L-Albanija eżempju għall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li baqgħu siekta quddiem it-traġedja tal-immigranti

Print Friendly, PDF & Email

Mons. George Frendo, Arċisqof ta’ Tirana-Durres, bagħat ittra lill-ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Albanija biex jesprimi l-apprezzament tiegħu għad-deċiżjoni tal-Gvern Albaniż li jilqa’ parti mill-migranti li ddaħħlu Catania fuq il-bastiment Diciotti. Fl-Albanija mistennija jaslu 20 persuna mill-Eritrea u Mons Frendo qal li wara jiem drammatiċi issa għandhom ix-xorti li jsibu min jilqagħhom għand poplu, dak Albaniż, magħruf għall-ġenerożità tiegħu.

frendo.jpgMinkejja l-ferħ għad-deċiżjoni tal-gvern Albaniż, l-Arċisqof Malti ta’ Tirana esprima wkoll id-dispjaċir għad-diffikultà li hemm biex jinstabu pajjiżi lesti li jilqgħu lill-migranti ta’ dan il-bastiment. Huwa staqsa: kif tista’ l-Ewropa li għandha għeruq antiki kristjani, iddawwar wiċċha minn dawn il-persuni f’diffikultà. Hawnhekk huwa awgura u ttama li l-ġest tal-Albanija, hekk kif għamlet l-Irlanda u l-Konferenza Episkopali Taljana, jkun ta’ eżempju u stimolu għall-Pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea li baqgħu siekta quddiem din it-traġedja.

Mons Frendo mbagħad ikkwota lill-gvern Albaniż b’mod speċjali l-frażiż li uża l-Ministru Bushati meta qal li fil-passat anke l-Albaniżi kienu Eritrej meta kien hemm ħafna migrazzjoni ta’ Albaniżi lejn l-Italja. Mons Frendo qal li dawn il-kelmiet fakkruh f’dak li hemm fil-Bibbja fil-Ktieb tad-Dewteronomju: Ħobbu l-barrani, għax intom barranin kontu fl-art ta’ l-Eġittu.

Anke l-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi u r-realtajiet reliġjużi Albaniżi se jkollhom rwol importanti biex jilqgħu lil dawn l-għoxrin immigrant mill-Eritrea speċjalment permezz tal-Caritas li magħhom għaddejjin taħdidiet biex jiġu organizzati l-għajnuniet u l-appoġġ meħtieġ għal dawn il-persuni. Barra minn hekk, Mons Frendo fakkar li l-Knisja fl-Albanija diġà għamlet ħafna u għadha qed taħdem favur bosta rifuġjati li ilhom żmien jaslu mil-Lvant Nofsani, mis-Sirja u mill-Iraq.

Rapport tal-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading