Home > Minn Angelo Xuereb > Il-Misteru tal-Għid

Il-Misteru tal-Għid


Kitba ta’  Angelo Xuereb  –  Il-pedament tal-fidi nisranija huwa l-qawmien ta’ Sidna Ġesù mill-imwiet. Hija rebħa ta’ ferħ li fuqha huwa bbażat il-Kristjaneżmu.

1  L-Għid huwa l-ħelsien mid-dnub u l-mewt

Il-poplu Lhudi kien jiċċelebra l-festa tal-Għid. Fiha kien jiffesteġġja l-ħelsien tiegħu mill-art tal-Eġittu. Hemmhekk kien jgħix fil-jasar iżda Alla ħenn għalih. U taħt it-tmexxija ta’ Mosè ħareġ mill-jasar u beda l-mixja lejn l-art imwiegħda. Sidna Ġesù Kristu permezz tal-passjoni, mewt u qawmien tiegħu ħelisna mid-dnub u l-mewt. Dan huwa l-Għid tat-Testment il-Ġdid.

Forsi wieħed jistaqsi xi jfisser il-misteru tal-Għid? Ġesù bata’ passjoni ħarxa. Din ġabet magħha tbatijiet fiżiċi u tal-ispirtu fl-istess ħin. Permezz ta’ tbatijiet fiżiċi nifhmu dak kollu li għadda Ġesù fil-passjoni li ġablu tbatijiet f’ġismu. Bi tbatijiet tal-ispirtu nifmhu kemm huwa bata fl-ispirtu tiegħu. Irridu nifmhu li t-tbatija taffettwa lill-bniedem kollu kemm huwa. Iżda dawn it-tbatijiet li Ġesù bata f’għaqda totali mar-rieda tal-Missier, ma sfawx fix-xejn. Bihom huwa reġa’ ħabbibna ma’ Alla u hekk ġabilna s-salvazzjoni mid-dnub u l-mewt. San Pawl jgħidilna: “U jekk Kristu ma qamx fiergħa hija l-fidi tagħkom” (1 Kor 15,17). Nirraġunaw ftit. Kif Kristu jista’ jqajjimna mill-mewt kieku huwa stess ma rebaħhiex!

2 It-tbatija ma’ Kristu fiha valur

Aħna li qegħdin nimxu wara Kristu rridu ngħaddu mill-istess triq. It-tbatija li ngħaddu f’ħajjitna  jekk insofruha “bi Kristu, ma Kristu u fi Kristu” tħalli bosta frott spiritwali.

Huwa veru li ħadd ma jieħu gost ibati. Anzi x-xewqa għat-tbatija hija marda piskoloġika li tissejjaħ masokiżmu. Il-bniedem ta’ żmienna jieħu gost jiddeverti u jieħu gost bil-ħajja. Iżda mill-esperjenza ta’ kuljum naraw li fil-ħajja rridu ngħaddu mit-tbatija wkoll. Hija tiġi fuqna rridu jew irridux. Aħna jkollna għażla quddiemna. Jew nagħżlu li naffrontaw it-tbatija bl-ispirtu ta’ Kristu u hekk nissieħbu fil-misteru tal-Għid jew ngħixu fi stat ta’ pessimiżmu.

In-nisani għandu jkun bniedem ta’ ċaħda: irid jissielet mad-dnub, irid ikun ta’ eżempju, irid iġib il-paċi fl-ambjenti li fihom jgħix, u jiċħad l-idoli foloż li huwa ttentat li jadura. Dan kollu jirrikjedi sagrifiċċji li jġibu tbatija. Iżda jekk jagħmel dan għal Kristu bla dubju ta’ xejn ikun qiegħed jissieħeb fil-misteru tal-Għid. Ikun imut ma’ Kristu u jqum miegħu.

Min jgħix il-misteru tal-Għid mhux ser isib id-dwejjaq jew il-frustrazzjoni iżda jgawdi l-paċi tal-qalb. Mill-esperjenza naraw lil min huwa marid serjament iżda għax rassenjat mar-rieda ta’ Alla għandu l-paċi f’qalbu. Għalhekk din ir-rebħa ser tibda minn din id-dinja stess.

3 L-Għid huwa xi ftit diffiċli biex nifhmuh

Il-ferħ tal-Għid huwa xi ftit diffiċli li nifmuh bħala bnedmin. F’din id-dinja kulħadd igarrab bosta tbatijiet. Ta’ min isemmi li proverbju Malti jgħidilna: “Min ma għandux salib għandu domna”. Dan ifisser li kulħadd jgħaddi mit-tbatija. Mhux kulħadd ibati l-istess iżda ħadd mhu meħlus mit-tbatija. Għalhekk malli naqraw ir-rakkont tal-passjoni inġibu malajr quddiem għajnejna t-tbatijiet li Kristu għadda minnhom. Dan jagħmlilna kuraġġ peress li Kristu ġarrab din l-esperjenza li tant nibżgħu minnha.

Iżda meta nisimgħu fuq il-qawmien huwa ferm aktar diffiċli li nġibuh quddiem għajnejna. Nistgħu nqabblu l-Għid ma’ suċċess wara ħafna tbatijiet u mal-paċi tal-qalb li wieħed ikollu meta jkun għeleb lilu nnifsu. Paragun ieħor huwa t-tama. Mill-esperjenza naraw li meta nkunu nagħmlu xi ħaġa jew għaddejjin minn xi tbatija, it-tama hija indispensabbli. Infatti aktar ma wieħed jittama aktar ikun qawwi fit-tiġrib uman u spiritwali. Min ikollu moral għoli jegħleb bosta diffikultajiet fil-ħajja tiegħu. Min huwa bla tama jaqta’ qalbu malajr.

Fuq kollox ir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt biex ma jmutx aktar turi li r-reliġjon nisranija hija waħda pożittiva. Huwa veru li Alla jrid li aħna nikkontrollaw lilna infusna. Biex nagħmlu dan irridu nagħmlu sagrifiċċji. Iżda l-istess sagrifiċċji jġibulna l-ferħ bit-tama li bihom ser inqumu ma’ Kristu mhux biss f’din id-dinja iżda anki fl-aħħar jum.

Categories: Minn Angelo Xuereb
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: