Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech 2018 > Ċelebrazzjoni tas-Siegħa tal-Omm mill-Isqof Mario Grech, f’Ta’ Pinu

Ċelebrazzjoni tas-Siegħa tal-Omm mill-Isqof Mario Grech, f’Ta’ Pinu


Il-Sibt, 31 ta’ Marzu 2018: Ċelebrazzjoni tas-Siegħa tal-Omm mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex.

IMG_3946

Omelija fiċ-Ċelebrazzjoni tas-Siegħa tal-Omm – Fis- Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu

IL-MARA TA’ SIBT IL-GĦID

Wara li lbieraħ fakkarna l-qtil ta’ Kristu fuq is-salib, matul il-ġurnata tal-lum is-Sibt nistgħu nħossu s-skiet ivenven f’widnejna. Il-ħemda tal-lum taħtafna!

Huwa s-skiet ta’ Kristu li issa jinsab midfun fil-qabar. Dik il-Kelma kollha tenerezza u qawwa fl-istess waqt ġiet imsikkta. Alla twaqqa’ fil-muta biex ilħna mondani jieħdu post il-leħen tiegħu u hekk il-vjolenza tipprova xxejjen il-Vanġelu tal-karità.

Anki jekk għaddew tant sekli minn din il-ġrajja, aħna llum ukoll ngħaddu minn waqtiet fejn nosservaw is-skiet ta’ Alla. Mhux tant għax Alla tilef il-kelma, imma għax il-bniedem bħal donnu jrid jagħlaqlu fommu billi jagħmillu sarima. Fil-fatt, il-vuċi ta’ Alla qed tiġi fgata fil-kuxjenzi, anki fil-kuxjenza kollettiva, peress li fil-kor tas-soċjetà qed jiżdiedu l-ilħna ta’ individwi li huma bla twemmin. Ma’ dawn hemm ukoll il-vuċijiet ta’ dawk li huma reliġjożament indifferenti, kif ukoll ilħna ta’ dawk li jippretendu li huma Kristjani imma mill-Kristjaneżmu għandhom biss il-qoxra! Huwa fatt li meta niċċensuraw lil Alla, inkunu qed nillimitaw id-dritt tal-espressjoni tal-bniedem!

Is-Sibt ta’ wara l-Ġimgħa l-Kbira, li kien il-jum li fih Alla nħeba u l-għajnejn tal-fidi bħal iċċajpru, huwa simbolu ta’ żminijietna fejn kultant tinstema’ l-għajta li “Alla miet” u fejn is -sekulariżmu bil-mod il-mod qed juri li s-soċjetà tgħaddi mingħajr il-komunità Nisranija.

L-għada tal-Ġimgħa l-Kbira, mhux biss il-ġisem fiżiku ta’ Kristu tqiegħed fil-qabar, imma bħal donnu anki “l-ġisem mistiku” tiegħu (il-Knisja) niżel fil-qabar li ħaffru l-membri tagħha stess. Għax meta l-Knisja ma tiġġeddidx, meta l-komunità ekkleżjali tagħmel bħal bebbuxu u tingħalaq fiha nfisha (awtoreferenzjali), meta l-komunità Nisranja jidhrilha li tista’ tidrob lir-ragħaj tagħha, meta d-duttrina ssir ideoloġija u ma tibqax esperjenza ta’ dixxipulat wara Kristu, allura l-Knisja stess titlef il-kelma jew, jekk titkellem, kliemha ma jkunx relevanti.

Bir-raġun, fl-1969, Joseph Ratzinger kien kiteb: “Forsi s-seklu tagħna mhux qed isir bħall-jum tas-Sibt (Holy Saturday), il-jum fejn Alla huwa assenti, fejn id-dixxipli wkoll ikollhom baħħ kbir f’qalbhom li dejjem qed jikber, tant li b’ħafna mistħija u niket jaqbdu t-triq lejn Għemmaws mingħajr ma jintebħu li dak li kienu jaħsbu li kien miet, kien f’nofshom?”.

Imma jekk il-qabar ta’ Kristu jidher imbarrat bi blata kbira, jekk madwar il-qabar hemm skiet taqtgħu b’sikkina, il-qamħa midfuna fl-art bdiet tnibbet; għalkemm hija qamħa li tħassret bil-mewt, issa telaq il-proċess li jagħti l-ħajja. Il-qabar sar ġuf u llum beda l-proċess tal-ġestazzjoni biex għada mas-sebħ titwieled ħajja ġdida. Fil-ġuf hemm il-Kelma li għalkemm bħalissa aħna ma nisimgħuhiex, hija Kelma qawwija li tasal “fl-inħawi l-aktar ta’ isfel tal-art” (Fil 2:10).

Fil-fatt, kien fil-jum tas-Sibt li seħħ dak li jgħid San Pietru: Ġesù niżel fil-qigħan tal-imwiet – discendit ad inferos: “Kien mogħti l-mewt fil-ġisem, imma ħa l-ħajja fl-ispirtu, li bih mar ixandar is-salvazzjoni lill-erwieħ li kienu magħluqa fil-ħabs. Dawn kienu dawk l-erwieħ li darba ma ridux jisimgħu, meta Alla qagħad jistenna bis-sabar fiż-żmien li Noè kien jibni l-arka. Ftit, jiġifieri tmienja biss, salvaw bis-saħħa tal-ilma” (1 Piet 3:18-20).

Meta nbela’ mill-mewt, Kristu niżel fl-imwiet fis-sens li wasal sal-ibxax kundizzjoni li jista’ jkun fiha l-bniedem meta jmut. L-inżul fl-imwiet huwa l-aktar punt baxx li minnu Kristu jitla’ għand il-Missier! B’dan l-inżul, Kristu jilħaq il-punti estremi tal-umanità – ma hemm ebda sitwazzjoni li Kristu ma jikkomunikalhiex il-qawwa feddejja tiegħu. L-imħabba li teħles ta’ Kristu tasal fil-profondità tal-bniedem, ukoll f’dik il-profondità li għadha mhix evanġelizzata! Jekk inħalluh, huwa jidħol fl-aktar irkejjen mudlama tal-ħajja personali, ekkleżjali u soċjali tagħna. Ukoll jekk il-bniedem jaqa’ fil-baxx ħafna, Ġesù jasal sa ħdejh. Ma jinsa lil ħadd u ma jeskludi lil ħadd. Huwa joffri l-ħajja lilna li ma nistgħux nagħtuha lilna nfusna. Anki jekk fil-ħajja spiritwali tagħna aħna mmissu l-qiegħ, insibu li hu jkun niżel hemmhekk qabilna!

Għalhekk, għalkemm madwarna llum hawn skiet itarrax, fil-qalba tal-imwiet (fil-profond ta’ ħajjitna) hemm il-Kelma vibranti ta’ Kristu! Ma nistagħġibx li aħna nkunu ftit xettiċi dwar dan. Fl-aħħar mill-aħħar, wara li Kristu tqiegħed fil-qabar, anki d-dixxipli ntrebħu mid-dubji u abbandunawh. Dakinhar tas-Sibt, Marija biss baqgħet waħidha tistennieh iqum mill-mewt. Minkejja d-dlam, hija baqgħet sħiħa fil-fidi. L-Isqof Tonino Bello jgħid li “filwaqt li r-riħ tal-Golgota tefa’ l-fanali kollha, fanal wieħed baqa’ jixgħel: dak ta’ Marija. Għalhekk matul il-jum tas-Sibt, Marija tibqa’ l-uniku dawl li fih hemm miġbura n-nirien tal-imgħoddi u l-ħġejjeġ futuri. Illum Marija tgħaddi mit-toroq tagħna b’dan id-dawl f’idejha. Meta terfa’ l-fanal fuq naħa, hija toħroġ mil-lejl taż-żmien memorji ta’ qdusija; meta terfa’ l-fanal fuq banda oħra, hija tantiċipa minn ħdan Alla sinjali tal-isplużjoni li ser issir għada mas-sebħ”.

Marija, għalkemm hija l-Addolorata b’qalb materna miġruħa, hi li kienet toqgħod taħseb bejnha u bejn ruħha dwar kelmet Binha, f’dan il-jum tas-Sibt semgħet lil Kristu jgħid lil Adam li kien f’art l-imwiet: “Ħares lejn dirgħajja li kienu msammra mal-għuda għalik, int li darba żbaljajt u tawwalt idejk lejn is-siġra; jien li mitt fuq is-salib u lanza nifditli l-kustat għalik, meta lilek kont raqqadtek fil-ġenna tal-art biex ħriġt lil Eva mill-kustat tiegħek. Il-kustat tiegħi fejjaq it-tbatija tal-kustat tiegħek. Ir-raqda tiegħi teħilsek mir-raqda tal-infern. Il-lanza li laqtitni żżomm ’il bogħod il-lanza li kien hemm lesta għalik. Qum u ejja ħa nitbiegħdu minn hawn. L-għadu ħarġek mill-ġenna tal-art. Jien ma nerġax inqiegħdek aktar f’dak il-ġnien, imma npoġġik fuq it-tron tas-Sema… Issa nara li l-kerubini jadurawk qisek bħal Alla, anki jekk m’intix Alla” (Omelija antika ta’ nhar Sibt il-Għid; PG 43, 439. 451. 462-463).

Nitolbu lil Marija, il-mara li emmnet fil-Qawmien, il-Mara ta’ Sibt il-Għid, tgħinna biex f’dan il-jum ta’ skiet ikrah, nisimgħu lil Kristu minn qiegħ l-art jgħidilna dak li qal lil Adam: “Stenbaħ int li rieqed. Jien ma ħlaqtikx biex tibqa’ priġunier fl-infern. Qum mill-mewt. Jien il-ħajja tal-mejtin. Qum, int li int xogħol idejja. Qum, xebh tiegħi, int li int maħluq fuq xbieha tiegħi. Qum, noħorġu minn hawn. Inti fija u jiena fik, aħna niffurmaw natura waħda li ma tinqasamx” (ibid).

Ammen.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: