Home > Aħbarijiet, L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech 2018 > Diskors fi tmiem Simposju Marjoloġiku-Marjan bit-tema “Marija Omm il-Knisja u fi ħdan il-Knisja”

Diskors fi tmiem Simposju Marjoloġiku-Marjan bit-tema “Marija Omm il-Knisja u fi ħdan il-Knisja”


Is-Sibt 2 ta’ Ġunju 2018: L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fis-Sala tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb.

34133621_914209688758114_6932606583348133888_n.jpg

IL-KNISJA OMM L-ILTIEMA TA’ ŻMIENNA

F’pajjiżna ftit taw kas tad-deċiżjoni tal-Papa Franġisku, ikkomunikata fit-3 ta’ Marzu li għadda, li biha daħħal fil-Kalendarju liturġiku Ruman it-Tifkira obbligatorja ta’ Marija Omm il-Knisja, li kull sena tiġi ċċelebrata l-għada ta’ Għid il-Ħamsin. Ma tantx tajna kas ta’ din in-novità għax fil-moħħ u l-qalb ta’ ġensna diġà kien hemm imnaqqxa din il-verità Marjana. Il-poplu tagħna jaf li Marija hija “omm”. Forsi xi wħud ma tantx jinterassahom li Ġesù huwa l-Feddej tagħhom, imma żgur li jirrikorru għand Marija għax jirrikonoxxuha bħala “ommhom”, u dan huwa twemmin antik!

Fil-fatt, jekk wieħed irid jgħid li fil-Konċilju Vatikan II il-Knisja ma waslitx biex tiddikjara lil Marija bħala Omm il-Knisja, din il-verità għandha fundament bibliku – kemm fuq il-Kalvarju (Ġw 19:25-27) u kemm fil-ġrajja ta’ Għid il-Ħamsin li seħħet fiċ-Ċenaklu (Atti 1:24). Anki s-Santi Padri kellhom intuwizzjoni ta’ din il-verità. Biżżejjed insemmu lil Santu Wistin li jafferma li l-ġuf tal-Verġni kien prinċipju taż-żerriegħa ekkleżjali, għax “hi tassew l-Omm tal-membri kollha ta’ Kristu… għax hi kkoperat bl-imħabba tagħha għat-twelid fil-Knisja tal-Insara li huma membri tal-istess ras” (De sancta virginitate, 6, LG 59). Għalkemm il-Konċilju Vatikan II ma jinkludix espressament il-frażi “Omm il-Knisja”, huwa juża espressjonijiet li jindikaw ir-relazzjoni mill-qrib bejn Marija u l-Knisja Omm. Fil-fatt, “l-Insara jgħollu għajnejhom lejn Marija li tiddi bħala mudell ta’ virtù għall-komunità kollha tal-magħżulin… Il-Verġni Marija tul ħajjitha kollha kienet il-mudell ta’ dik l-imħabba ta’ Omm li għandu jkollhom dawk kollha li jikkoperaw fil-ħidma appostolika tal-Knisja” (LG, 65).

Huwa minnu li kien Pawlu VI li fil-21 ta’ Novembru 1964, meta ppromulga l-Lumen gentium, solennement afferma: “Mariam Sanctissimam declaramus Matrem Ecclesiæ”, u kif jinnota l-Papa Benedittu XVI li dakinhar kien preżenti, kif semgħu din il-frażi, il-Padres tal-Konċilju qamu bilwieqfa u bdew iċapċpu biex isellmu lil Marija Omm Alla u Omm il-Knisja. Imma kif jgħid il-Professur Padre S. Meo, “għalkemm it-titlu Omm il-Knisja mhux preżenti fil-kapitlu VIII tal-Lumen gentium, wieħed jista’ jikkunsidrah bħala ‘att tal-Konċilju Vatikan II’, għax id-diskors tal-Papa, għalkemm ma jagħmilx parti minn dan il-kapitlu, huwa att tal-Konċilju”.

