Lectio Divina tad-19-il Ħadd. Sena “B”

Vanġelu (Ġw 6,41-51): Il-Ħadd li għadda rajna kif il-bniedem mhux bil-ħobż materjali biss jgħix.  Hawn min jinvesti ħafna enerġija f’karriera brillanti, biex fl-aħħar jgħid: “U issa x’se nagħmel?” Jew dak li jdur id-dinja, wara l-aħħar vjaġġ jgħid: “U issa fejn se mmur?”   Kulħadd iħoss il-bżonn tal-infinit f’ħajtu.

  1. Anki l-Lhud kienu jħossu dan il-bżonn.   In fatti, kif semgħu lil Ġesu’ jgħid: “Jien hu l-ħobż li niżel mis-sema” bdew igergru, jipprotestaw u jitkażaw bih.  Dan għaliex kienu tgħallmu li Alla tahom dan il-ħobż meta tahom it-Torah.  Ma kellhom bżonn xejn aktar, għax bit-Torah kienu jħossuhom tassew bnedmin u superjuri fuq kull poplu ieħor. Għalhekk irrabjaw meta Ġesu’ stqarr li hu huwa dil-Kelma li ġiet mis-sema: “Dan min jaħseb li hu biex jinkarna l-Kelma t’Alla. Dan mhux il-mastrudaxxa ta’ kafkaf li ilu magħna minn twelidu?”  Aħna l-Insara tajjeb li nżommu quddiem għajnejna li l-Kelma t’Alla għall-Lhud hija miġbura fit-Torah, għall-Musulmani fil-Koran, imma għalina dil-Kelma mhux ktieb imma hija nkarnata fil-persuna ta’ Ġesu’  ta’ Nazaret.  Mela l-punt ta’ riferiment tan-Nisrani mhuwiex ktieb imma persuna li sirna nafuha permezz tal-Iskrittura Mqaddsa.  Dawk li fis-silta tal-lum qed jopponu għal dan il-fatt huma Galilin, imma Ġwanni jsejjaħ lil dawn u kull min jagħmel bħalhom Ġudej (isem ġej minn dawk il-Lhud li kienu joqogħdu fil-Ġudeja).  
  2. Il-messaġġ għalina llum, mela, hu li ma mmorrux nagħmlu bħalhom meta ma nagħtux importanza biżżejjed lil Ġesu’ li għandu l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.  Din l-importanza nistgħu niksbuha minn għandu biss u mhux minn xi devozzjoni ‘l hawn u ‘l hinn. Noqogħdu attenti mill-Ġudejiżmu li jinsab fina u li jikkonvinċina li biżżejjed b’li nafu u b’li għandna u m’għandniex bżonn ta’ ikel ieħor.  Jekk nibqgħu b’din l-attitudni, kif Ġesu’ jippreżenta ruħu bil-proposta tiegħu tal-bniedem il-ġdid, aħna se nirrifjutaw lilu u l-proposta tiegħu.  Kif se niskopru dan il-Ġudejiżmu fina?  Iwieġeb Ġesu’: “Toqogħdux tgergru bejnietkom…. min jemmen għandu l-ħajja t’ dejjem.”
  3. Il-Knisja llum għaddejja minn żmien prezzjuż, kairos, i.e. opportunita’ li m’għandhiex tintilef. Qatt daqs illum ma nħass dan il-ġuħ għall-ħobż tas-sema.  Qed nifhmu l-Vanġelu aħjar u dan jitlob konverżjoni.  Min iħalli l-Ġudejiżmu jmexxieh, jirresisti din il-bidla. Jikkuntenta bir-rutina reliġjuża li trabba fiha, u jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu billi jagħmel bħall-Ġudej tas-silta tal-lum: isib nies bħalu u joqgħod igerger magħhom.  Ma jaffrontax lil Ġesu’ biex jara jekk għandux raġun, imma jibqa’ jparla ma’ min jaħsibha bħalu.  B’hekk jieħu raġun u jikkonkludi li min jgħid mod ieħor hu eretiku.  E.g. meta l-Vanġelu jgħallem li Alla jħobb lil kulħadd bla distinzjoni, ma jikkastigax u ma jpattihiex, il-Ġudej jiddefendu ruħhom biex iżommu t-tagħlim ta’ dari, i.e. li Alla jikkastiga l-ħżiena.   In-Nisrani ma jistax jagħmel hekk imma jrid jifli bir-reqqa l-kliem ta’ Ġesu’, jikkonverti għat-tagħlim tiegħu u jibda jaħsibha bħalu.
  4. La darba l-Ġudej ma jridux jiċċaqalqu mill-ħsieb tagħhom, allura Ġesu’ qagħad jipprietka għal xejn?  Iwieġeb Ġesu’: “Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier ma jiġbdux.”  Naslu biex nifhmu li Ġesu’ hu l-ħobż tal-ħajja mhux bil-kapaċita’ jew raġunar tagħna imma billi l-Missier jagħtihilna bħala rigal.  Ikompli Ġesu’: “U kulħadd ikun mgħallem minn Alla.”  Fid-DNA tagħna Alla poġġa din l-attrazzjoni istintiva lejn il-kelma li ġejja mis-sema.  Aħna sintonizzati mal-ħsibijiet u s-sentimenti t’Alla.  Dil-vuċi nterjuri tivvibra fina r-rivelazzjoni tal-Kelma tal-Iben.  Jekk ma nifgawhiex, dil-vuċi tixhed għall-verita’ tal-kelma li hi Ġesu’.  E.g. meta nisma’ lil Ġesu’ jgħid: “Aħjar tħobb u taħfer milli tpattiha għax hekk tkun aktar uman”, dil-vuċi li hi l-vuċi tal-Missier fija tgħidli: “Ġesu’ qed jgħid is-sewwa.  Għandu raġun.”   L-istess meta Ġesu’ jgħidli biex ma nakkumulax ġid bla bżonn, jew biex ngħix is-sesswalita’ fiż-żwieġ bħala għotja u mhux bl-egoiżmu.  Ikompli Ġesu’: “Min jemmen fija u f’dil-kelma li ġiet mis-sema għandu l-ħajja ta’ dejjem.” Ninnutaw li jgħid “għandu” u mhux “se jkollu” għax dil-ħajja eterna tibda minn issa jekk immantnuha bil-kelma t’Alla.
  5. “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja … min jiekol minnu ma jmutx.”  S’issa Ġesu’ stqarr biss li hu l-ħobż tal-ħajja.  Illum qed nisimgħu li dan il-ħobż irridu nikluh.  Dan mhux bħall-manna li niżlet mis-sema u taffiet il-ġuħ materjali biss.  Dan il-ħobż huwa Ġesu’ nnifsu, u min jirċevieh ikun qed jieħu l-ħajja eterna.  “U l-ħobż li jiena nagħti hu ġismi għall-ħajja tad-dinja.”  Il-verb fagei, tiekol, użat ħdax-il darba f’dan il-kapitlu.  Imbagħad Ġwanni juża trogei, li tfisser tomgħod, tqarmeċ.  Dan biex Ġesu’ jibda jipprepara biex jitkellem fuq l-Ewkaristija.  Għalissa qed jitkellem fuq il-kelma t’Alla, bħal meta Alla qal lil Ezekjel: “Kul ir-romblu tal-Kitba Mqaddsa,” i.e l-ewwel assimila t-Torah u mbagħad tkun tista’ xxandarha.
  6. “Dan il-ħobż hu ġismi.” Mhux qed jirreferi għal-laħam u l-għadam imma għall-persuna sħiħa umana, debboli, fraġli, limitata u ddestinata għall-mewt.  “U l-Iben t’Alla sar bniedem” i.e. mhux ħa xi bixra ta’ bniedem, imma sar bniedem bil-limitazzjonijiet kollha tiegħu, u l-immortali sar suġġett għall-mewt.  Mela, “min jiekol minn dan il-ħobż” għal-lum tfisser min jassilima l-kelma.  Il-Ħadd li ġej naraw lil Ġesu’ jgħaddi għall-fażi li jmiss: l-Ewkaristija.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading