”.. Naħseb tifraħ meta nħallu l-kobor tagħha f’Alla l-Missier iwassalna lejn Ġesu’.

Ejja issa naraw il-vera sbuħija tal-Madonna, b’Ġesu’ ħdejha kif juruna l-Evanġelji!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: