Il-Papa Ljun XIV fl-Angelus tad-19-il Ħadd matul is-Sena

IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 9 ta’ Awwissu, 2026

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum jgħidilna li fuq l-għadira tal-Galililja Ġesù, miexi fuq l-ilma, jersaq lejn id-dixxipli li jinsabu maqbudin f’tempesta (cfr Mt 14,22-33).

Wara l-miraklu tal-ħobż u l-ħut (cfr Mt 14,13-21), l-Imgħallem jordna lil tiegħu biex jitilgħu fid-dagħjsa u jaqdfu ‘l barra, waqt li hu jinġabar fuq il-muntanja, waħdu, biex jitlob.  Iżda meta kienu bogħod mix-xatt, iqum riħ qawwi kontrihom tant li bdew jitħabtu biex jibqgħu mexjin.  Wara esperjenza ta’ suċċess li fiha kienu protagonisti ta’ sinjal prodiġjuz, issa jsibu ruħhom bla ħila u mbeżżgħin quddiem it-theddida tal-mewġ u tar-riħ kontra.

Meta joqrob sbieħ il-jum Hu jersaq lejhom miexi fuq l-ilma mqalleb, u bil-biża’ ħasbuh fantasma (v. 26).  Iżda Hu jgħidilhom: “Agħmlu l-qalb, jien hu!” (v.27).  Il-preżenza tal-Mulej tibdel kollox: saħansitra, Pietru rnexxilu jagħmel xi ftit passi lejn Ġesù miexi fuq il-mewġ; iżda ħabat jibża’u beda jegħreq u Ġesù salvah.  Meta mbagħad l-Imgħallem tela’ fuq id-dagħjsa, it-tempesta waqfet u minn qalb il-dixxipli ħarġet spontanja l-istqarrija tal-fidi: “Tassew int Bin Alla!” (v. 33).

Biex jaslu għal din l-istqarrija ma kienx biżżejjed li raw miraklu, lanqas is-suċċess quddiem in-nies: kellhom jgħaddu mill-esperjenza tad-dgħufija tagħhom u fiha għarfu l-preżenza ta’ Alla.  Hekk biss setgħu jiftħu għajnejhom u qlubhom verament għall-qrubija tiegħu u sabu mill-ġdid il-paċi qalb it-tempesta.

Darba waħda, żmien wara, Ġesù kellu jgħidilhom: “Jekk ikollkom il-fidi, tiddubitawx (…), jekk lil dil-muntanja tgħidulha: “Inqala’ u mur inxteħet il-baħar” hekk isir” (Mt 21.21).  U kien propju dan li huma ġarrbu fuq l-għadira: il-paċi ta’ Kristu, li kien fuq il-muntanja jitlob, u resq lejhom fuq l-ilmijiet imqallba.

Tabilħaqq, dal-miraklu jgħallimna ħaġa importanti: l-ewwelnett biex ma noqgħodx niddandu bis-suċċessi u biex qatt ma nkunu prużuntużi; u fl-istess ħin, biex ma niddisprawx, lanqas fl-aktar mumenti mudlama, meta nħossuna bla saħħa quddiem il-problemi, u minkejja l-isforzi kollha tagħna, jidhrilna li aktar sejrin lura milli ‘l quddiem.  F’kull ċirkostanza, Ġesù qatt ma  jabbandunana, u jekk nilqgħuh bl-umiltà fid-dagħjsa ta’ ħajjitna – bit-talb, bis-Sagramenti, bis-smigħ tal-Kelma tiegħu – fih insibu l-paċi, insibu d-dawl u l-qawwa biex inkomplu l-mixja tagħna.

Jalla Marja tgħinna ngħixu ħajja b’abbandun mimli fiduċja f’Alla, Hi li minħabba l-fidi tagħha hi Beata (cfr Lq 1,45).

Wara l-Angelus

Cari fratelli e sorelle,

Qed inkompli nsegwi bi tħassib is-sitwazzjoni traġika fis-Sudan, speċjament fil-belt ta’ el-Obeid.  Jien u nesprimi l-qrubija spiritwali tiegħi lejn il-poplu kollu tan-nazzjon, inġedded l-appell lil min għandu awtorità biex jiggaratixxi kuriduri umanitarji għall-popolazzjoni ċivili.  Fl-istes ħin, inħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tagħti sapport lill-isforzi kollha li jimmiraw lejn waqfien mill-ġlied minnufih.  Nitolbu biex il-Mulej iwieżen lil min qed isofri, jikkonverti l-qlub ta’ dawk li jiżirgħu l-vjolenza u jagħti l-paċi tant mixtieqa lill-pajjiż.

Baqgħu jaslu aħbarijiet ta’ niket ta’ persuni innoċenti maqtulin jew feruti fl-Ukrajna u fir-Russja.  Il-ġrajjiet traġiċi jkomplu bla heda, anzi qed jiżdiedu u jħallu dejjem aktar vittmi ċivili, fosthom tfal ukoll.  Jien qrib il-familji tal-vittmi, il-feruti u dawk kollha li qed isofru minħabba l-kunflitt li għaddej.  Quddiem tant tbatija nġedded l-appell tiegħi sabiex id-dritt umanitarju jkun rispettat u miż-żewġ naħat jieqfu l-attakki fuq strutturi ċivili.  Il-gwerra ma tagħmel xejn aktar ħlief tiġġenera aktar gwerer u ġġib magħha tbatijiet enormi.  Wasal iż-żmien li tieqaf l-ispirali tal-vjolenza u jingħata spazju għad-diplomazija u għad-djalogu biex tinfetaħ it-triq lejn il-paċi.

U issa nagħti merħba lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn diversi pajjiżi!

Insellem b’mod partikolari liż-żgħżażagħ tal-Komunità Santa Maria Maddalena mid-djoċesi ta’ Milan li mxew il-Via Francigena minn Siena sa Ruma; kif ukoll lill-iscouts minn Enna li għamlu l-camping fuq l-għoljiet ta’ Ruma, liż-żgħażagħ minn Pernumia, djoċesi ta’ Padova.

Il-preżenza ta’ tant gruppi żgħażagħ li jagħżlu li f’xi ġranet tal-btajjel jiddedikaw ruħhom għal attivitajiet ta’ formazzjoni u ħbiberija hu sinjal ta’ tama; l-istess kif kienet il-ġrajja taż-żgħażagħ franġiskani li b’ferħ iltqajt magħhom nhar il-Ħamis li għadda f’Assisi.

Lilkom ilkoll, ġuvintur u xebbiet li qed tisimgħuni, nixtieq infakkarkom li dal-ġranet il-kalendarju liturġiku jtina xi figuri stupendi ta’ Qaddisin u nistedinkom issiru tafuhom aħjar. Ilbieraħ il-kbir San Duminku, fundatur tal-patrijiet predikaturi; illum Santa Tereża Benedetta tas-Salib, Edith Stein, karmelitana li nqatlet f’Auschwitz u ko-patruna tal-Ewropa; għada San Lawrenz, djaknu tal-Knisja ta’ Ruma; pitgħada Santa Chiara ta’ Assisi, li ħalliet ħajja komda biex timxi wara Ġesù fqir u umli, fuq il-mudell tal-konċittadin tagħha San Franġisk.  Għeżież żgħażagħ, ħallu lil dawn ix-xhieda eżemplari tal-Evanġelju jimlewkom bl-entużjażmu!

Grazzi lil kulħadd tal-preżenza tagħkom u l-Ħadd it-tajjeb!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading