Ġuljanu l-Apostata

Mill-istorja tal-Knisja Nisranija. Kitba ta’ Joe Galea (18)

Ġuljanu l-Apostata, l-aħħar Imperatur pagan ta’ Ruma, huwa figura li ġibed l-attenzjoni ta’ bosta. X’uħud raw fih figura traġika u nobbli, oħrajn rawh b’lenti mdallma, kważi xi antikrist lest biex jgħamel il-ħsara u oħrajn użawh biex juru in-“nobbiltà pagana”, b’kuntrast mall-“barbariżmu nisrani”. Dawn tal-aħħar, ħafna drabi influwenzati mill-ħsieb tal-Illumeniżmu, (seklu 18) jinjoraw il-fatt illi jekk ulied Kostantinu kienu vjolenti, imperaturi li ġew qabilhom ma kienux bil-wisq aħjar.

Ġuljanu trabba fl-ambjent mimli konfoffi li semmejna qabel. Kellu bħala tutur lill-istess Ewsebju ta’ Nikomedija, l-isqof li kien għammed lil Kostantinu. Ġuljanu ra b’għajnejh il-firdiet li kellhom l-Insara, iżda anke s-suċċess li huma kellhom li jibnu ġerarkija b’saħħitha. Meta kien qed jistudja l-letteratura klassika u l-filosofija Neo Platonika, Ġuljanu ħassu miġbud lejn il-paganiżmu li welled dan l-għerf. U ħass li dan kollu kien ogħla mit-tagħlim u l-għerf tal-Insara.

Kien hawn li ddeċida li jsir pagan. Kien l-Imperatur Kostanzju li talbu jmexxi l-armata Rumana fil-Punent u wara numru ta’ rebħiet spettakolari fuq it-tribujiet barbari, is-suldati tiegħu iddikjarawh Imperatur. Dan kien se jwassal għal bidu ta’ gwerra ċivili, iżda  Kostanzu miet malajr fis-sena 361, b’kawża naturali, u b’hekk Ġuljanu daħal rebbieħ f’Kostantinopoli.

Ġuljanu l-Apostata jħejji għall-battalja

Kien hawnhekk li Ġuljanu abbanduna l-fidi Nisranija u ħaddan il-paganiżmu. Ġuljanu beda programm li bih ried ibiddel id-direzzjoni tal-Imperu. Huwa ordna li dawk l-Isqfijiet li kienu ġew eżiljati mill-Imperatur ta’ qablu, jiġu lura. Dan m’għamlux b’sens ta’ ġustizzja iżda sabiex iżid il-firda fost l-Insara, Arjani u Kattoliċi. Barra minn hekk huwa reġa’ ħa dawk il-knejjes li qabel kienu tempji pagani u qata’ kull rabta li l-istat Ruman kellu mal-Knisja. Iżda l-aktar attakk dirett kien meta ipprojbixxa li l-Insara jgħallmu l-letteratura klassika. Fl-istess waqt huwa ordna li fl-iskejjel jinqraw kitba ta’ polemika kontra t-twemmin Nisrani. L-iskop ta’ Ġuljanu kien li lill-Insara jiżolahom u jikkawża li r-reliġjon Nisranija tidbiel u tmut.

Iżda l-mod kif il-Knisja kienet organizzata fisser li Ġuljanu sab għadma iebsa wisq. Huwa prova jorganizza l-qima pagana bl-istess mod iżda ftit kellu suċċess. Fuq kollhox anke x’uħud mill-pagani fosthom il-kittieb Ammianus Marcellinus, dehrilhom li Ġuljanu kien qiegħed jeżaġera. Għas-sena 363 Ġuljanu mar fil-Lvant bl-iskop li jħejji għat-taqbid mall-Persjani. Fl-istess waqt huwa pprova jsaħħaħ it-twemmin pagan b’sensiela ta’ riti u sagrifiċċji fl-ibliet li żar.

Iżda l-Insara f’dan ir-reġjun kienu kibru fin-numru. Huma irrifjutaw li jieħdu sehem f’dawn l-attivitajiet u rreżiżtew b’mod passiv dak kollu li kien qiegħed jagħmel l-imperatur. Fl-aħħar Ġuljanu beda l-gwerra tiegħu fil-Persja iżda l-armata Rumana ftit kellha suċċessi. Huwa stess ġie ferut u ftit wara miet. Dwar mewtu hemm għajdut li huwa b’sens ta’ disprezz għajjat il-famuża “Galilew. Irbaħtli!” Iżda x’aktarx li hu miet trankwill fit-tinda tiegħu, iħaddan il-fidi pagana sal-aħħar, fidi li minkejja kollhox ma’ rnexxilux jerġa’ jdaħħal fl-Imperu.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading