L-Evanġelju tas-Sibt 7 ta’ Lulju 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 9, 14-17

Tlitt kategoriji ta’ nies li għamlu għażliet differenti. Id-dixxipli ta’ Ġwanni. Id-dixxipli tal-Fariżej. Id-dixxipli ta’ Ġesù. L-ewwel ħaġa li tolqotna huwa l-fatt li tnejn minnhom kien jimpurtahom mhux biss minn dak li jagħmlu huma iżda minn dak li jagħmel ħaddieħor ukoll, u forsi xi naqra iktar. Tnejn minn dawn iż-żewġ kategoriji kienu jemmnu li ma tistax togħġob lil Alla jekk ma tirrispettax u ma tosservax ċerti drawwiet u tradizzjonijiet li l-mexxej tal-kategorija l-oħra, Ġesù, kemm-il darba wissa kontra l-prijorità tagħhom u l-assolutiżmu li jiġi minnhom.

Id-dixxipli ta’ Ġwanni kienu mqanqalin mit-tagħlim tiegħu. Indmu u uru l-indiema tagħkhom bil-penitenza. Il-messaġġi għall-indiema marbuta mal-penitenza, minflok minn rebbiegħa ta’ żmien ġdid, jagħmlu mill-konverżjoni esperjenza ta’ tqanżih u dwejjaq, ta’ sforzi u qtugħ ta’ nifs. Mhux ta’ b’xejn li min isib quddiemu l-istedina għall-konverżjoni jaqta’ qalbu qabel jitħajjar jibda. Jekk l-indiema u l-konverżjoni nibqgħu nippreżentawhom bħala esperjenzi ta’ sogħba u taħbit fuq sidirna, ftit huma dawk li jitħajru jikkonvertu. Id-dixxipli ta’ Ġwanni daħlu fis-sistema tas-sawm ta’ żmienhom biex jikkastigaw lilhom infushom għad-dnubiet tagħhom. Ma rrejlaiżżawx li san hu ż-żmien it-tajjeb, dan huwa ż-żmien tas-salvazzjoni. Id-dixxipli ta’ Ġwanni, bħal ħafna minna llum fi żmienna, jitnikktu biss għall-imgħoddi tagħhom u mhux jifirħu għall-ġejjieni li nfetaħ mill-ġdid quddiemhom.

Is-sawm tad-dixxipli tal-Fariżej jidher li kien imqanqal ħafna mix-xewqa tal-apparenza tal-qdusija. Kemm-il darba Ġesù jeħodha kontra l-wiċċ b’ieħor ta’ dawn li kienu jsumu biex jidhru twajbin quddiem in-nies. Il-qdusija taparsi tagħhom tagħhom kienet tfakkar iktar fil-kliem ta’ Alla lill-poplu tat-Testment il-Qadim, ċarrtu qlubkom mhux ilbieskom, u, s-sawm tagħkom ma jogħġobnix, milli f’rieda vera li s-sawm irażżan l-imġieba li tmur dirett kontra x-xewqa ta’ Alla stess. Is-sawm tagħhom kien mera tal-ipokrisija; għata, biex waqt li quddiem in-nies jidhru li qed isumu meta jiġu għas-si u no, jagħmlu li jfettlilhom; l-għarbiel tagħhom jaghżluh huma u l-passatur tagħhom jgħaddi minnu dak kollu li jaqbel lilhom.

Id-dixxipli ta’ Ġesù, sakemm Ġesù għadu magħhom ma jsumux, la biex juru n-niket tagħhom għall-imgħoddi u lanqas biex jidhru sbieħ quddiem in-nies. Il-preżenza ta’ Ġesù f’ħajjithom hija biżżejjed biex thennihom. Minkejja d-dgħufija tagħhom hu jimlilhom qalbhom bil-hena u jimliehom bit-tama.

Il-Fariżej baqgħu iwebbdu rashom li dak li jaħfu huma huwa l-aqwa u l-aħjar; dak li jaf u jagħmel ħaddieħor huwa ksur tal-liġi. Qatt ma tista’ tibda ħajja ġdida jekk tiddeċiedi li tibqa’ tgħix kif għext s’sissa. Il-bidla ma sseħħx bit-taħbit fuq is-sider iżda sseħħ b’deċiżjonijiet u b’determinazzjoni; id-deċiżjonijiet mibnija fuq l-imħabba li tilqa’ u li tiddeċiedi li tagħti bil-għemil u tassew.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.