L-Evanġelju tat-Tlieta 7 t’Awwissu 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 14, 22-36

Diffiċli tgħid xħin kien meta Ġesù wera lilu nnifsu jtellaq mad-dgħajsa ta’ Pietru fuq il-Baħar tal-Gallilija minħabba li l-Lhud, fi żmienhom, kienu jikkalkulaw il-ħin skont xħin titla u tinżel ix-xemx; diffiċli għaliex ma nafux eżatt din il-ġrajja meta seħħet, jekk hux fix-xitwa jew fis-sajf. Ir-riħ qawwi kontra tagħhom ma jagħtiniex indikazzjoni ċara għax minħabba l-pożizzjoni tal-baħar bejn il-muntanji riħ qawwi seta nefaħmatul is-sena kollha.

Ġesù jibgħat lin-nies wara li kielu u xebgħu. Moħbi f’din l-imġieba ta’ Ġesù hemm il-missjoni ta’ kulmin iduq mill-ħobż li jagħti hu u jgħix bih, jieħu l-ħajja mill-ġdid bih. Kien tħassrahom għax ma kellhomx x’jieklu u temagħhom u baqa żejjed ukoll. L-ewwel bagħat lid-dixxipli jaqsmu l-baħar għan-naħa l-oħra u hu baqa’ l-art jibgħat lin-nies, iżda kulħadd ġie mibgħut, kulħadd sar mibgħut, appostlu. Ħadd ma jduq il-kelma u l-ikel ta’ Kristu u jista’ jibqa’ b’idu fuq żaqqu. Ġesù jagħti mhux biex jingħoġob iżda bie xl-ikel li jagħti hu jasal għand iżjed nies. Jaf li hemm ħafna bil-ġuħ u l-għatx għall-kelma tiegħu, għat-tama tiegħu, għall ġustizzja tiegħu u għalhekk li jibgħat. Ix-xhieda mhix għażla iżda mandat.

Kulħadd telaq għal xogħlu, għal dak likien mibgħut jagħmel u Ġesù wkoll telaq fuq il-għolja biex jitlob, bie xikun ħaġa waħd amal-Missier, dak li hu mibgħut biex ikun: l-Iben f’għaqda mal-Missier u minn din l-intimità ma’ min bagħtu jieħu l-qawwa biex kontra kull kurrent iwassal l-imħabba tiegħu lil kulħadd.

Id-dixxipli wkoll sabu ruħhom kontra l-kurrent, kontra r-riħ u kellhom jaqdfu u jaqdfu bil-qawwa kollha tagħhom li ma kenitx biżżejjed. F’nofs ta’ lejl kienu għadhom jitħabtu wara li kienu telqu sa nżul ix-xemx. It-twettiq tal-mandat mhux faċli. Huwa mandat li jisfida l-kurrent u r-riħ minn faċċata, li biex tgħelbu trid tagħlaq għajnejk, għax inixxifhomlok, u temmen li miexi fit-triq it-tajba, b’ħafna taħbit.

Biex raw lil Ġesù miexi fuq l-ilma kien qed ibexbex. Bejn dak li ġara il-jum ta’ qabel, bejn l-għeja tan-nuqqas ta’ rqad u t-tensjoni maħluqa mill-maltemp, mhx bilfors kienu qe djaraw ċar u barra mill-fatt lil qatt f’kemm kellhom żmien, ma mmaġinaw li xi ħad djista’ jimxi fuq l-ilma, iktar u iktar fil-maltemp, lil Ġesù ma għarfuhx. L-istedina ta’ Ġesù bie xma jibżgħux turina li d-dixxipli kienu mwerwrin minn preżenza li huma ma jagħrfuhiex. San Mattew jgħidilna li ħasbuh fantażma, iżda l-preżenza kienet ħafna aqwa minn fantażma. Kif jgħidu huma stess meta niżlu l-art, kienu fil-preżenza ta’ alla: tassew int Bin Alla.

Pietru jissogra. Jekk huwa int għidli niġi ħdejk. Ejja. Ejja int ukoll u imxi miegħi fuq it-taqlib tal-elementi maturali, tal-ħajja nnifisha, tal-biċċa xogħol li afdajltlek f’idejk. Il-kap maħtur, il-blata, għandu xewqa kbira li jimxi mal-Imgħallem, imqar fuq il-wiċċ tal-baħar imqalla’, iżda l-fidi tiegħu tonqos, hija nieqsa meta l-biża’ jitla fil-wiċċ. Il-biża’ telgħeb il-fidi u l-piż jibda jiżdied. F’Pietru hemm aħna mxennqin għal dak li hu ta’ Alla, iżda dak li nistennew u nippjanaw li nsibu, il-kejl u l-qies li mdorrijin bihom, iġiegħluna nagħmlu l-kalkoli skont kif naħsbu aħna mhux skont kif jaħseb Alla. Il-piż jibda jiżdied u l-ilma jinfetaħ taħtna.

Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn.

One thought on “L-Evanġelju tat-Tlieta 7 t’Awwissu 2018”

  1. Napprezza r-riflessjonijiet tieghek. Imma Dejjem naqra ta’ lejliet ghax tal-gurnata tkun ghada ma tghelet. Tista’ tibda tidher minn kmieni sew?Grazzi hafna

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.