Is-Sibt 31 ta’ Marzu 2018: Illejla, waqt il-Vġili Solenni tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ser jiċċelebra s-Sagramenti tad-Dħul fil-Ħajja Nisranija (Magħmudija, Griżma u Tqarbin) lil seba’ katekumeni, jiġifieri persuni li f’età adulta jagħżlu l-ħajja Nisranija. Waqt dan il-Vġili wkoll, żagħżugħ Ġermaniż ser jiġi kkonfermat fil-fidi Kattolika permezz tas-Sagrament tal-Ġriżma tal-Isqof.
Illejla wkoll, fil-Bażilika ta’ San Ġorġ fir-Rabat Għawdex, ser jitgħammed żagħżugħ Albaniż waqt ċerimonja li ser titmexxa mill-Arċisqof Alfred Xuereb li ftit tal-jiem ilu kien maħtur mill-Papa Franġisku bħala Nunzju Appostoliku tal-Korea u tal-Mongolja. Imbagħad għada stess, dan iż-żagħżugħ ikun ikkonfermat mill-Isqof Mario Grech bis-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof.

Dawn il-persuni membri ġodda tal-Knisja Kattolika kważi kollha huma żgħażagħ taħt it-tletin sena minn seba’ pajjiżi differenti: minn Malta, mill-Indja, mill-Italja, mir-Repubblika Ċeka, minn Kuba, mit-Turkija u mill-Albanija.
Matul ir-Randan, dawn il-persuni tħejjew għal dan il-mument importanti f’ħajjithom.
Iċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili tal-Għid tibda bit-tberik tan-nar li jsir fuq iz-zuntier u tkompli bit-tħabbira tal-Għid; il-qari ta’ siltiet mill-Kotba Mqaddsa u l-kant tal-Glorja.Imbagħad ikun hemm it-tberik tal-ilma, meta l-blandun mixgħul minn nar imbierek fuq iz-zuntier jiddaħħal fl-ilma. Wara, iċ-ċelebrazjoni tkompli bil-liturġija tal-Ewkaristija.
Jekk ma tkunx tista’ tieħu sehem fil-Vġili tal-Għid f’xi waħda mill-Knejjes f’Malta jew Għawdex, allura tista’ ssegwi trasmissjoni diretta mill-Konkatidral ta’ San Ġwann fuq il-Laikos stess. Klikkja hawn … http://www.laikos.org/tvl-live.php