It-theddid ma jaqtax imma l-Insara xorta qed jerġgħu lura

Print Friendly, PDF & Email

Fil-Pjanura ta’ Niniveh: Dun Georges Jahola, it-theddid ma jaqta’ xejn imma l-Insara xorta waħda qed jerġgħu lura

It-Tnejn 6 ta’ Awwisu 2018: Fl-Iraq madwar 9,000 familja reġgu lura fil-Pjanura ta’ Nineveh, erba’ snin wara li l-Insara kienu mġegħlin jaħarbu minħabba l-vjolenza ta’ dawk li sejħu lilhom infushom Stat Islamiku. “Qed inħossu l-obbligu” li jkun hemm xhieda Nisranija f’dik iż-żona. Dan qed jgħidu dun Georges Jacola tal-Kumitat għar-rikostruzzjoni lokali.

Rapport ta’ Giada Aquilino – Belt tal-Vatikan

Miġjub għall-Malti minn Louis Spiteri

Kien fil-lejl ta’ bejn is-6 u s-7 ta’ Awwissu 2014 meta 120,000 Nisrani mill-Iraq kienu mġiegħla jaħarbu mill-artijiet tagħhom fil- Pjanura ta’ Niniveh, ħdejn ix-xatt tax-xmara Tigris. Minn dak il-waqt il-furja tal-ġellieda tal-hekk imsejjaħ stat Islamiku qerdet iktar minn 13,000 dar li minnhom 1,233 kienu meqrudin għalkollox. Dawn huma l-figuri mogħtija mill-Kumitat għar-rikostruzzjoni ta’ Niniveh, mwaqqaf fl-2017, mill-Knejjes Kaldin, Siro-Kattoliċi u Siro-Ortodossi bil-kollaborazzjoni tal-Aid to the Church in Need.

Ir-ritorn tal-Insara

Barra minn dawn iċ-ċifri, iżda,  hemm oħrajn li juru it-twelid mill-ġdid taż-żona: skont l-ACN, huma 8,815 il-familji li reġgħu lura, iktar minn 44% mill-19,452 li kellhom jaħarbu minħabba l-invażjoni tal-ġiħadisti. Hawnhekk, is-sitwazzjoni tidher li qed tinbidel: f’Diċembru il-Prim Ministru Iraqen Ħaider El Abadi ħabbar “ir-rebħa finali” kontra l-IS, li kkonferma wkoll dan l-aħħar il-President Amerikan Donald Trump, minkejja li għad hemm assassinji, ħtif tan-nies u attentati f’xi naħat imwarrba tal-pajjiż.

Ix-xhieda ta’ Dun Georges Jahola

Mill-Insara tal- Pjanura, Qaraqosh, Karameles u Telskuf qed jaslu stejjer li jnisslu tama, imma wieħed ma jridx jinsa il-mumenti li għaddew minnhom erba’ snin ilu. Dwar dan jitkellem Dun Georges Janola, saċerdot Siro-Kattoliku mid-djoċesi ta’ Mosul-Kirkuk-Kurdistan, kap tal-Kumitat għar-rikostruzzjonu ta’ Bakhdida-Qaraqosh. Isma’ l-intervista ma’ Dun Georges Jahola … 

Tweġiba: – Sa mill-għodwa tas-6 ta’ Awwissu beda jinħass it-theddid tal-IS fin-naħat ta’ Bakhdida-Qaraqosh. Wara nofsinhar kellna attakk bil-bombi u nqatlu żewġt itfal u mara żagħżugħa. Minn dak il-ħin in-nies ħassew it-theddida u bdew jaħarbu mill-belt bil-gzuz. Nies, bl-eluf, sabu ruħhom fi kjujiet twal fil-postijet ta’ konroll tal-Kurdistan, għax dak kien l-eqreb reġjun, għaldaqstant in-nies ħarbu lejn dik in-naħa, lejn Erbil, imma wkoll lejn bliet oħra Kurdi. Kienu mumenti terribbli, mhux biss fiżikament imma wkoll psikoloġikament.

X’kienu s-sinjali tal-qirda li l-Insara tal-Pjanura ta Niniveh ħallew warajhom?

Tweġiba: Id-djar imma wkoll il-patrimonju kolllu kulturali u reliġjuż li kellna fil-knejjes, fil-monasterji … Biblijoteki sħaħ mogħtija n-nar, misruqin … Tlifna wkoll ħafna oġġetti li għandhom valur kbir storikament.

Xi stampa għandek bħala memorja ta’ dawk il-ġranet?

Tweġiba: Kien mument terribbli għax iż-żgħażagħ u min kellu mezz tat-trasport rnexxilhom jaħarbu imma għad-diżabili u l-anzjani kien diffiċli ħafna biex jaħarbu.

Mis-sena l-oħra ’l hawn, 2017, il-Kumitat għar-rikostruzzjoni ta’ Niniveh qed jagħmel minn kollox sabiex l-Insara jerġgħu lura fl-artijiet tagħhom. Kif inhi s-sitwazzjoni llum?

Tweġiba:  Mingħajr l-għajnuna ta’ tant organizzazzjonijet u l-iktar tal-ACN, li kienet ta’ għajnuna għalina kemm meta konna qed naħarbu kif ukoll issa li qegħdin nerġgħu lura, kien ikun impossibbli li nerġgħu lura mingħajr ebda raġġ ta’ tama.  Dawn l-għajnuniet li rċevejna kienu essenzjali sabiex nibdew il-ħajja mill ġdid u nagħtu tama lin-nies, l-iktar għad-djar, għaliex mingħajr djar il-familji ma jistgħux jirritornaw, l-iktar jekk il-binja nħarqet u nqerdet b’atti ta’ vandaliżmu. Aħna għandna dan kollu iddokumentat, għamilna stima tal-ispejjeż u rexxielna nippreżentaw din l-istima lill-organizzazzjonijiet u fuq kollox lil-ACN li qed tikko-ordina mal-knejjes kollha u waslet biex tfassal pjan sabiex tibda l-fażi tar-rikostruzzjoni.

F’Diċembru l-awtoritajiet ta’ Baghdad ħabbru r-rebħa finali fuq l-hekk imsejjaħ Stat Islamiku. X’inhuma s-sinjali attwali? Fil-fatt għad hemm attakki u vjolenza f’diversi zoni tal-Iraq …

 Tweġiba: Dawn l-attakki w attentati ma jirriflettux is-sitwazzjoni tal-pajjiż kollu kemm hu, għax, ngħidu aħna, f’Mosul li kienet assedjata mill-IS u mbagħad ġiet liberat f’Diċembru, hemmhekk nistgħu immorru bil- libertà, il-belt hija mħarsa tajjeb. Ukoll iż-żoni Inara tagħna fil-Pjanura ta’ Niniveh nistgħu ngħidu li huma fis-sigurtà. Ċertament, is-sigurtà fl-Iraq hija relattiva imma għall-mument ikollna nikkuntentaw f’dak li s’issa renxxielna niksbu.

Inti tkellimt dwar l-impenn tal-Knejjes tal-Iraq b’risq il-fidili u l-popolazzjoni lokali. X’tamiet hemm għall-ġejjieni?

 Tweġiba: It-tama tagħna hija marbuta mat-tamiet tal-Iraq kollu. Irridu nmiddu għonqna biex ngħixu hawnhekk għaliex, madankollu, għad hemm ħafna theddid mhux biss min-naħa tal-IS imma wkoll minn min għandu interess li l-Insara jitilqu minn dan il-pajjiż. Hemm aġendi politiċi fir-reġjun kollu tal-Lvant Nofsani, jiġifieri il-pajjiżi ġirien, xi estremista li għad għandu mibegħda għall-minoranzi sabiex jieħu f’dejh il-ġid tagħhom, l-artijiet tagħhom, il-bliet tagħhom.

Minkejja dawn it-tensjonojiet x’ġiegħlek terġa’ tmur lura?

 Tweġiba: Kien impossibbli timmaġina li l-bliet tagħna jkunu meħlusin u mbagħad aħna nibqgħu xi ftit kilometri ’l bogħod. Aħna marbutin ma’ din l-art sa minn eluf tas-snin, ilna hawn sa mill-bidu tal-era Nisranija, Inħossu lo għandna l-obbligu li nagħtu xhieda f’din l-art.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading