Il-Papa f’Santa Marta: Nakkużaw lilna nfusna mhux lill-oħrajn


Il-Ħamis 6 ta’ Settemnru 2018: Jeħtieġ li nagħrfu li aħna midinbin. Jekk ma nitgħallmux nakkużaw lilna nfusna ma nistgħux nimxu fil-ħajja nisranija. Dan kien il-qofol tal-messaġġ li għadda l-Papa Franġisku waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta llum il-Ħamis 6 ta’ Settembru.

Ir-riflessjoni tal-Papa Franġisku kienet imnebbħa mill-Vanġelu tal-lum fejn San Luqa jirrakkonta l-episodju ta’ meta Ġesù talab lil Pietru biex jitla’ fid-dagħjsa tiegħu u wara li kien ipprietka seħħet is-sajda mirakoluża.

Dan l-episodju jfakkarna fis-sajda mirakoluża l-oħra, dik ta’ wara l-qawmien mill-mewt meta Ġesù talab lid-dixxipli jtuħ xi ħaġa x’jiekol. Fiż-żewġ każi, innota l-Papa, hemm id-dilka ta’ Pietru, l-ewwel bħala sajjied tal-bnedmin, imbagħad bħala ragħaj. Ġesù mbagħad jibdillu ismu minn Xmun għal Pietru u bħala Lhudi tajjeb, Pietru kien jaf li l-bidla fl-isem kienet tfisser bidla fil-missjoni. Pietru ħassu kburi ghax lil Ġesù kien iħobbu tassew u dis-sajda mirakoluża hi pass ‘il quddiem fil-ħajja tiegħu.

Wara li ra li x-xbiek kienu għoddhom tqattgħu minħabba l-għadd kbir ta’ ħut li qabdu, hu intefa’ f’riġlejn Ġesù u qallu: Mulej, tbiegħed minni għax jiena midneb.
Dan hu l-ewwel pass deciċiv ta’ Pietru, qal Franġisku, fil-ħajja tad-dixxipulat, bħala dixxiplu ta’ Ġesu, il-fatt li għaraf li hu midneb. Dan hu l-ewwel pass għalina wkoll jekk irridu nimxu ‘l quddiem fil-ħajja spiritwali, fil-ħajja ta’ Ġesù. Jekk irridu naqdu lil Ġesù, nimxu warajh, dan għandna nagħmlu: nakkużaw lilna nfusna. Mingħajr ma nakkużaw lilna nfusna ma nistgħux nimxu fil-ħajja nisranija tagħna.

Iżda hemm riskju. Ilkoll nafu li aħna midinbin, imma mhux faċli nakkużaw lilna nfusna li aħna konkretament midinbin. Aktarx, aħna mdorrijin ngħidu: “Jien midneb”, imma ngħiduha bl-indifferenza li nużaw meta ngħidu: “jien uman”.
Li nagħrfu li aħna midinbin ifisser li nħossu l-miżerja tagħna, miżeri quddiem il-Mulej. Ifisser li nħossuna nistħu. U din mhix ħaġa li ssir bil-kliem iżda bil-qalb, jiġfieri tkun esperjenza konkreta l-istess bħal meta Pietru jgħid lil Ġesù biex jitbiegħed minnu għax jagħraf li hu midneb, u wara jħossu li hu salvat.
Is-salvazzjoni li jġibilna Ġesù, issokta l-Papa Franġisku, teħtieġ din l-istqarrija sinċiera għax mhix ħaġa superfiċjali, ftit ‘make-up’ li jibdillek wiċċek bi ftit żebgħa: hi trasformazzjoni, li tħallih jidħol, li tagħmillu l-wisa’ permezz ta’ qrara sinċiera ta’ dnubietna biex fina nħossu l-istess stagħġib li ħass Pietru.

L-ewwel pass lejn il-konverżjoni għalhekk, hu li nakkużaw lilna nfusna bis-sinċerità, bil-mistħija u nħossu li aħna salvi. Jeħtieġ li nikkonvertu, nagħmlu l-penitenza, ħeġġiġna l-Papa, u nirriflettu dwar it-tentazzjoni li noqgħodu nakkużaw lill-oħrajn.

Hawn nies li jgħixu jqassu fuq l-oħrajn, jakkużaw lill-oħrajn u qatt ma jaħsbu
dwarhom infushom, imorru jqerru bħall-pappagalli. Imma qalbek qed tħoss il-ħtija ta’ dak li għamilt?, staqsa l-Papa. Bosta drabi ma jkunx hekk, tmur qiesek biex tagħmel ftit “make-up” ħalli tidher isbaħ. Imma Ġesù ma jkunx daħal f’qalbek għax ma tkunx għamiltu wisa’, għax ma kellekx ħila takkuża lilek innifsek.

Għalhekk l-ewwel pass huwa l-grazzja li kulħadd jitgħallem jakkuża lilu nnifsu u mhux lill-oħrajn. Sinjal li jurina li persuna mhix tifhem, li nisrani ma jafx jakkuża lilu nnifsu, hu, meta jkun imdorri jakkuża lill-oħrajn, iqassas dwarhom, u jindaħal fl-affarijiet ta’ ħaddieħor. Dan hu sinjal ikrah. Allura jien nagħmlu dan? Hi mistoqsija li tajjeb nagħmluha lilna nfusna, osserva Franġisku.

Illum għalhekk, nitolbu lill-Mulej il-grazzja li mmorru quddiemu b’dan l-istgħaġib tal-preżenza tiegħu u nitolbu l-grazzja li nħossuna midinbin u bħal Pietru ngħidu: Tbiegħed minni għax jien midneb.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.