“SE NIŻŻEWWEĠ”. “ARA SE TITGĦALLAQ?”: IŻ-ŻWIEĠ SAGRAMENT (8)


Mill-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona OP

Ġesu’ fuq iż-Żwieġ u l-Familja (tkompli). Ġesu’ tenna b’mod ċar it-tkomplija ta’ dan il-pjan ta’ Alla fih: “Iżda sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara. Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru u ‘l ommu u jingħaqad ma’ martu , u t-tnejn isiru ġisem wieħed. Għalhekk mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed” (Mk 10,6-8).

Mgr Paul Cremona OPMinħabba dan it-twettiq tal-Pjan ta’ Alla, Ġesu’ bilfors kellu jinsisti kontra d-divorzju bħala t-tifrik ta’ dan il-pjan: “Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem” (Mk 10,9). “Iżda ma kienx hekk mill-bidu (id-divorzju). U ngħidililkom, li min jibgħat lil martu – barra l-każ ta’ żwieġ ħażin – (il-Knisja dejjem għallmet li dan ifisser żwieġ kontra l-Liġi ta’ Mose’ – ara Lev 18,6-18)  u jiżżewweġ oħra, jkun ħati ta’ adulterju” (Mt 19,8-9).

Ma naħsibx li hi kumbinazzjoni li dan id-diskors fuq iż-żwieġ u fuq id-divorzju jiġi segwit mit-tagħlim u l-għemil ta’ Ġesu’ fuq  kemm huma prezzjużi t-tfal quddiem Alla  (Mt 19, 13-15; Mk 10,13-16). Ried ifakkarna kemm huma prezzjużi it-tfal quddiem Alla u fuq ir-risponsabbilta’ li għandha s-soċjeta’ kollha, iżda l-iżjed il-koppja, biex ma jweġġgħuhomx bl-ebda mod, anki fis-separazzjoni u d-divorzju.

L-Ispirtu s-Santu mexxa wkoll il-kitbiet tal-appostli biex ikomplu jispjegaw dan it-tagħlim fuq iż-żwieġ. San Pawl jikteb fil-kuntest taż-żwieġ: “Dan il-misteru – qiegħed ngħid għal Kristu u għall-Knisja – huwa kbir” (Ef 5,32). San Ġwann fl-Apokalissi jikteb hekk fuq ir-rebħa tal-Mulej mal-Knisja tiegħu: “għax wasal it-tieġ tal-Ħaruf (Ġesu’) u l-Għarusa tiegħu (il-Knisja) ħejjiet ruħha” (19,7).

 

San Pawl daħal iktar fil-prattika u fl-attitudni li għandhom jgħinu lill-miżżewġin. “Oqogħdu għal xulxin fil-biża’ ta’ Kristu. Intom in-nisa oqogħdu għal żwieġkom bħallikieku għall-Mulej… Intom l-irġiel, ħobbu lin-nisa tagħkom, kif Kristu ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha… hekk għandhom ukoll l-irġiel iħobbu n-nisa tagħhom bħallikieku ġisimhom stess. Min iħobb ‘l martu jkun iħobb lilu nnifsu” (Ef 5, 21-31; ara wkoll Kol 3, 18-21). Dawn l-attitudnijiet jiswew kollha kemm għar-raġel u kemm għall-mara.

 

Iżda forsi l-iktar ħaġa importanti li għallimna San Pawl hija fuq xinhi l-imħabba vera li għallimna Sidna Ġesu’ Kristu u li ma tispiċċa qatt. L-imħabba trid tieħu wiċċ differenti skont il-mument li jkunu għaddejjin minnhom il-miżżewġin: “tistabar u tħenn…ma titkabbarx fuq l-oħrajn… ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla, ma żżommx qalbha għad-deni… tifraħ bil-verita’…” (I Kor kap 13). Tista’ tkun eżami tal-kuxjenza fuq l-imġieba tal-koppja fiż-żwieġ.

 

Meta l-Papa Franġisku ried jikteb fuq iż-żwieġ u l-familja hu għażel forsi l-iktar żewġ kelmiet fundamentali fiż-żwieġ: ‘Amoris Laetitia’ (Il-Ferħ u l-Imħabba). Hu ried ifakkarna li l-qofol tal-imħabba hu meta il-koppja jferrħu lil xulxin, bil-kliem, bl-għemil. Il-Papa ħeġġeġ lill-koppja biex jużaw il-kliem ‘Grazzi’, ‘Prosit’, ‘Skużani’. Huma kliem li jservu biex nagħarfu li min hemm ħdejja huwa persuna li ħaqqha għarfien.

Għalhekk il-Knisja llum qiegħda tfittex eżempji ta’ koppji (mhux ta’ individwi fil-koppja) li qaddsu u ferrħu lil xulxin fiż-żwieġ biex ikunu mudell tal-miżżewġin. Hekk per eżempju għandna lill-ġenituri ta’ Santa Tereżina ta’ Lisieux. Huma eżempju li bit-talb u b’imħabba vera, kull koppja miżżewġa tista’ tilħaq bil-grazzja tas-sagrament taż-żwieġ.

(Jixraq li nsemmi żewġ stejjer veri meta dan kollu għen koppji biex jgħixu aħjar iż-żwieġ tagħhom. Kien hemm raġel li darba qalli: “jiena meta mmur quddiem il-Mulej ma ngħidlux jekk tlabtx, allavolja kien jitlob ħafna. Jien ngħidlu “Jekk illlum ħabbejt lil marti, mela ħabbejtek Mulej; jekk le, ma ħabbejtekx”. Il-koppja hija għal xulxin it-triq lejn il-Mulej.

Mara oħra kellha lil żewġha marid, u kellha taħslu għax kien inkontinenti. Qaltli meta tkun se tiddejjaq taħslu tiftakar li qiesha qed taħsel il-ġisem ta’ Ġesu’: Meta nirreferu kollox lejn Ġesu’, it-toqol tagħna jeħfief).

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.