L-Evanġelju tal-Erbgħa 20 ta’ Ġunju 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 6, 1-6.16-18

Din is-silta mill-Evanġelju ta’ San Mattew tippreżentalna litanija qasira u prattika dwar l-għodod Alla jħeġġiġna biex nużaw għall-ksib tal-perfezzjoni u kif nistgħu nużawhom biex ikollna ħlas quddiem Missierna li hu fis-smewwiet. Fihom ripetizzjoni li kważi twassal biex nitgħallmuhom bl-amment u malli nitgħallmuhom bl-amment jiqbgħu stampati f’moħħna.

Mhumiex għodda ġodda għal min qed jisma’, lanqas għalina. Huma għodda qodma ħafna li Alla sa minn meta beda r-relazzjoni tiegħu mal-poplu magħżul, dejjem ippropona biex tinżamm sħsiħa r-relazzjoni tiegħu mal-poplu u tal-poplu bejn il-membri tiegħu.

Element li jgħaqqadhom flimkien u li jidher ċar li għandu prijorità assoluta huwa l-intenzjoni. L-ewwel u qabel kollox mhux x’tagħmel, imma b’liema ħsieb tagħmlu. Jekk aħna rridu nkunu tajbin biex ningħoġbu minn nies, ma hu se jirnexxilna qatt, anke għax ma tistax togħġob lil kulħadd u għax il-gosti, l-opinjonijiet u l-ideat tan-nies jinbidlu kull ħames minuti. L-għan tagħna għandu jkun dejjem li nogħġbu lil Alla li jaf iżjed minn kulħadd x’inhu l-aqwa ġid tagħna, għalih jitħabat u għalih iħeġġiġna.

L-ewwel għodda hija il-karità li tnissel ħniena. Mhix karità tal-ħsieb jew tal-emozzjoni iżda karità fil-prattika. L-ewwel ma jridna nsewwu Ġesù huma r-relazzjonijiet ta’ bejnietna, biex jitneħħew il-firdiet u jkun hemm l-għaqda, biex kull bniedem ikun daqs l-ieħor fid-dinjità, biex inħennu kif iħenn Hu għalina. Jekk ma nkunux tajjeb flimkien, jekk f’qalbna jkun hemm l-inġustizzji, il-preġudizzji, it-tkabbir fuq l-oġrajn, l-indifferenza għall-ħtiġijiet tal-oħrajn, qatt ma nistgħuindawru ħarsitan lejn Alla u nitolbuh jagħmel magħna dak li aħna ma rridux nagħmlu ma’ ħutna l-bnedmin. Meta l-ħniena tkun l-istil tal-ħajja tagħna biss nistgħu induru lejn Alla u nitolbuh biex minnu nieħdu l-enerġija u l-qawwa.

It-tieni għodda hija t-talb. Ħadd ma jista’ jagħti minn dak li m’għandux. Meta nħarsu madwarna u naraw kif inġibu ruħna aħna u jġib ruħu ħaddieħor, meta naraw il-mibgħeda tinfirex u l-firda titwessa, nindunaw li il-bniedem jagħti minn dak li jieħu. Meta l-bniedem jiddeċiedi li jinqata’ għal kollox minn Alla ħajtu ssir frott ta’ dak li mhux ta’ Alla. Meta l-bniedem juri li jqim lil Alla iżda jkun qed iqim lilu nnifsu, il-frott li jagħti jixhed dak li hemm f’qalbu; mill-milja tal-qalb jitkellmu x-xufftejn. It-talb huwa għodda li ddaħħalna fl-intimità ma’ Alla, fil-kamra ta’ ġewwa miegħu minn fejn aħna niddakkru minnu u naqilgħu mingħandu l-qawwa li għandna bżonn biex inħennu u ngħixu bħalu.

Tajjeb ukoll li nirriflettu dwar it-tielet għodda: ir-rażan. Il-penitenza fiha nnifisha hija vojta. Kemm-il darba Alla stess fit-Testment il-Qadim jurina li ma jieħu gost xejn bis-sawm fih innifsu. Alla jfittex l-awtentiċità ta’ min hu midneb li jammetti l-ħtija tiegħu. Dan jitlob rażan, trattib tar-ras u l-qalb. Is-sawm u kull tip ieħor ta’ ċaħda huma eżerċizzju żgħir fir-rażan għax min hu fidil fil-ftit hu fidili fil-ħafna. Ir-rażan iġibna f’postna u jagħtina ċans li ma nitkaxkrux mal-kurrenti li noħolqu aħna stess, iżda li niddeċiedu, li ma nkunux bla moħħ iżda li nużaw l-intelliġenza tagħna biex nagħmlu għażliet li jerfawna ’l fuq anke lejn Alla. ir-rażan tal-ġisem joħroġ is-sabiħ tar-ruħ. Dan anke aħna nafuh, għax ġarrabnieh.

Min taħseb li hu raġel? Min jagħti kelma u jiġi jaqa’ u jqum minnha u jagħmel dejjem li jaqbillu u li jfettillu, jew min jagħti kelma u jżommha, jiġri x’jiġri, ibati kemm ibati? Ir-rażan jagħmilna nies li nimxu fuq saqajna u jkabbar il-fiduċja f’min jgħixu, għax bih l-estremi jgħibu u jibqa’ biss il-bilanċ.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.