Home > Arċisqof Charles J. Scicluna. 2018 > Id-devozzjoni lejn il-Madonna trid tgħaqqadna mhux iġġellidna! – L-Arċisqof

Id-devozzjoni lejn il-Madonna trid tgħaqqadna mhux iġġellidna! – L-Arċisqof


Il-Ġimgħa, 4 ta’ Mejju 2018: Quddiesa tal-pussess ta’ Dun Norman Zammit bħala l-Arċipriet tal-Parroċċa ta’ Marija Assunta, il-Gudja.

31945713_1600614860055621_2651894275213623296_n-152879706801.jpgL-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Knisja Parrokkjali, il-Gudja

Jiena nixtieq nimmaġinak, għażiż Fr Norman, għażiż Arċipriet, bħala ittra sabiħa miktuba mill-providenza ta’ Alla lill-poplu għażiż tal-Gudja. U min jaqra qalbek jara l-karattru amabbli tiegħek, ta’ ftit kliem, b’qalb kbira, imma bi tbissima pronta u ta’ paċenzja kbira wkoll. Min jaqra’ din l-ittra li l-providenza qed tibgħat lill-poplu tal-Gudja, jalla jkollu l-faraġ li ħassew l-ewwel komunitajiet meta qraw l-ittra li bagħtitilhom il-Knisja, li bagħtulhom l-appostli.

Fit-Tieni Qari li għadna kemm smajna wkoll San Ġwann l-evanġelista f’din l-Ittra li jibgħat lill-komunità ċkejkna, jinsisti li l-esperjenza ta’ Alla hija esperjenza ta’ mħabba. Il-ministeru tiegħek irid ikun espressjoni tal-imħabba ta’ Alla. Kull meta inti tiċċelebra l-Ewkaristija, il-ministeru tal-Qrar, issejjaħ lill-komunità; kull meta inti tgħammed lil uliedha, dak kollu li aħna se nesprimu bil-purċissjoni tal-pussess, dan kollu għamlu b’imħabba kbira għal dan il-poplu.

Ma nistax ma nsemmix lill-Madonna għax jekk hawn parroċċa mbierka bid-devozzjoni lill-Madonna, jekk hawn xi waħda f’Malta, bilfors trid tkun il-Gudja. Tliet festi b’dak kollu li jfissru! Imħabba kbira lejn il-Madonna. Jiena nispera u nawgura li nemmnu li nkunu qegħdin niċċelebraw l-istess mara taħt diversi titli mhux tliet nisa differenti li jaqbdu f’xagħar xulxin u jiġġieldu! M’hemmx għalfejn nġelldu l-madonni għax hija l-istess mara, omm taħt titli differenti li ngħożżuhom u nħobbuhom, it-tlieta li huma. Imma qed nirreferu għal dik il-mara minn Nazaret, omm Ġesù li meta riedet tgħidilna xi ħaġa qaltilna: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Agħmlu li jgħidilkom hu! Sew jekk hija l-Madonna Mtellgħa s-Sema, jekk hi tar-Rużarju, jew jekk hi taċ-Ċintura, hija l-istess Marija ta’ Nazaret li qed tgħidilna: ‘Nixtieqkom li tkunu taħt il-protezzzjoni tiegħi u nixtieqkom tassew tkunu wliedi għax intom aħwa ta’ ibni Ġesù’.

Wara kollox hija nislitna wieqfa ħdejn is-salib ta’ binha, meta raha u qalilha: “Hawn hi ommok” (Ġw 19:27) imma ried jgħidilha wkoll li l-maternità naturali tagħha kellha ssir issa maternità spiritwali u universali. Jekk tkun devot tal-Madonna, kif naf li huma n-nies tal-Gudja, trid tifhem li aħna nqimuha bħala ommna għax aħna aħwa ta’ Ġesù. Jekk aħna ħafna u hija ommna, mela għandna x’jgħaqqadna. Il-maternità tagħha trid tgħaqqadna mhux iġġellidna. Id-devozzjoni tagħha trid tgħaqqadna mhux iġġellidna!

Ejjew, kull meta nagħmlulha festa, jagħmilha min jagħmilha minna, nifirħu għax qed nifirħu b’Marija ta’ Nazaret taħt titli u aspetti diversi ta’ dik li hi l-għaxqa tas-sema. Imma lil din ‘il-ħlewwa ta’ Mejju’ ma’ Dun Karm Psaila nsellmulha bħala ‘l-għaxqa tas-sema’ (Innu ‘Fil-Ħlewwa ta’ Mejju’) u aħna wkoll nitolbu bl-interċessjoni tal-qaddisin biex jgħinuk fil-ministeru tiegħek, jagħtuk id-dawl u l-kuraġġ u fl-istess ħin jagħtuk il-ġenerożità biex tmexxi lil din il-komunità bħala ragħaj tajjeb.

Qed nara diversi saċerdoti li qablek mexxew din il-komunità. Jiena nixtieq nirringrazzjahom tal-ġenerożità tagħhom. Nara lilek, Arċipriet Dun Martin, nirringrazzjak tal-ħafna snin li għamilt hawnhekk bħala ragħaj, tad-disponibbilità tiegħek li issa jkollok komunità oħra u li tagħti ħajtek għall-komunità l-ġdida, għażiża ħafna għalina, il-komunita ta’ Ħal Kirkop. Qed nara lil Dun Karm Camilleri li ta wkoll il-kontribut tiegħu. Ma nixtieq nonqos lil ħadd imma nixtieq nirringrazzja lil kull min ta’ ħajtu bħala ragħaj ta’ hawnhekk.

Nixtieq nirringrazzja ħafna lill-kor. Lill-Arċipriet staqsejtu: ‘Imma dawn kollha mill-Gudja?’ Qalli: ‘Iva, kollha!’ Jien nixtieq nirringrazzjahom tal-impenn tagħhom. Ħaġa sabiħa li parroċċa antika bħal din tkompli tħares il-patrimonju. Wara kollox mhijiex biss parroċċa arċipretali, nieqaf hawn, imma hija waħda mill-ftit parroċċi li lill-Knisja tata isqof. Jien nixtieq insellimlek, Eċċellenza, ħallejtek għall-aħħar għax kif taf inti, il-kejk ikollu ċirasa u ġeneralment tkun ħamra bħall-karlotta tiegħek. Nieħdu pjaċir narawk fostna u nixtieq ukoll li fil-persuna tiegħek insellmu d-Djoċesi ta’ Ġibiltà u nwegħduk ukoll l-appoġġ tagħna b’mod speċjali bit-talb. Jiena ngħidilkom ħaġa waħda quddiem ommu (Dun Norma): ħudu ħsiebu.

Il-Mulej ikun magħkom.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: