minn Manwel Cutajar
Il-Mirakli Ewkaristiċi fit-tagħlim tad-Dutturi tal-Knisja Kattolika (3)
Wara li fl-artiklu Nru 106 tkellimna dwar it-tagħlim tal-Missirijiet u l-Ommijiet tal-Knisja Kattolika dwar il-Mirakli Ewkaristiċi issa nitkellmu dwar it-tagħlim tad-Dutturi tal-Knisja dwar dil-istess tema.
● San Girgor il-Kbir (ċ. 540–604) kien Papa prominenti, riformatur monastiku, u Duttur tal-Knisja magħruf ħafna għat-tiswir tal-liturġija Nisranija, u l-kitba ta’ testi teoloġiċi u spiritwali influwenti. Huwa intgħażel bħala Papa fis-sena 590 u mexxa l-Knisja Kattolika matul żmien diffiċli ta’ invażjonijiet barbari fl-Italja. Huwa kien xhud dirett ta’ dal-Miraklu Ewkaristiku:
Waqt li dal-Papa kien qiegħed jiċċelebra l-Quddiesa, fil-ħin tat-Tqarbin innota li fost l-insara wieqfa fil-kju biex jitqarbnu kien hemm waħda min-nisa li kienu ħejjew il-ħobż għall-Konsagrazzjoni Ewkaristika, (kif kienet id-drawwa f’dawk iż-żminijiet li l-ħobż li jintuża għaċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika kien jiġi ppreparat mill-fidili nsara stess) u kienet qiegħda tidħaq. Il-Papa, inkwieta ferm u waqt li talabha tersaq f’ġenb staqsieha x’kienet ir-raġuni għal dik l-imġieba tagħha. Il-mara qalet li ma setgħetx tifhem u temmen kif kien possibbli li l-ħobż li hi stess kienet ħejjiet b’idejha, issa sempliċiment bil-kliem tal-Konsagrazzjoni sar il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. F’dak il-ħin, il-Papa San Girgor ipprojbilha milli tersaq għat-Tqarbin u talab lil Alla biex idawwalha. Eżatt meta temm jitlob, il-Papa Girgor ra li l-istess ħobż li kienet ippreparata dik il-mara tbiddlet fil-Laħam u d-Demm ta’ Kristu.
Il-mara, meta rat hekk, niedma niżlet għarkubbtejha mal-art u bdiet tibki għan-nuqqas ta’ Fidi fl-Ewkaristija Divina.
Kitbiet u Impatt Liturġiku tal-Papa San Girgor :Magħruf bħala wieħed mill-Padri u d-Dutturi Latini l-kbar tal-Knisja Kattolika, il-kitbiet teoloġiċi estensivi tiegħu fid-Djalogi saħħew il-fehim medjevali tal-Quddiesa, l-Ewkaristija u s-Sagramenti u l-effikaċja tal-Quddies offrut għall-erwieħ fil-Purgatorju.
Il-Papa San Girgor il-Kbir kien ġie pproklamat Duttur tal-Knisja Kattolika fl-1298 miIl-Papa Bonifaċju VIII.
● San Pietru Damjan (1007–1072) Dal-Kardinal Benedittin, iddikjarat Duttur tal-Knisja fl-1828 mill-Papa Ljun XII, fil-kitbiet tiegħu ddokumenta wieħed mill-aktar ġrajjiet bikrin magħrufa tal-Mirakli Ewkarisitiċi tas-seklu Ħdax, meta f’Trani, l-Italja, fis-sena 1050 Ostja kkonsagrata, misruqa minn mara waqt it-Tqarbin biex tużaha għas-seħer, mirakolużament “imbiddlet b’tali mod li nofs l-Ostja saret il-Ġisem tal-Mulej b’mod viżibbli, filwaqt li n-nofs l-ieħor żammet id-dehra tal-Ostja. Fil-ktieb tiegħu Opusculum XXXIV, (mill-PatrologiaLatina, Vol.CXLV, col. 573), San Pietru Damjan pprovda deskrizzjonijiet iddettaljata ħafna ta’ dal-Miraklu Ewkaristiku.