Għalhekk, jekk it-Tifkira ta’ Marija Omm il-Knisja mhi ser tibdel xejn fil-lex orandi tal-Knisja lokali, inħoss li l-introduzzjoni tagħha għandha tistimulana biex inkunu aktar “Knisja materna”. Għaliex Marija hija l-mudell ideali u l-paradigma ta’ dak kollu li l-Knisja għandha tkun. “Mill-kustat miftuħ ta’ Kritu, Adam il-ġdid, toħroġ Eva l-ġdida, li ssib it-twettiq tagħha f’żewġ realtajiet: Marija, li hija r-realizzazzjoni pprivileġġjata, u l-Knisja. Ir-realizzazzjoni inferjuri hija polarizzata mir-realizzazzjoni superjuri, fis-sens li l-Knisja hija miġbuda lejn Marija, mingħajr ma tidentifika ruħha magħha”. Fil-fatt, il-maternità ta’ Marija sservi biex tagħti lill-Knisja wiċċ matern. Kif jgħid il-Papa Franġisku, “il-Knisja Omm għandha bħala mudell lill-Verġni Marija, il-mudell l-aktar għoli li jista’ jkollha. Għax il-maternità ta’ Marija hija ċertament unika, singulari u kellha l-milja tagħha fiż-żmien… Il-maternità tal-Knisja hija l-kontinwazzjoni ta’ dik ta’ Marija, il-prolungament tagħha fl-istorja”.

Il-Knisja ma tistax ma tkunx omm, partikularment f’epoka bħal tagħna li qed tinħakem mill-psikoloġija tal-iltim. Minħabba l-egoiżmu, l-individwaliżmu, l-iżolament u d-dipendenzi…, il-bniedem tal-lum qed ibati minn dan is-sindromu tal-abbandun! “Id-dinja ma tridx tibki: tippreferi tagħlaq għajnejha għas-sitwazzjonijiet ta’ tbatija, tgħattihom, tostorhom… Naħlu ħafna enerġiji nippruvaw naħarbu sitwazzjonijiet fejn niġu wiċċ imb wiċċ mat-tbatija” (GE, 75). Ħadd ma għandu ħin u sabar għal ħadd, lanqas fi ħdan l-istess familja! Imbagħad hemm ukoll dawk iċ-ċirkustanzi fejn persuna tħossha saħansitra minsija minn Alla nnifsu.

F’dan il-kuntest ta’ baħħ soċjali-spiritwali, inħoss li Ġesù bħal qed jgħidilna: Ma nħallikomx iltiema, imma nagħtikom omm! Huwa tana lil Ommu Marija u lill-Knisja, li kif diġà għidt, hija l-estensjoni tal-maternità ta’ Marija fid-dinja. Mill-maternità ta’ Marija titnissel realtà materna oħra: il-Knisja. Għalhekk huwa urġenti li l-Knisja turi l-wiċċ matern tagħha, għax kif josserva l-Papa Franġisku, “il-Knisja hija Omm u mhux assoċjazzjoni mingħajr is-sħana umana… Mingħajr maternità l-Knisja ssir riġida u strument ta’ dixxiplina”.

U fil-ktieb L-isem ta’ Alla huwa Ħniena, il-Papa Franġisku jistqarr li qegħdin ngħixu fi żmien fejn “il-Knisja (għandha) turi l-wiċċ matern tagħha, il-wiċċ tagħha ta’ omm, lill-umanità kollha. Ma toqgħodx tistenna lill-midruba jħabbtu fuq biebha, imma toħroġ hi tfittixhom fit-triq, tiġborhom, tgħannaqhom, tieħu ħsiebhom, trid li jħossuhom maħbuba” (p. 24). L-umanità teħtieġ l-attenzjoni materna tal-Knisja għax “hi maternità miġruħa, umanità li ġġorr ġrieħi kbar. Ma tafx kif ser tfejjaqhom jew taħseb li ma jistgħu jfiqu qatt. U m’hemmx biss il-mard soċjali jew il-persuni miġruħa bil-faqar, bl-esklużjoni soċjali, bil-bosta xejriet ta’ jasar tat-tielet millenju… Piju XII nofs seklu ilu kien qal li t-traġedja ta’ żmienna kienet li tlifna s-sens tad-dnub, il-kuxjenza ta’ x’inhu dnub. Ma’ dan illum nistgħu nżidu t-traġedja li nqisu l-ħażin tagħna, id-dnub tagħna, bħala xi ħaġa li ma tistax titfejjaq jew tinħafer… sirna nemmnu li m’hemmx possibbiltà ta’ fidwa, ta’ driegħ li jista’ jerfagħna, ta’ tgħanniqa li ssalvana, taħfrilna, terġa’ tgħollina ’l fuq, timliena bi mħabba bla tarf, li tistabar, li tagħder, li terġà tqabbadna t-triq” (p. 32). Din hija l-missjoni tal-Knisja Omm.

Imma biex il-Knisja tikber fil-maternità tagħha, jeħtiġilha li titfa’ ħarsitha fuq Marija Ommha! Din il-ħarsa mhix optional jew xi parti mill-galateo spiritwali, imma huwa t-testment ta’ Ġesù li fuq is-salib jgħidilna: “Hawn hi ommok” (Ġw 19:27). Aħna nħarsu lejha biex inħalluha tikkomunikalna dak l-ispirtu matern fil-konfront tal-proxxmu tagħna u bħalha jkollna l-ħila li nagħtu l-għajnuna f’waqtha lil min jeħtieġha. Il-Papa Franġisku jfakkarna f’titlu bil-Grieg li jingħata lil Marija – Grigorusa – jiġifieri dik li tinterċedi fil-pront mingħajr telf ta’ żmien. Hekk hija għamlet ma’ Eliżabetta, hekk tagħmel magħna u hekk hemm bżonn nagħmlu aħna mal-oħrajn.

Biex jgħinna napprezzaw in-natura tal-maternità ta’ Marija, il-Papa jirrakkonta storja ħelwa ħafna. Jgħid li kien hemm hemm omm lejl u nhar ħdejn is-sodda ta’ binha li sofra inċident. Darba din qalet lis-saċerdot: “Lilna l-ommijiet Alla ħaġa waħda ma taniex: li nieħdu fuqna l-uġigħ ta’ wliedna!”. Din hija l-qalb materna li ma tistħix mill-ġerħat, mid-dgħufija ta’ wliedha, anzi, tridhom ikunu fuqha! Din hija l-qalb ta’ Marija Omm il-Knisja… u din trid tkun il-qalb tal-Knisja Omm. Knisja li tfittex toqgħod, anki fil-ħemda, maġenb uliedha l-aktar maħbuta jew iltiema. Knisja li tħoss li min qed ibati hu laħam minn laħamha u ma tibżax teraq lejh sa tmiss il-ġerħa tiegħu u tħenn għalih sal-punt li d-distanzi jgħibu.

Għalhekk nistaqsi jekk f’kuntest ta’ evanġelizzazzjoni ġdida wasalx iż-żmien li nirrevedu l-iskemi pastorali li qed inħaddmu. Nistaqsi jekk ikunx aktar evanġeliku u pastoralment effikaċi illi nnaqqsu mill-attività, ħafna drabi mqanżħa, maħsuba għall-massa (imma fil-verità qed tilħaq il-ftit) u, stimulati mill-virtujiet Marjani u materni, nifirxu aktar il-ħidma karitattiva li tlaqqagħna mal-bniedem fl-individwalità tiegħu jew tagħha, li għandu bżonn sapport affettiv, morali, spiritwali kif ukoll materjali. F’kuntest soċjali, fejn il-bniedem qed il-ħin kollu jħabbat wiċċu ma’ atteġġjamenti skarsi mill-umanità, f’kultura li tfittex biss l-effiċjentiżmu u l-qligħ, ma għandhiex ħin u attenzjoni għal min hu żgħir, fqir u dgħajjef; f’soċjetà fejn hu ħafif li nsibu ruħna fix-xbieki tal-korruzzjoni u nsiru parti minn dik il-politika ta’ kuljum ta’ “nagħti biex jagħtuni”, fejn kollox sar kummerċ u fejn aħna ttentati li nirkbu l-karru tar-rebbieħa; f’soċjetà fejn l-anonimat qed jinfirex b’ritmu mgħaġġel; fuq l-eżempju ta’ Marija Omm, bħala Knisja rridu mmexxu ’l quddiem il-kultura tal-ġustizzja, tal-ħniena u tal-karità materna. Il-Knisja Omm trid tfittex tkun qrib tal-bniedem waħdu, mifni u ltim. Il-proposta tiegħi hi li fil-proċess ta’ konverżjoni pastorali, nagħżlu li nħallu ħidmiet konvenzjonali biex nagħtu aktar attenzjoni lill-bniedem jew qagħdiet familjari singoli. Biex nagħti ftit eżempji, qed nissuġġerixxi li jkollna aktar ħin ħalli nakkumpanjaw lil min hu marid, infarrġu lil min hu fil-vistu, inkunu solidali ma’ min ikun għaddej minn tbatija, noffru widna attenta lil min irid jiftaħ qalbu, inwieżnu psikoloġikament u moralment lil min jinsab mgħaffeġ, nixxenqu ma’ min qed jixxennaq għall-ġustizzja… Fuq kollox, billi noffru servizzi ta’ counselling, direzzjoni spiritwali u għajnuna għad-dixxerniment. Fi kliem ieħor, qed nipproponi azzjoni ċċentrata fuq l-individwu u mhux biss fuq il-massa.

Is-Santwarju Ta’ Pinu għandu post speċjali f’dan il-qafas speċjali, għax il-pellegrini jiġu hawn biex ifittxu kenn u faraġ għand Ommhom Marija. Fil-fatt, jekk kanonikament il-Knisja Katidrali hija “Omm il-knejjes” tad-Djoċesi, fil-qalb tan-nies Ta’ Pinu hija prattikament il-Knisja Omm. Ikun skandlu jekk il-pellegrini jiġu f’dar ommhom u fis-Santwarju ma jiltaqgħux ma’ min jista’ jdewwaqhom l-imħabba u l-kompassjoni materna; anzi, nirriskjaw li jiġri bil-kontra, fis-sens li Santwarju li ma jkollux il-wiċċ matern, ipoġġi f’dubju serju t-titlu ta’ Marija Omm il-Knisja! Hija xewqa tiegħi li dan is-Santwarju jestendi aktar id-dirgħajn materni tiegħu u jikkostitwixxi ruħu bħala oasi ta’ djakonija fid-Djoċesi. Il-Konsultorju tal-Familja li ftaħna ftit tas-snin ilu huwa eżempju konkret.

Servizz pastorali sinonimu mas-Santwarju huwa d-disponibbiltà tas-saċerdoti biex jiċċelebraw is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Jekk il-fonti tal-magħmudija huwa l-ġuf tal-Knisja Omm, xejn inqas nistgħu ngħidu għall-konfessjonarju, fejn il-qrar huwa meqjus bħala “t-tieni magħmudija”. Fil-persuna tal-konfessur, il-penitent jiltaqa’ ma’ saċerdot li barra li jkun aġġornat fil-formazzjoni teoloġika, spiritwali u umana, ikun imżejjen bi kwalitajiet materni, fis-sens li jkun jaf jisma’ anki mingħajr ma jagħmel ħafna mistoqsijiet, li jkun jaf jagħder u jħobb, li jkun jaf jistenna u jakkumpanja l-proċess ta’ maturazzjoni, li bħal omm kollha ħniena qatt ma jkeċċi lil ħadd mill-konfessjonarju. Konfessur li ma għandux dawn id-doni mhux tajjeb biex iqarar fis-Santwarju.

Dak li San Bernard jgħid għal Marija, napplikah ukoll għall-Knisja lokali, b’mod partikulari għas-Santwarju Ta’ Pinu: “Ftakar, o Marija, li fid-dinja qatt ma nstema’ li xi ħadd talab l-għajnuna u l-ħarsien tiegħek u ma kienx mismugħ” – “Memorare, o piissima Virgo Maria, non esse auditum a sæculo, quemquam ad tu currentem præsidia, tua implorantem auxilia, tua petentem suffragia, esse derelictum”.

Biex nagħmlu din il-konverżjoni pastorali, neħtieġu l-kuraġġ, jew dik li l-Papa Franġisku jħobb isejjaħ parresia. “Għandna bżonn tal-ispinta tal-Ispirtu biex ma neħlux minħabba l-biża’ u l-kalkolu, biex ma nidrawx nimxu biss fejn hu żgur. Niftakru li dak li jibqa’ magħluq, fl-aħħar mill-aħħar, riħa ta’ moffa jkollu u jmarradna… Bħall-profeta Ġona dejjem inġorru rieqda fina t-tentazzjoni li naħarbu lejn post fiż-żgur li jista’ jkollu ħafna ismijiet: individwaliżmu, spiritwaliżmu, għeluq f’dinjiet ċkejkna, dipendenza, sistemazzjoni, ripetizzjoni ta’ skemi mfassla minn qabel, dommatiżmi, nostalġija, pessimiżmu, kenn fin-normi… Madankollu, id-diffikultajiet jistgħu jkunu bħat-tempesta, il-balena, id-dudu li nixxef is-siġra tar-riġnu ta’ Ġona, jew ir-riħ u x-xemx li ħarqulu rasu; u kif ġralu hu, jista’ jkollhom il-funzjoni li jreġġgħuna lura għand dak Alla li hu mimli ħlewwa u li jrid imexxina lejn triq soda u ta’ tiġdid” (GE, 134).

Kif kien nhar Għid il-Ħamis li Ġesù tana lil Marija bħala Omm il-Knisja, ħa jkun illum ukoll l-Ispirtu s-Santu li jgħinna bħala Knisja nimitaw aktar il-maternità ta’ Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: