L-Evanġelju tal-Ġimgħa 20 ta’ Lulju 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 12, 1-8

Biex nikkundannaw u niġġustifikaw lilna nfusna kapaċi naqbdu mal-intitef, infittxu x-xagħara fl-għaġina. Hekk kienu jagħmlu l-Fariżej, dawk ta’ wiċċ b’ieħor. Tassew li d-dettalji huma mportanti, anke f’dak li hu kbir, iżda hemm valuri li huma dettaljati ħafna iktar mid-dettalji li bihom infittxu biex insawtu l-ħin kollu u niġġustifikaw is-swat li bih inkissru lil ħaddieħor u nwaqqu t-twettiq tal-ġid.

Barra minnhekk dawn il-Fariżej donnhom kienu d-dell ta’ Ġesù u d-dixxipli tiegħu. Kienu jimxu warajh kulfejn imur, iktar minn dawk li huwa sejjaħ u ddubitaw. Iżda nafu li mhux kulmin jimxi wara Ġesù għandu ntenzjonijiet tajba. Tista’ timxi wara Ġesù biex tinqeda bil-preżenza tiegħek miegħu, tabbuża minnu jew tikkundannah. Hekk jagħmlu l-Fariżej f’kull żmien, anke fi żmienna. L-għalqa miżrugħa bis-sbul lest għall-ħsad, ma kienetx f’nofs ta’ xi belt jew raħal; kienet barra mill-mibni kif iseħħ kullimkien, iżda l-Fariżej ma ddjequx imorru wara Ġesù u d-dixxipli fl-eqqel tax-xemx, nhar ta’ Sibt, u forsi wkoll bħalhom jiksru l-liġi li tgħid li nhar ta’ Sibt ma tistax timxi iktar minn ċertu tul; fil-fatt dwar hekk ma qalu xejn. Għalihom l-importanti kien li jissindikaw biex isibu ma xhiex iqabbdu difrejhom u dakinhar ġiethom ix-xoqqa f’moxtha.

Kien dnub kbir li taqta’ żbula, tneżżaħħha mil-qoxra u titħana bejn snienek; dnub li jiġbed fuq min jagħmlu l-kundanna ħarxa ta’ Alla li qiegħed il-ħin kollu għassa u jimpurtah mis-sbul u xi jsir minnu iktar milli xi ħadd bil-ġuħ, itaffi l-ġuħ billi jiekol ftit minnu. Il-mentalità legalista u l-kilba għall-qerda ta’ min hu tajjeb mhux biss tiġġustifika lil min irid jagħmel ħsara, anzi tħeġġu biex jagħmel hekk. Min jippersegwitakom, darba qal Ġesù, jaħseb li jkun qed jagħti ġieh lil Alla.

Ġesù juri lill-Fariżej l-ipokrisija tagħhom. David li intom tqimu agħmel dnub ikbar minn hekk, jekk tużaw il-kriterji tagħkom. Hu u sħabu, meta kienu bil-ġuħ kielu mill-ħobż mogħti lil Alla u li ħadd ma seta’ jieklu ħlief il-qassis li kien dmiru jagħmel hekk. Lil dak li ma tikkundannawhx għax kiser il-liġi. Jien aqwa mit-tempju, jgħid Ġesù, u din il-ħaġa ma ddejjaqnix. Il-prinċipju tiegħi mhux l-osservanza dejqa tal-liġi li tasal biex tiġġustifika l-moħqrija, iżda il-ħniena u s-sagrifiċċju li jeqirdu l-moħqrija u jagħtu lill-bniedem id-dinjità li jistħoqqlu, iroddu lill-bniedem id-dinjità li biha għanih Alla nnifsu.

Il-liġi saret għall-bnedem mhux il-bniedem għal-liġi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.