L-Evanġelju tal-Erbgħa 18 ta’ Ġunju 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 11, 25-27

Talba oħra ta’ Ġesù li nisbu fl-Evanġelju ta’ San Mattew; talba li mhix poploari bħal ma hi l-Missierna li Ġesù jgħallem lid-dixxipli tiegħu kemm bħala talba u kemm bħala struttura tat-talb li fuqha tinbena r-relazzjoni bejn Alla u l-bniedem li jitlobha u bejn il-bniedem li jitlobha u ħutu l-bnedmin.

F’din it-talba Ġesù jfaħħar lill-Missier għax għarraf il-misteri ta’ Alla, jiġifieri il-ħajja tiegħu, l-intenzjonijiet u l-ħsibijiet tiegħu lil min hu ċkejken, u ħbihom lil min għandu l-għerf u d-dehen. Wieħed malajr jasal biex jifhem l-ewwel parti ta’ din it-talba iżda forsi jsibha diffiċli jifhem x’inhu l-ħsieb wara t-tieni parti tagħha fejn Ġesù jħossu kuntent li il-ħajja ta’ Alla ma ntweritx lill-għorrief u d-dehnin.

Min hu ċkejken, u jagħraf u jaċċetta li hu hekk hu lest iktar li jilqa’ dak li Alla jibgħat jgħidlu. Hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu u hienja dik li emmnet kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej. Ic-cokon u r-rivelazzjoni huma marbuta flimkien ukoll f’San Luqa meta jitkellem dwar Marija. Ġesù nnifsu iqiegħed bħala mudell ta’ dawk li jilqgħu il-Kelma, tifel ċkejken u jgħid ċar u tond li min ma jilqax il-Kelma bħalu ma jidħolx fis-saltna ta’ Alla. iċ-ċkejknin mhumiex dawk li jqisu lilhom infushom inqas minn xi ħaġa jew xi ħadd imma dawk li jaċċettaw iċ-ċokon tagħhom quddiem Alla lijibqa’ dejjem Alla, hu kemm hu qrib tagħna u aħna kemm aħna qrib tiegħu. Iktar kemm nersqu lejn Alla iktar nagħrfu ċ-ċokon tagħna quddiem dak li ħalaqna imma wkoll iktar insiru nafuh u nagħrfuh.

Minn naħa l-oħra kulmin hu għaref u deheni, u ma jagħrafx li l-għerf u d-dehen tiegħu ġej minn Alla, jibni l-fiduċja tiegħu fih innifsu u fl-għerf u d-dehen tiegħu, li kbir kemm hu kbir huwa dejjem limitat. Huwa fatt li x-xjenza u l-għarfien ta’ dak li hu mobi minn għajnejna llum jista’ jkun magħruf għada, u dan huwa fatt għax l-istorja tal-bniedem għamlet progressi kbar f’dan il-qasam, iżda huwa fatt ukoll li kemm ix-xjenza u kemm l-għarfien ta’ dak li hu moħbi jiskopru dak li diġa hemm u jużawh għall-ġid (jew kultant ukoll għad-deni) tagħhom infishom u tal-bnedmin. Il-ħila li tagħraf u tiskopri mhix ġejja mill-bniedem fih innifsu, iżda hija don li jsieħeb lill-bniedem fid-don il-kbir tal-ħolqien u tal-iżvilupp tiegħu. Dan mhux dejjem ikun il-każ. Nafu biżżejjed li x-xjenza u l-għerf ġieli wasslu għall-ħsara tal-bniedem minflok għall-ġid tiegħu u tal-ġid komuni. Eżempju li kulħadd jifhem huwa dak li ġara fl-apprezzament tal-ħolqien kollu kemm hu fih innifsu. Bl-għerf u d-dehen tal-bniedem, il-bniedem stess sab lilu nnifsu jeħodha kontra dak li jagħtih il-ħajja u jtejjiblu l-ħajja li għandu.

Barra minn dan l-għerf u d-dehen jistgħu jimlew ras il-bniedem u jġiegħluh jaħseb li xejn ma hu aqwa minnu u jekk hemm xi ħaġa aqwa minnu, din il-qawwa ma teżistix. Din hi l-illużjoni li twassal lill-bniedem biex jgħaddas lilu nnifsu fl-iżolament, mhux biss għax jiċħad u jwarrab l-eżistenza ta’ Alla, iżda għax biex iżomm il-pedetsall li jibni għalih innifsu jinqata’ għal kollox minn ħutu l-bnedmin u jgħaffeġ fquhom biex ikompli jgħolli lilu nnifsu. L-istorja tat-torri ta’ Babel ma waqfitx f’Babel. Mhux ta’ b’xejn li l-awtur tal-Apokalissi jitkellem dwar Ruma li jaf hu bħala l-Babel il-Kbira; l-istorja tal-bniedem tiġġedded tirrepeti ruħha f’kuntesti differenti f’kull żmien. L-għerf u d-dehen huma doni ta’ Alla sakemm huma doni li jkabbru u jsaħħu l-imħabba li l-għerf u l-qawwa ta’ Alla. Malli l-għerf u d-dehen isiru l-pedamenti għas-suppervja tal-bniedem fuq Alla u fuq il-bnedmin ikunu qe djgaħlqu l-bibien kollha għal kull rivelazzjoni, kemm dik li tiġi minn Alla u kemm dik li tiġi mill-bnedmin, għax il-bnedmin ukol jirrivelaw lilhom infushom lil min iħobbhom.

Ġesù jemfasizza li l-għerf u d-dehen ta’ Alla, Alla nnifsu jinkiseb bħala għotja mill-Missier, għotja ta’ mħabba permezz tal-Iben. Ġesù jemfasizza wkoll li, fl-imħabba tiegħu għall-bnedmin, il-Missier afdahom f’idejn l-Iben, anzi iktar ’il quddiem fl-Evanġelju nindunaw li rabathom mal-għotja tal-ħajja tal-Iben fuq is-salib.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.