“Id-destin tagħna hu li nkunu sbieħ bħas-Salvatur” – L-Arċisqof


It-Tnejn, 6 ta’ Awwissu 2018: Omelija waqt Quddiesa Pontifikali fil-festa tas-Salvatur.

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Knisja Parrokkjali, Ħal Lija

Fit-tliet rakkonti tat-Trasfigurazzjoni li nsibu fl-Evanġelju, kull evanġelista jipprova jispjega x’ġara bl-istil u l-mod tiegħu. Meta niġbru t-tliet rakkonti flimkien (ta’ Mattew, Mark u Luqa), niġbru ħafna informazzjoni biex nippruvaw nifhmu x’ġara fuq it-Tabor dakinhar li l-Mulej ħa miegħu tliet xhieda għeżież għalih; l-ewwel żgħażagħ li sejjaħ għal warajh, weħidhom, u tela’ fuq il-muntanja u aħna ngħidu “tbiddel quddiemhom” jew kif nużaw ukoll fit-titlu għażiż tal-parroċċa tagħna: ‘ġie trasfigurat quddiemhom’. Imma eżattament x’kienet l-esperjenza, x’ġara?

Dis-sena smajna r-rakkont mill-Evanġelju ta’ San Mark għaliex kull festa tas-Salvatur issegwi l-evanġelista li jkun qiegħed jinqara fl-Evanġelji tal-Ħadd ta’ matul dik is-sena. U din is-sena hija s-sena B, is-sena tal-evanġelista Marku, allura fil-festa tas-Salvatur ir-rakkont li nisimgħu huwa propju ir-rakkont mill-Evanġelju ta’ San Mark (Mk 9, 1-9).

Il-liġi tal-libertà
L-Evanġelju ta’ San Mark huwa l-iżjed wieħed primittiv u l-iqsar Evanġelju; fih 16-il kapitlu u fin-nofs, propju f’kapitlu 8, hemm l-istqarrija ta’ Pietru li Ġesù huwa l-Iben ta’ Alla, il-Messija (ara Mk 8:29). U Ġesù jgħidilhom “biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuqu” (Mk 8:30). Il-Mulej jinsisti li l-identità tiegħu ma tridx tkun xi ħaġa spettakolari li allura tisforza lil xi ħadd jemmen fih minħabba l-qawwa jew il-glorja tiegħu. Għaliex? Għaliex it-triq li għażel hija t-triq tas-salib.

mal-glorja ta’ Ġesù, mas-sebħ tiegħu … hemm ukoll il-profezija tal-libertà tal-bniedem li kapaċi u fil-fatt kultant tiċħdu.

Immedjatament wara li Pietru, imnebbaħ minn Alla, jagħraf l-identità vera ta’ Ġesù, “Inti l-Messija,” il-Mulej jibda jkellimhom fuq is-salib, fuq din il-liġi ħarxa ta’ libertà li tfisser ukoll il-posssibbiltà li aħna niċħduh. Hu jibda jfemehom il-profezija li kienet ingħatat fuqu meta kellu biss 40 ġurnata. Il-festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej hija festa għażiża ħafna, u aħna, in-nies ta’ Ħal Lija, bir-raġun li fit-2 ta’ Frar nagħmlulu festa kbira, bħalma nagħmlu festa kbira fl-1 ta’ Jannar. Tgħiduli għaliex? Għaliex fl-1 ta’ Jannar, fit-tmien jum ġie ċirkonċiż u ssejjaħ Ġesù, Alla jsalva, Alla Salvatur. Imma fl-40 jum, fit-2 ta’ Frar, Xmun iħabbar li l-Mulej “Huwa dawl tal-ġnus, glorja ta’ Iżrael” (Lq 2:32) u Salvazzjoni, salvatur. Imma lill-ommu jfehmha: “Se jkun sinjal li jmeruh, u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek ” (Lq 2, 34-35). U allura mal-glorja ta’ Ġesù, mas-sebħ tiegħu, mal-fatt li huwa dawl tal-ġnus, hemm ukoll il-profezija tal-libertà tal-bniedem li kapaċi u fil-fatt kultant tiċħdu. Huwa sinjal li jmeruh.

U din hija xi ħaġa li l-Mulej, malli Pietru jagħraf l-identità tiegħu, jipprova jispjega lid-dixxipli tiegħu li Bin il-Bniedem se jmur Ġerusalemm, jikkundannawh, jaħqruh, iżebilħuh, jikkundannawh għall-mewt u jsalbuh (ara Mk 9:12). Pietru din il-ħaġa ma jifhimhiex u “ġibdu lejh u beda jlumu” (Mk 8:32). Imma Ġesù jgħidlu: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan, għax m’intix taħseb fil-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bnedmin!” (Mk 8:33). Il-Mulej Ġesù ħin minnhom jgħid li l-ikel tiegħu hu li jagħmel ir-rieda tal-Missier.

L-identità vera ta’ Ġesù
Għalhekk, għalina wkoll huwa mument għażiż meta Ġesù, fl-Ort tal-Ġetsemani, jidħol fi djalogu mal-Missier u jipprova jesprimi l-biża’ u d-dwejjaq li kienu qegħdin jaħkmuh. Sa għaraq imdemmi ħareġ mill-wiċċ sabiħ tal-Mulej u jifhem is-sofferenza li kellu jgħaddi minnha bil-kalċi li kellu jixrob. Imma fl-umanità tiegħu jċedi lejn din ir-regola ħarxa u iebsa: “Mhux li rrid jien, imma li trid int” (Mk 14:36). Hija regola li hija s-sigriet tal-glorja ta’ Ġesù.

Meta l-evanġelista Marku jipprova jispjega l-glorja ta’ Ġesù fuq it-Tabor, il-ħarsa tiegħu tifrex fuq żewġ elementi: l-ilbies ta’ Ġesù u l-isplendur tiegħu. “Ilbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb” (Mk 9:3). Huwa għandu dan il-kumment: “Ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib ħwejjeġ bojod daqshekk” (Mk 9:3). Imma din kienet l-espressjoni tal-evanġelista biex jipprova jfehemna kemm deher sabiħ Ġesù fuq it-Tabor. “Ilbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb”.

Aħna nixxenqu biex nieħdu sehem minn din il-purifikazzjoni, minn dan it-tiġdid, minn din iż-żgħożija li tidher fuq it-Tabor.

Dak huwa l-ilbies li se jitqatta’ f’erba’ biċċiet fuq l-għolja tal-kalvarju; dak huwa l-ilbies li parti minnu se tingħata bix-xorti (ara Ġw 19:23). Dak l-ilbies li se jneżżgħuh minnu fuq il-Golgota huwa dak l-ilbies li fuq il-Muntanja Tabor “isir abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb”. U dan l-ilbies x’irid ifisser? Santu Wistin jgħid: ‘Fid-dija u fil-bjuda ta’ dak l-ilbies hemm it-tisfija tagħna, hemm il-purifikazzjoni tal-Knisja’. U għalhekk aħna u nħarsu lejn is-Salvatur u l-ġmiel tiegħu, aħna naraw immaġini sabiħa imma min jaf kemm hu aktar sabiħ fil-ġenna. Aħna nixxenqu biex nieħdu sehem minn din il-purifikazzjoni, minn dan it-tiġdid, minn din iż-żgħożija li tidher fuq it-Tabor.

Miegħu jidhru Elija u Mosè, it-tnejn jitkellmu ma’ Ġesù. U Pietru, affaxxinat, biex ma ngħidx mgħaġġeb, jgħidlu: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija” (Mk 9:5). San Mark huwa l-evanġelista li nistgħu nsejħulu l-iżjed żbukkat, il-ħaġa jgħidha kif inhi. Isimgħu l-kumment ta’ San Mark fuq San Pietru. Ma ninsewx li l-Evanġelju ta’ San Mark joħroġ minn dixxipli ta’ San Pietru, joħroġ minn komunità li kienet ħafna qrib il-Prinċep tal-Appostli. Imma għalkemm kien qed jitkellem fuq il-kap tiegħu jgħid hekk: “Dan qalu għax ma kienx jaf x’jaqbad jgħid bil-biża’ kbir li waqa’ fuqhom” (Mk 9:6). Quddiem id-dehra tat-trasfigurazzjoni tal-Mulej, Pietru jibqa’ bla kliem.

Aħna fil-pjazza, meta ta’ kull sena fuq l-istilla jieqaf is-Salvatur u l-appostli jkunu madwaru, iseħħ il-mument tat-trasfigurazzjoni, Pietru jkun quddiemu bit-tlett iswaba, li huma dawn it-tliet tined: “Waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija”. F’ħafna ikonografiji u anke fil-kwadru titular, San Pietru dejjem b’dawn it-tlett iswaba għaliex fl-ikonografija, mhux orjentali biss, l-idejn jitkellmu. Aħna ngħidu ħafna affarijiet b’idejna kemm sbieħ u kemm koroh, imma San Pietru b’dawk it-tlett iswaba qed jgħidlu li ser jagħmlu tliet tined; in-nostalġija u l-għatx biex din id-dehra ta’ sbuħija ma tispiċċa qatt, li s-6 ta’ Awwissu jkun kuljum, sena kollha tas-6 ta’ Awwissu!

Imma r-regola tal-Mulej hija r-regola tar-realiżmu tal-ħajja. Hemm bżonn li jinżlu minn fuq il-muntanja u fil-wied taħt il-muntanja se jsibu l-għawġ ta’ din id-dinja u nies li mhumiex jkapaċi jifhmu l-identità vera ta’ Ġesù. Imma għalkemm ħakimhom biża’ kbir, fl-Iskrittura l-biża’ huwa sinjal li xi ħadd qiegħed fil-preżenza ta’ Alla. Tant hu hekk li lill-qaddejja tiegħu l-Mulej ħafna drabi jgħidilhom “la tibzgħux”; kelma li jgħidha l-anġlu lil Marija, “La tibżax, Marija” (Lq 1:30); jgħidha lil Ġużeppi: “La tibżax, Ġużeppi” (ara Lq 1:20). Il-Mulej jgħidha wkoll lid-dixxipli tiegħu: “Nolite timere” (Mt 14:27) imma huma veru qabadhom biża’ kbir.

Nitlibbsu bil-ġmiel tas-Salvatur
“Imbagħad ġiet sħaba” (Mk 9:7). Is-sħaba hija sinjal ieħor tal-preżenza ta’ Alla. Il-poplu Lhudi kellu żewġ sinjali tal-preżenza ta’ Alla waqt li kien iterraq fid-deżert: il-kolonna tan-nar u x-shekinah, is-sħaba tal-preżenza. U hawnhekk għandna l-konferma li ormaj m’għandniex bżonn l-arka tal-Patt l-Antik għaliex kollox miġbur fil-persuna ta’ Ġesù. Isimgħu xi jgħid il-Missier bħala konferma ta’ din il-ħaġa: “Dan hu Ibni l-għażiż” (Mk 9:7). Din il-kelma diġà smajnieha meta Ġesù jitgħammed fix-Xmara Ġordan. Fil-fatt dawn huma is-sagramenti, il-misteri, tat-tiġdid tagħna. Il-magħmudija fix-xmara Ġordan hija l-misteru, jew is-sagrament tal-ewwel tiġdid tagħna li jseħħ fil-magħmudija meta aħna ningħataw il-libsa bajda. “Ilbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb” (Mk 9:3). Dik il-libsa bajda li nagħtu lit-trabi jew meta ngħammed lil kbar hija sinjal tat-tiġdid fil-magħmudija, meta aħna nsiru wlied Alla.

kulħadd, bl-identità tiegħu, se jitlibbes bil-ġmiel tas-Salvatur għaliex aħna werrieta miegħu.

Imma t-Trasfigurazzjoni hija l-misteru, is-sagrament, tat-tieni tiġdid, dak li nieħdu fil-qawmien mill-mewt. Jekk naqraw il-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann naraw li l-libsa l-bajda li tingħata lin-Nisrani hija dik li jilbsu l-qaddejja tal-Mulej waqt li jimxu warajh biex jagħtu glorja lil Alla. Kollha lebsin l-libsa bajda bħalma hu mlibbes biha s-Salvatur. Dak huwa d-destin tagħna. L-Appostlu Missierna San Pawl jispjegalna li d-destin tagħna hu li nkunu sbieħ bħas-Salvatur. Imma kulħadd, bl-identità tiegħu, se jitlibbes bil-ġmiel tas-Salvatur għaliex aħna werrieta miegħu. Dak li hu tiegħu, huwa tagħna, u ħallas għalih, ħallas għalih. Il-preżż diġà mħallas, m’għandniex għalfejn ninkwetaw, ħallas għalih fuq is-salib.

Imma fil-qawmien tiegħu mill-imwiet u fl-irxoxt ta’ ommu tana sinjal. L-Appostlu Pietru jinsisti li dan il-leħen semgħu ġej mis-sema meta kienu miegħu fuq il-muntanja mqaddsa: “Aħna ma konniex qegħdin nibnu fuq ħrejjef maħluqa minn moħħna meta għarrafniekom dwar il-qawwa ta’ Sidna Ġesù Kristu” (2Pt 1:16). Dan li qed naraw: is-setgħa tas-Salvatur. Hu jidher sabiħ mhux għalih imma biex jagħtina sinjal ta’ tama, biex ifakkarna li aħna wkoll ulied il-Missier. Fuqna, il-Missier jgħid l-istess: Dan hu Ibni l-għażiż, din hi binti l-għażiża.

It-trasfigurazzjoni fil-ħajja tagħna ta’ kuljum
Dan il-messaġġ tat-trasfigurazzjoni huwa importanti imma mat-trasfigurazzjoni tkompli l-kelma li smajna fil-magħmudija tal-Mulej fil-Ġordan, ikollha konklużjoni importantissima: “Isimgħu lilu”, ipsum audite, isimgħu lilu. Li nisma’ l-Mulej huwa l-mod kif jien se niġi ttrasfigurat, jgħidilna Missierna San Pawl: “Li b’wiċċna mikxuf nirriflettu bħal f’mera l-glorja tal-Mulej, qegħdin ninbidlu fl-istess xbieha” (2 Kor 3:18).

int imsejjaħ biex bil-ħajja tiegħek tkun Ġesù ieħor.

Xi ħaġa li jinsisti fuqha l-Papa Franġisku meta fid-dokument Gaudete et Exsulatate (Ifirħu u Thennew), jgħallimna li l-qdusija mhix xi ħaġa li ma nistax nilħaqha, irrraġġunġibbli, imma li jien nagħraf is-sejħa speċjali tiegħi li nkun Ġesù fil-vokazzjoni tiegħi. Inkun min inkun, inti min int, mgħammed, int imsejjaħ biex bil-ħajja tiegħek tkun Ġesù ieħor.

Il-Papa jagħtina l-beatitudnijiet u jgħidilna li din hi l-qdusija konkreta. Il-qdusija mhix tal-istatwi tal-kartapesta. Aħna nammirawhom u nirringrazzjaw lill-artisti bħal Karlu Darmanin talli jagħtuna dawn ix-xbiehat sbieħ, imma aħna fit-triq, fil-familji tagħna niltaqgħu max-xbiehat sbieħ tas-Salvatur: fl-omm li tagħti ħajjitha għal uliedha, fil-missier li jitħabat biex ikun fidil lejn martu u jgħajjex il-familja tiegħu, fil-politiku li jaħdem għall-ġustizzja u għall-ġid komuni, f’dak kollu li hu professjonist u mhux qed jagħmel għall-flus, imma biex jaqdi lill-proxxmu, fis-saċeredot li jagħti ħajtu, fis-soru kkonsagrata lil Alla li ma tħarisx lejn ħinijiet biex taqdi ’l proxxmu. Dawn huma Nsara ħutna qrib ħafna tagħna li fihom hemm il-glorja tas-Salvatur. U din hija t-trasfigurazzjoni ta’ kuljum, it-trasfigurazzjoni li minn ħajti, minkejja dnubieti, jiena nsir dejjem iżjed xbieha sabiħa ta’ Ġesù.

Xi tfisser li tqum mill-imwiet?
Imbagħad jasal il-mument fejn niġi għat-trasfigurazzjoni definittiva. Il-Mulej x’qalilhom huma u neżlin minn fuq il-muntanja? Reġa’ tahom ordni biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li kienu raw “qabel ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet” Huma żammew kollox moħbi, iżda bdew jistaqsu lil xulxin x’kien ifisser ‘tqum mill-imwiet’” (Mk 9, 9-10). Xi tfisser tqum mill-imwiet? L-aħwa, din hija domanda li nagħmluha aħna wkoll meta jmut xi ħadd żagħżugħ, meta jmut xi ħadd għażiż, u ngħidu imma wara l-qabar x’hemm? Dan it-taħbit kollu għalxiex? X’destin għandna aħna? Il-qabar jaqaw huwa l-aħħar kelma fuq l-eżistenza tagħna? Alla ħares!

Afda fih u fil-ħniena tiegħu; afda fih u fil-qawwa tiegħu; isma’ lilu u l-Kelma tiegħu.

Il-Mulej jinsisti li t-trasfigurazzjoni tiegħu hija konferma li d-destin ta’ ħutna li telqu qabilna u tagħna li għadna hawn huwa l-irxoxt tiegħu, il-glorja tiegħu. Tgħidli: ‘X’għandi nagħmel?’ Afda fih u fil-ħniena tiegħu; afda fih u fil-qawwa tiegħu; isma’ lilu u l-Kelma tiegħu. Agħraf li t-tjubija fiha prezz. Hu li kien glorja, sebħ, qawwa u salvazzjoni, kien ukoll sinjal li jmeruh.

U dawn it-tliet sajjieda xhieda, Pietru, Ġakbu u Ġwanni—Indrì baqa’ jistenna mal-oħrajn—kienu l-ewwel żgħażagħ imsejħin u kienu xhieda speċjali tal-qawmien tat-tifla ta’ Ġajru, tal-agunija tiegħu fil-Ġetsemani, u fuq kollox tat-Trasfigurazzjoni fuq it-Tabor. Meta qam mill-imwiet ikkonfermaw li dak li raw ma kienx ħrafa, imma li l-kelma li semgħu kienet vera. Irridu nammettu li tnejn minnhom tfixklu quddiem is-salib. L-aħwa, Pietru, Ġakbu u Ġwanni huma x-xhieda li raw it-trasfigurazzjoni! Ġwanni rah imsallab għax kien ħdejn ommu Marija u ħa ħsiebha hu u lis-Salvatur tah konsolazzjoni kbira għax Ġesù kien jaf li se jkun hemm xi ħadd jieħu ħsieb ommu u mhux se jħalli weħidha armla li tilfet ukoll lit-tifel tagħha. Ġesù qal: “‘Mara, hawn hu ibnek.’ Imbagħad qal lid-dixxiplu: ‘Hawn hi ommok’” (Ġw 19, 26-27). Għax qabel miet il-Mulej ħaseb anke f’ommu.

Imma t-tnejn l-oħra? Pietru ċaħdu tliet darbiet, darba, darbtejn, tlieta, u Ġakbu sparixxa. Tafu li kien hemm omm Ġakbu ħdejn is-salib? Omm Ġakbu kienet dik li qalet lil Ġesù: “Ordna li dawn iż-żewġ uliedi joqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fis-Saltna tiegħek” (Mt 20:21). Immaġinaw lil Ġesù u flok Mosè u Elija jkun hemm San Ġwann u San Ġakbu għax ommhom hekk talbitu. L-oħrajn, l-għaxra l-oħra għeru għalihom għax ħadd ma kien aħjar mill-oħrajn, kulħadd l-istess, kulħadd irid jieħu l-ikbar biċċa mill-kejk. U Ġesù qalilhom li ma fiehmu xejn: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila tixorbuh il-kalċi li se jkolli nixrob jien?” (Mt 20:22). U dawn qalulu iva għax riedu promozzjoni. Qalilhom: “Il-kalċi tiegħi tixorbuh, iva, imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew ix-xellug tiegħi, din mhijiex ħaġa li nagħtiha jien” (Mt 20:23).

Aħna tas-Salvatur.

Imma dawn ix-xhieda, wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet, għalkemm tfixklu fis-salib tiegħu, saru xhieda tiegħu. Ġakbu huwa l-ewwel wieħed mill-appostli li miet martri. Pietru huwa dak li għal tliet darbiet jikkonferma l-imħabba tiegħu lejn Ġesù (ara Ġw 21, 15-17) u jirċievi l-konsenja pastorali: “Irgħa l-merħla tiegħi” (Ġw 21:17). Ġesù ma qallux ‘tiegħek’, imma ‘tiegħi’, għax il-merħla hi tas-Salvatur u mhux tal-isqof jew tal-kappillan. Aħna tas-Salvatur. L-ebda isqof ma jista’ jgħid intom tiegħi; jista’ jgħid hekk biss f’isem il-Mulej Ġesù, għax lil Pietru Ġesù ma qallux ‘irgħa l-merħla tiegħek’ imma qallu: ‘Irgħa l-merħla tiegħi’.

U Ġwanni? Meta Pietru qal lil Ġesù: “‘U dan, Mulej, x’se jsir minnu?’ Ġesù qallu: ‘Inti x’inhi affarik jekk jiena rridu jibqa’ sa ma niġi?’” (Ġw 21, 21-22) għax Ġesù kien ftit goff ukoll, bħall-isqof, jew l-isqof bħalu. Imma Ġwanni kellu jkun ix-xhud tal-glorja tal-Mulej fis-sinjali tiegħu bħala l-aħħar evanġelista li kiteb u li tana t-teżori kbar bħat-tagħlim fuq l-Ewkaristija u tal-ħasil tar-riġlejn. Uriena l-glorja ta’ Ġesù fis-sinjali tiegħu. Tiftakru l-ewwel sinjal fit-tieġ ta’ Kana? X’jgħid San Ġwann? “Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih” (Ġw 2:11). Għax Ġwanni fehem li dak li raw fuq it-Tabor kien kollu marbut mal-ħajja kollha ta’ Ġesù.

