L-Evanġelju tat-Tlieta 17 ta’ Lulju 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 11, 20-24

Ġesù jħabbar it-telfien bliet sħaħ bħalma iktar ’il quddiem jibki fuq l-opportunità li tilef poplu sħiħ, meta, minn fuq l-għolja taż-żebbuġ jibki l-belt ewlenija tal-poplu kollu: Ġerusalemm. Ġesù ma jitkellimx fuq id-deċiżjoni personali żbaljata ta’ individwu imma fuq id-deċiżjoni kollettiva ta’ soċjetajiet sħaħ li jagħżlu li jwarrbu l-kelma u jinjorawha u jibqgħu jgħaddsu rashom fl-iżbalji tagħhom.

Mhux biss tiżbalja iżda tgħaddas rasek fl-iżball; mhux biss ttqarraq imma tivvinta iżjed qerq biex tikkonferma l-qerq tiegħek.

Il-ħtija hija doppja. Hemm il-ħtija tar-ripetizzjoni ntenzjonata tal-iżball tar-rifjut tal-imħabba ta’ Alla li jiftaħ għajnejn il-bnedmin u l-ħtija tal-kompliċità fir-rifjut. Waħda marbuta mal-oħra u waħda tnissel u tiddepedni fuq l-oħra.

Korożajn, Betsajda u Kafarnahum kienu bliet imdaqqsa max-xatt tal-baħar tal-Gallilija. Betsajda kienet il-belt li minnha kien ġej Pietru u l-familja tiegħu qabel mar joqgħod Kafarnahum. Kafarnahum kienet il-belt fejn Ġesù kien joqgħod meta ma jkunx jiġġerra mar-reġjuni tal-Gallilija jew tal-Lhudija iwettaq il-ħidma tiegħu; kienet il-belt privileġġata għax fiha mar jgħammar hu.

Għaliex il-paragun? Għaliex f’widnejn min kien qed jisimgħu kien daqshekk qawwi? Ġesù jqabbel lil dawn il-bliet Lhud, li fihom u madwarhom wettaq l-ikbar ħidma tiegħu ma’ Tir u Sidon, żewġ portijiet li kienu, minn natura tagħhom, pagani; fihom kienu meqjuma diversità kbira ta’ allat u l-prosperità tagħhom kienet mibnija fuq il-kummerċ; żewġ portijiet li kienu jgħaqqdu l-Mediterran mal-Lvant. Iqabbel lil Kafarnahum ma’ Sodoma, il-belt meqruda b’intervent divin, minħabba l-immoralità u l-ħażen tagħha. Dawn it-tlitt ibliet li jsemmi Ġesù, f’moħħ il-Lhud kienu ilhom ikkundanati, iżda Ġesù jurihom li l-ħtija ta; min jirrifjuta l-imħabba ta’ Alla li ssejjaġ għall-indiema huwa agħar minn min hu ħażin jew jgħix ħajja mmorali.

Fil-bniedem li jiġġustifika l-għemil korrott tiegħu u jpenġi lilu nnifsu bħala l-perfett immexxi mill-intenzjonijiet ‘tajba’ tiegħu huwa mqarraq u qarrieq. Il-bniedem ma hux perfett bil-pretensjonijiet tat-tjubija tiegħu, iżda mit-tjubija li tiġi minn Alla. Id-diżordni li joħloq il-bniedem biex jiġġustfika l-arroganza tiegħu teħodha b’mod dirett kontra l-ordni ta’ Alla, li ħoloq l-ordni fit-taħwid u l-baħħ; il-bniedem ikisser l-ordni li Alla ħalaq biex jerġa jġib it-taħwid u l-baħħ, ħalli minnu jiggwadanja hu biss.

F’dan l-għemil ta’ qerq, il-bniedem ifittex u faċilment isib il-kompliċità, anke tal-vittmi tiegħu stess, għax ilibbes għemilu bil-libsa tal-libertà, tal-kompassjoni, tal-progress, tal-ġdid, tal-ħalla mill-irbit tal-imgħoddi u l-moħħ magħluq ta’ min wassalna sallum biex nimxu dritti fuq saqajna b’wiċċna minn quddiem. Hekk id-dnub ma jibqax individwali, iżda jsir kollettiv. Aħna nikkundannaw lis-soċjetà biex naħslu jdejna mir-responsabiltà; nistkennu għad-dell tal-ħtija kollettiva biex nagħlqu għajnejna għall-ħtija tagħna. Is-soċjetà ssir il-mostru li noħolqu li fuqu nistgħu nitfgħu il-ħmieġ kollu li nagħżlu li nitmiegħku fih ilkoll kemm aħna. Il-ħtija hija kbira ħafna.

Il-kelma qed taslilna u t-tajjeb qiegħed quddiemna imma nippreferu nitkaxkru u ngħoddsu flimkien meta ninjoraw il-kelma li ddawwalna, it-tama li ssaħħaħna u nħallu l-ħażen jirkibna.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.