● San Bernard ta’ Clairvaux (1090–1153): patri Ċisjerċjan, iddikjarat Duttur tal-Knisja mill-Papa Piju VIII fis-sena 1830, kien involut fil-ġrajja tas-seklu Tnax li spiss jiġi kklassifikat bħala Miraklu Ewkaristiku li jinvolvi l-konverżjoni tad-Duka Gulielmu X ta’ Aquitaine, li kien jappoġġja l-Antipapa Anacletus II u jopponi b’mod riġidu l-Ġerarkija Leġittima tal-Knisja, hekk li spiċċa skomunikat u xiżmatiku. Waqt żjara f’Aquitaine, fi Franza fis-sena l-1134, San Bernard iċċelebra Quddiesa fil-Knisja ta’ La Coudre. Meta d-Duka, li rrifjuta li jidħol fil-knisja ta’ La Coudre qagħad jistenna barra, San Bernard wara l-Konsagrazzjoni, poġġa l-Ewkaristija Mqaddsa fuq il-patena, u ħareġ mill-knisja b’wiċċu mdawwal. Waqt li żamm is-Sagrament Imqaddes ‘il fuq, San Bernard ċanfar lid-Duka u wissieh billi qallu: “Tlabna lilek, u int iddisprezzajtna. Ara! Hawn hu l-Iben tal-Verġni, li ġie għandek, li hu s-Sid tal-Knisja li qed tippersegwita. Dan hu l-Imħallef tiegħek, li f’Ismu jinżlu l-irkopptejn kollha,u li f’idejh ruħek se tasal. Tiddisprezzahx kif għamiltu mal-qaddejja Tiegħu; irreżistih jekk tista’!”
Megħlub minn Qawwa Divina u misterjuża, Gulielmu niżel għarkupptejh b’sottomissjoni, u immedjatament rrinunzja x-xiżma, u aċċetta lill-Papa Innoċenzu II bħal il-veru u uniku Papa, u l-Ġerarkija tal-Knisja, u Gulielmu rriforma ħajtu kompletament. (Mill-Patrologia Latina tal-Vita Prima Bernardi,speċifikament fit-Tieni Ktieb).
Papa Innoċenzu II rrenja mill-1130 sal-1143.
Aktar tard fil-ħajja ta’ San Bernard, fis-sena 1431, wieħed mill-patrijiet Ċisterċjani tiegħu stess sar il-Papa Ewġenju III.
● Sant’Antnin ta’ Padova (1195–1231): Magħruf bħala d-“Duttur Evanġeliku”, huwa magħruf għall-kitbiet u l-priedki tiegħu li jiddefendu l-Preżenza reali ta’ Ġesu Kristu fl-Ewkaristja kontra l-eretiċi Katari. Sant’Antnin kien direttament assoċjat mal-magħruf “Miraklu tal-Bagħal” fejn bagħal niżel għarkupptejh jadura l-Ewkaristija minflok ma jiekol l-ikel li sidu kien ħejjielu. Skont it-tradizzjoni u r-rakkonti storiċi, eretiku, li kien is-sid tal-bagħal, sfida lil Sant’Antnin biex jipprova l-Preżenza ta’ Kristu fl-Ewkaristija. Għad-dehra u l-Preżenza tal-Ewkaristija l-bagħal mġewlaħ injora l-ikel tiegħu, il-munzell ħafur, u fil-pjazza tal-Belt quddiem kulhadd niżlet għarkupptejh jadura l-Ewkaristija. Meta raw dal-Miraklu Ewkaristiku ħafna mix-xettiċi u l-eretiċi, inkluż sid il-bagħal, ikkonvertew u bdew jemmnu fl-Ewkaristija.
Sant’Antnin ta’ Padova ġie ddikjarat Duttur tal-Knisja nhar 16 ta’ Jannar, 1946, mill-Papa Piju XII.
● San Bonaventura (1221–1274):It-teologu Franġiskan li mmedita profondament fuq il-Misteru tal-Quddiesa. Huwa kiteb fil-fond dwar it-trasformazzjonijiet spiritwali u mistiċi tal-Ewkaristija. Storikament, il-mewt tiegħu stess hija rreġistrata u ddokumentata bħala Miraklu Ewkaristiku: It-tradizzjoni tirrakkonta li meta kien marid wisq biex jibla’ l-ikel jew jitqarben regolarment fuq is-sodda tal-mewt tiegħu, l-Ostja Sagra ħarġet mill-pissidi u għebet f’sidru.
San Bonaventura ġie pproklamat Duttur tal-Knisja Kattolika fl- 1588 mill-Papa Sistu V. Huwa magħruf komunement bit-titlu tradizzjonali tad-“Duttur Serafiku” ( Doctor Seraphicus).
● San Albertu l-Kbir (1200-1280) (magħruf ukoll bħala Albertus Magnus) kien Dumnikan Ġermaniż tas-seklu tlettax, isqof, filosfu u xjenzat li kien iddikjarat Duttur tal-Knisja fl-1931 mill-Papa Piju XI. Huwa rikonoxxut b’mod uniku fit-tradizzjoni Kattolika bit-titlu ta’ Doctor Universalis (Duttur Universali) minħabba l-għerf u l-kontribut eċċezzjonali tiegħu kemm fit-Teoloġija Nisranija kif ukoll fix-xjenzi naturali disponibbli fi żmienu.
Huwa magħruf ferm għal:Mentoraġġ tad-Duttur Dumnikan San Tumas ta’ Akwinu; L-Armonizzazzjoni tal-Fidi u r-Raġuni; u L- Avvanz fix-xjenza naturali.
Filwaqt li kien devot profondament tal-Ewkaristija—kiteb trattati massivi bħal De Corpore Domini u De Sacramento Eucharistiae —Huwa ma qiesx il-Mirakli Ewkaristiċi bħala l-pedament primarju għall-Fidi. Minflok, analizzahom mil-lenti tat-teoloġija Skolastika u l-fiżika Aristotelika.
San Albertu ma ttrattax il-Mirakli Ewkaristiċi bħala l-bażi primarja għat-teoloġija Ewkaristika, iżda pjuttost qies is-Sagrament tal-Ewkaristija nnifsu bħala l-Miraklu Ewkistiku suprem tan-nutriment spiritwali. Bħala għalliem Dumnikan, xjenzat u filosfu, San Albertu sintetizza l-fiżika Aristotelika mar-Rivelazzjoni Divina. Huwa argumenta li l-Miraklu Ewkaristiku aħħari u Suprem huwa t-transubstanzjazzjoni—bidla sostanzjali moħbija taħt id-dehra naturali tal-ħobż u nbid—li sservi biex tittrasforma r-ruħ umana permezz tad-Diġestjoni spiritwali u mistika.
Għal San Albertu, il-Preżenza Vera ta’ Kristu fl-Ewkaristija hija realtà garantita minn awtorità Divina, mhux minn sinjali fiżiċi.
Ir-Realtà Moħbija:Fil-kummentarji tiegħu s-Sentenziu t-trattati tiegħu dwar l-Ewkaristija, San Albertu jispjega li l-preservazzjoni tal-“inċidenti” (il-proprjetajiet sensorji tal-kulur, it-togħma u n-nisġa) waqt li s-“sustanza” tinbidel fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu huwa l-Misteru Ewlieni Ewkaristiku.
Rivelazzjonijiet Privati:
Huwa kkonsidra il-Mirakli Ewkaristiċi bħala konċessjonijiet ikkawżati minn Alla minħabba d-dgħufija jew id-dubju tal-bniedem. Il-Fidi vera, skont San Albertu taġixxi fuq l-intellett uman imdawwal mill-Grazzja ta’ Alla, li ma jeħtieġx provi tas-sensi umani.