Jiena biex nikkonkludi nixtieq li naqbdu ftit is-sunett. Tgħiduli: ‘Inti x’mort tikteb illum kemm tikteb tqil?’ Is-sunett irid ikollu 14-il vers u hemm żewġ tipi ta’ sunett, dak Petrarkjan jew Shakespearjan; dan huwa Shakespearjan għax jispiċċa b’żewġ linji. U allura għandu erba’, erba’, u erba’ u mbagħad it-tnejn konklużivi.

Din is-sena ħsibt fiż-żgħażagħ peress li f’Ottubru għandna s-Sinodu taż-Żgħażagħ. Immaġinajt lil Ġesù jħares lejn iż-żgħażagħ fl-Evanġelju. Min kienu ż-żgħażagħ li ltaqa’ magħhom Ġesù u x’kienet tfisser għalihom il-ħarsa tiegħu?

Il-ħarsa tiegħek tinfed il-qlub iebsa,
b’mogħdrija kbira tfittex lis-sajjieda
u leħnek ħlejju isejjaħ għall-indiema,
għall-faraġ bnin li jgħenni lill-għajjiena.

Ftakru, immaġinaw dawn l-erba’ sajjieda, Indrì u ħuh Pietru, Ġakbu u Ġwanni, tlieta minnhom xhieda fuq it-Tabor, jisimgħu dan il-leħen, il-ħarsa tiegħu, “Ejjew warajja”. Hija ħarsa ħelwa li ssejjaħ għall-indiema. San Pietru jgħidlu: “Tbiegħed minni għax jiena midneb” u Ġesù jgħidlu: “Tibżax, nagħmel minnkom sajjieda tal-bnedmin”.

Il-ħarsa tiegħek tofroq id-dlam ċappa
tal-lejl tal-mewt li ħakem lil bin Ġajru.
“Talitha, qum” u t-tfajla tfeġġ għall-ħajja
f’tgħanniqa ħelwa ta’ żgħożija mġedda.

Din it-tifla ta’ 12-il sena, missierha mbikki jibgħat messaġġier għand Ġesù, anzi jmur hu jgħidlu: “Binti ż-żgħira waslet fl-aħħar; ejja qiegħed idejk fuqha, ħalli tfiq u tgħix” (Mk 5:23). U Ġesù jieħu miegħu lit-tliet xhieda tat-trasfigurazzjoni, lil Pietru, Ġakbu u ’l Ġwanni, jidħol u quddiemhom, jgħidlha: “Talitha, qum” (Mk 5:41) u hi tirritorna għall-ħajja f’tgħanniqa ħelwa ta’ żgħożija mġedda, imġedda bil-ħarsa ħelwa, bil-messa ħelwa ta’ Ġesù.

Il-ħarsa tiegħek tagħraf demgħa kiebja
quddiem żagħżugħ li ħalla ’l ommu mbikkma
u jdejk b’qawwa tmiss il-friex tal-qerda
u l-għajn tissamma b’ferħ ta’ għodwa ġdida.

Najn mhuwiex ‘il bogħod minn Kana; huwa wkoll raħal ċkejken fil-Galilija. U Ġesù jkun għaddej u jara funeral, il-funeral ta’ żagħżugħ, l-uniku iben ta’ armla. Dik l-armla kienet qed tibki għal binha u għall-fatt li issa m’għandha ’l ħadd min jieħu ħsiebha, jiġifieri kkundannata biex tittallab. U Ġesù jmiss dak it-tebut u jreġġa’ lit-tifel tal-armla ta’ Najn għall-ħajja (ara Lq 7, 11-14). U Najn tissamma, kulħadd mgħaġġeb, issummat bil-ferħ ta’ għodwa ġdida għax għal dak iż-żagħżugħ għodwa ġdida, il-ħajja reġgħet bdiet. Bħalma reġgħet bdiet għat-tifla ta’ Ġajru, reġgħet bdiet ukoll għalih. U t-talba tagħna x’inhi?

Il-ħarsa tiegħek fuq it-Tabor tiddi
tinxteħet fuqna wkoll biex f’qalbna tidwi.

Viva s-Salvatur!

✠ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Dan 7: 9-10. 13-14
Salm: 96
Qari II: 2 Pt 1, 16-19
Evanġelju: Mk 9, 1-9

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.