Marija Reġina

Print Friendly, PDF & Email

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Il-Knisja tiċċelebra  t-Tifkira Obligatorja ta’ Marija Reġina fit-22 ta’ Awissu jiġifieri tmint ijiem wara t-Tlugħ fis-Sema. Infatti wara li Marija telgħet is-sema bir-ruħ u l-ġisem hija ġiet mgħollija bħala Reġina tas-sema u tal-art.

Hekk fir-raba’ misteru tal-glorja nimmeditaw u nikkontemplaw fuq it-tlugħ fis-sema tal-Marija. Fil-ħames misteru tal-glorja mbagħad ngħaddu għall-kontemplazzjoni ta’ Marija bħala Reġina tas-sema u ta’ l-art. L-arti sagra pittret dan il-misteru billi poġġiet lil Marija fin-nofs tal-anġli u l-qaddisin filwaqt li l-Missier etern ippoġġilha l-kuruna bħala regina. U verament  Marija hija Reġina għax hija omm is-sultan tal-ħolqien. Jekk Kristu huwa verament Sultan, allura Ommu li tant ħadmet fil-qrib miegħu hija Reġina.

L-ewwel qari ta’  dan il-jum huwa meħud mill-Profeta Isaija. F’din is-silta dan il-Profeta jħabbar lil Sidna Ġesù Kristu bħala sultan. Hekk naqraw:

“Għax tweldilna tifel,

ingħatalna iben;

is-setgħa tkun fuq spallejh, u jsemmuh:

Kunsillier ta’ l-għaġeb, Alla setgħan.

Missier għal dejjem, Prinċep tas-sliem”

Kbira tkun setgħetu,

u s-sliem bla qies

fuq it-tron ta’ David u s-saltna tiegħu.

Hu jwettaqha u jsaħħaħha

bil-ħaqq u s-sewwa għal dejjem.

Il-ħeġġa tal-Mulej u ta’ l-eżerċiti tagħmel dan” (Is 9, 5-6).

 

Hekk il-poplu Lhudi kien qiegħed jistenna sultan li bħal David iġib is-saltna ta’ lżrael fi żmien ta’ prosperità politika. Għalhekk ma setgħux jifhmu lil Sidna Ġesù Kristu, li huwa stess quddiem Pilatu ddikjara li huwa sultan iżda mhux ta’ din id-dinja. Infatti naqraw fil-Vanġelu ta’ San Mattew: “Ġesù waqaf quddiem il-gvernatur; u dan staqsieh: ‘Int is-sultan tal-Lhud?’ U Ġesù wieġbu ‘Inti qiegħed tgħidu” (Mt  27, 11).

Verament Ġesù huwa sultan, iżda mhux ta’ din id-dinja. Kif is-sultan fl-antik kien imexxi poplu kif ukoll kien is-sinjal li jgħaqqdu bħala nazzjon, hekk ukoll Kristu huwa sultan tal-qlub tal-bnedmin li jaċċettawh. F’ismu l-membri tal-Knisja huma magħquda ma’ xulxin. Hekk naraw li filwaqt li s-saltna ta’ Kristu tidher dgħajfa, hija waħda universali għaliex tħaddan il-popli tad-dinja kollha mingħajr distinzjoni ta’ razza jew kulur.

Għalkemm kotrana fil-membri, is-saltna ta’ Kristu tidher dgħajfa quddiem il-bnedmin. Infatti s-sinjal tas-salib ifakkarna li Sidna Ġesù Kristu huwa sultan, iżda mhux skond l-istil ta’ din id-dinja. Filwaqt li s-slaten jgħixu f’palazzi, imdawra minn sefturi kif ukoll fil-lussu, Sidna Ġesù Kristu, is-sultan tal-ħolqien materjali u spiritwali twieled fqir f’għar ta’ l-annimali u s-sodda tal-mewt tiegħu kienet l-għuda tas-salib.

Infatti fl-Antik Testment omm is-sultan kienet tissejjaħ ukoll Reġina. Kienu jsejħulha ‘Ghebirah’. Għalhekk meta nitkellmu minn Marija bħala Reġina ma nkunux qegħdin naqgħu fil-fantasija iżda nkunu qegħdin nesprimu realtà mill-aktar profonda.

Il-Papa San Piju X jikteb fuq ir-regalità tal-Madonna: “Huwa (Kristu) joqgħod fuq il-lemin tal-Maestà divina, fl-għola tas-smewwiet (Lh 1,3) filwaqt li Marija qiegħda bħala reġina fuq il-lemin tiegħu”.

Il-Vanġelu ta’ din il-festa huwa meħud minn San Luqa li jitkellem fuq it-tħabbira tal-Mulej. F’din is-silta Sidna Ġesù Kristu huwa mħabbar bħala sultan. Infatti naqraw f’dan il-Vanġelu: “Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla. Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin il-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu” (Lq 30-33).

L-anġlu ħabbar lil Marija li hija se tnissel u twelled sultan li s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem. U bla dubju ta’ xejn Marija, li hija Omm Alla, bir-raġun kollu tissejjaħ Sultana. Infatti is-VII Konċilju Ekumeniku li sar f’Niċea, sejjaħ lill-Verġni Marija bħala Reġina. Dan il-Konċilju ta lil Marija t-titlu ta’ ‘Déspoina’, li hu ekwivalenti għal Sinjura, u Reġina, li għandha l-poter u l-ħakma fuq dawk kollha li huma fis-saltna tagħha.

Hija verità tal-fidi li l-insara dejjem emmnu, li meta telgħet is-sema bir-ruħ u l-ġisem,  Marija minn fejn binha Ġesù għadha tieħu ħsieb l-insara kollha biex jersqu lejn is-saltna ta’ binha. Hija teżoriera tal-grazzji kollha li Sidna  Ġesù Kristu jagħti.

Marija kontinwament turina bil-fatti kemm tinteressa ruħha minna. Infatti d-dehriet ta’ Marija f’Fatima u Lourdes juruna kemm hija tħobbna. Miljuni ta’ nies żaru dawn il-postijiet u fihom sabu l-faraġ spiritwali u oħrajn ikkonvertew mid-dnub. Hekk l-insara jħossu li l-Hija r-Reġina tagħhom u f’kull hemm tagħhom ifittxuha biex isibu l-kenn fiha.

Dawn il-ħsibijiet fuq il-kura materna u regali tal-Madonna nsibuhom miġburin u espressi b’mod tal-għaġeb minn San Amadew Isqof ta’ Lożanna fil-Liturġija tas-Sigħat. Naqraw:

Għalhekk sa min din id-dinja stess hija kienet diġa’ qiegħda dduq il-frott tas-saltna tas-sema, kemm għax kienet f’għoli liema bħalu f’għajnejn Alla, u kemm għax kienet tagħti servizz lil għajrha bi mħabba li ma titfissirx bil-kliem. L-anġli kienu jinżlu jservuha, il-bnedmin kienu jġibulha r-rispett u jaqduha. Gabriel, flimkien mal-anġli, waqaf magħha; Ġwanni, flimkien mal-Appostli, kien jaqdiha, ferħan li taħt is-salib l-Omm Vergni ġiet afdata f’idejn il-verġni tiegħu. L-anġli jifirħu xħin jaraw lis-sultana tagħhom, u l-appostli lis-sidt tagħhom, u sew dawk sew dawn jingħataw lilha b’rabta ta’ mħabba mill-qalb.

Hekk skond dan il-qari Marija saret Reġina minn din id-dinja stess. Aħseb u ara xħin ġiet mgħollija Reġina tas-sema u l-art!

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading