Quddiesa f’Jum il-Pulizija


Is-Sibt, 14 ta’ Lulju 2018: L-Arċisqof Charles J. Scicluna f’Quddiesa ta’ ringrazzjament fl-okkażjoni ta’ Jum il-Pulizija, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

Qegħdin infakkru l-204 anniversarju mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija. Nixtieq nirringrazzja lill-Kummissarju tal-Pulizija talli kompla—għaliex wara kollox hija deċiżjoni tiegħu—it-tradizzjoni li parti miċ-ċelebrazzjonijiet tkun ukoll din il-quddiesa solenni ta’ ringrazzjament. Nixtieq ukoll nirringrazzja lill-uffiċjali kollha li ħadu ħsieb l-organizzazzjoni ta’ din iċ-ċelebrazzjoni għax nifhem li xejn ma jsir mingħajr sforz kbir u bil-koperazzjoni ta’ kulħadd.

Fis-snin 90 kelli x-xorti li nagħti korsijiet dwar l-etika fl-Akkademja tal-Pulizija u minn dejjem laqagħtni l-fatt li bħala motto l-Korp tal-Pulizija għandu dawn il-kelmiet bil-Latin: Domine dirige nos (Mulej mexxina inti). Huwa motto impenjattiv. L-ewwel nett fih innifsu huwa att ta’ fidi, hija talba lil Alla. Domine huwa l-mod kif inti tindirizza lil Alla, meta tkellmu, meta titolbu. U t-talba hija biex il-Mulej imexxi hu lill-Korp.

L-Evanġelju li jingħata fil-liturġija ta’ dan is-Sibt fl-14-il ġimgħa taż-żmien ta’ matul is-sena, jagħtina silta mill-Evanġelju ta’ San Mattew fejn il-Mulej jitkellem dwar sitwazzjonijiet ta’ konflitt, sitwazzjonijiet, biex ngħidu hekk, ta’ taqtigħa bejn it-tajjeb u l-ħażin. U jrid jagħmel kuraġġ lill-komunità li temmen! “Tibzgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu lir-ruħ; imma iktar ibżgħu minn dak li jista’ jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem fl-infern” (Mt 10:28).

Dan il-kliem ta’ Ġesù huwa kliem ta’ responsabbiltà kbira. L-ewwel nett qed jgħallmuna li l-biża’ huwa parti mill-ħajja u l-eżistenza tagħna. Jiġu sitwazzjonijiet meta min hu ikbar minnek għandu setgħa iżjed minnek, min għandu saħħa iżjed minnek iġibek dahrek mal-ħajt u bla ma trid tibża’, bla ma trid tħossok mhedded, bla ma trid taħseb li l-iżjed triq faċli huwa ċċedi l-prinċipji, l-inkolumunità, l-integrità tiegħek u tagħmel bħal dak li jgħidlek min hu aqwa iżjed b’saħħtu u għandu awtorità iżjed minnek.

Il-Mulej ma jistax jiċħad il-fatt li inti tibża’ għax hija parti mill-istint u n-natura tal-bniedem.

Il-Mulej, f’ċirkostanzi bħal dawn, ma jistax jiċħad il-fatt li inti tibża’ għax hija parti mill-istint u n-natura tal-bniedem. Imma jgħidlek: ‘Tibżax’. Għaliex? Għax hemm xi ħadd fuqna lkoll, aħna min aħna, qawwija kemm aħna qawwija, għandna kemm għandna awtorità, għandna kemm għandna saħħa, hemm xi ħadd li kapaċi jagħmel ġudizzju li ma jħassru ħadd. Se jkun ġudizzju ġust u minnu għandna nibżgħu.

U meta l-Korp tal-Pulizija, fil-motto tiegħu li intom tgħożżu fuq il-badges u l-armi tagħkom, jgħidu lil Alla ‘mexxini inti’, il-Korp qed jagħraf li quddiem kull poter tad-dinja hemm poter aqwa li huwa dak ta’ Alla, li jagħraf u jiġġudika b’mod ġust. Minnu rridu nibżgħu, mhux biex nitwerwru imma biex nagħtuh il-post li jixraqlu.

Jekk is-superjur jgħidlek biex tittortura lil xi priġunier, inti għandek id-dover ma tobdix għaliex hemm prinċipji li huma ħafna ikbar mill-awtorità tas-superjur leġittimu tiegħek.

Il-prinċipju fundamentali tal-etika tal-Korp tal-Pulizija huwa li inti għandek tobdi lis-supejruri tiegħek meta l-ordni tagħhom hija leġittima u l-leġġittimità ma tiġix biss mill-fatt li min qed jikkmandak min għandu l-awtorita, imma wkoll mill-fatt li dak li qed jitolbok tagħmel huwa skont il-liġi u jirrispetta d-dinjità tal-bniedem, ikun min ikun. Mela jekk is-superjur jgħidlek biex tittortura lil xi priġunier, inti għandek id-dover ma tobdix għaliex hemm prinċipji li huma ħafna ikbar mill-awtorità tas-superjur leġittimu tiegħek. U din tgħodd għal kwalunkwe liġi, għal kwalunkwe ordni. M’hemmx biss il-kriterju tal-leġittimità formali imma wieħed irid ukoll iħares b’intelliġenza kbira lejn dak li qed jiġi mitlub u l-effetti u l-konsegwenzi tiegħu.

Aħna nixtiequ nirringrazzjaw f’isem il-poplu Malti u Għawdxi kollu lill-Korp tal-Pulizija tad-dedikazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minnkom. Nixtieq nagħmel kuraġġ liż-żgħażagħ li l-ġimgħa d-dieħla jibdew is-servizz tagħhom fil-Korp. Huwa servizz importanti u essenzjali. Intom parti mit-taqtigħa tal-legalità kontra l-kriminalità, ta’ dawk li jissieltu għall-ġid komuni kontra dawk li għandhom biss għal qalbhom l-interessi żgħar ta’ setet, partiti, u piki għax min jaħdem għall-ġid komuni, huwa għadu tal-interessi ċkejknin li jkissruna u li jifirduna.

Intom ma tirrapreżentaw lil ebda partit politiku, intom tirrapreżentaw lill-Istat, lir-Repubblika ta’ Malta, fil-prinċipji tal-legalità u tad-demokrazija.

Intom tridu tkunu nies li tkunu mħejjija professjonalment b’dak kollu li hemm bżonn biex tiġġieldu l-kriminalità u tiddefendu l-legalità u tridu tkunu nies ta’ sinsla. Dan li qed nitolbukom f’isem il-ġid komuni. Intom ma tirrapreżentaw lil ebda partit politiku, intom tirrapreżentaw lill-Istat, lir-Repubblika ta’ Malta, fil-prinċipji tal-legalità u tad-demokrazija. Intom tiddefendu l-prinċipji tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem quddiem l-arroganza tal-kriminali, quddiem min irid jagħmel dak li jrid mingħajr ma jirrispetta l-liġi.

Intom tridu tkunu bħalma dejjem kontu, dak li lilna tagħtuna sens kbir ta’ ċiviltà u ta’ sikurezza. Hija barka meta naraw il-Korp tal-Pulizija fit-toroq tagħna u aħna nħossuna siguri, inħossuna li aħna għandna dritt wieħed jiddefendina, aħna min aħna, anke jekk ma naqblux mal-Gvern tal-ġurnata, għax aħna ċittadini. Intom qaddejja taċ-ċittadini għax huma ċittadini mhux ta’ badge jew ta’ oħra, ta’ kulur jew ta’ ieħor. In-nuċċali tagħkom irid ikun nuċċali ċar biex tħarsu lejn kull ċittadin ta’ ċittadin li hu, u qatt ma jista’ jkun nuċċali b’kulur ta’ partit politiku.

Il-Mulej ikun verament il-mexxej tagħkom u d-dawl li jiddefendikom; il-Mulej ikun ukoll dak li jidħol għalikom fil-perikli kollha. Fil-bidu semmejt lill-kuntistabbli Simon Schembri. Nixtieq insellimlu. Kelli l-opportunità nsellimlu anke l-isptar u nzertajna ltqajna jiena u l-Ministru u erġajna morna flimkien biex insellmulu u għedtlu wkoll li nixtieq immur anke nżuru d-dar tiegħu imma din hija xi ħaġa li għad irrid nagħmel għax fil-frattemp kelli mmur postijiet oħrajn barra minn Malta. Imma nixtieq, waqt li nsellem lil Simon, nesprimi s-solidarjetà personali u komunitarja ma’ kull wieħed u kull waħda mill-membri tal-Korp tal-Pulizija.

Aħna qegħdin warajkom biex niddefendu l-unur tagħkom u l-inkoluminità tagħkom.

Aħna nifhmu d-diffikultà tax-xogħol tagħkom imma aħna qegħdin warajkom biex niddefendu l-unur tagħkom u l-inkoluminità tagħkom. Jiena nixtieq insellem lil kull membru tal-Korp li jgħaddi minn diffikultajiet kbar biex jagħmel id-dover tiegħu imma nitlobkom u nawguralkom li, bil-fedeltà tagħkom, tkompli tikber fil-pajjiż il-kultura tal-legalità li qiegħda għal kulħadd, aħna min aħna, hu min hu, hi min hi, u trid tiġi rrispettata għall-ġid komuni.

Il-Mulej iberikkom u jagħtikom kull barka u kull paċi fil-qalb tagħkom.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Is 6, 1-8
Salm: 92 (93), 1ab.1ċ-2.5
Evanġelju: Mt 10, 24-33

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.