L-Evanġelju tal-Ġimgħa 7 ta’ Settembru 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 5, 33-39

F’dan Luqa l-ewwel argument bejn Ġesù u l-Fariżej hua fuq is-sawm u għalkemm għadna fil-bidu tal-Evanġelju, Ġesù filwaqt li ma jiddefendix id-drawwa tal-Fariżej u d-dixxipli ta’ Ġwanni li jsumu (għalkemm hu stess ma jiċħadx il-validità tas-sawm u t-talb anke fl-erbgħin jum li għamel fid-deżert), jagħti inidkazzjoni ta’ x’se jseħħ minnu; l-għarus jeħduhulhom. Diġa għandna ħjiel ukoll ta’ x’se jkun l-argument ewlieni bejn Ġesù u l-Fariżej matul il-ministeru tiegħu, l-ipokrisija u l-wiċċ b’ieħor tagħhom; jagħmlu dak li jidher li qed isir għal wiċċ in-nies, mill-bqija jiġu jaqgħu u jqumu. L-argument mhux is-sawm u t-talb, iżda ir-raġuni għala wieħed isum u jitlob; dawk li jsumu u jitolbu għal wiċċ in-nies, il-ħlas tagħhom ġa ħaduh.

Iżda l-iktar importanti għalina huwa l-fatt li Ġesù jqabbel ir-relazzjoni tiegħu mad-dixxipli, dawk li għażlu li jimxu warajh bħar-relazzjoni bejn l-għarus u l-ħbieb tiegħu, li jifirħu miegħu waqt il-festa tat-tieġ. Li tkun ma’ Ġesù jfisser hena u ferħ, ifisser abbundanza u nuqqas ta’ nkwiet. Mhux l-ewwel darba li fit-Testment il-Qadim Alla jqabbel lilu nnifsu ma’ għarus mgħarras mal-poplu tiegħu. Fit-Testment il-Ġdid hija tixbiha użata wkoll fl-Evanġelji minn Ġesù nnifsu u anke fil-Ktieb tal-Apokalissi li jxebbħa lil Ġesù mall-ħaruf maqtul mgħarras ma’ Ġerusalemm il-ġdida.

Il-firda minn miegħu tnissel niket li jqanqal il-ħtieġa tas-sawm u t-talb. Għad-dixxipli, din il-firda kellha sseħħ mal-mewt tiegħu; għalina li ġejna warajhom isseħħ kull darba li aħna ninfirdu minn miegħu. L-ispirti ħżiena li jwassluna biex ninfirdu minn Alla u jċaħħduna mill-preżenza hienja tiegħu f’ħajjitna jintrebħu biss bis-sawm u t-talb, għax is-sawm irażżan u jagħtina l-għerf tal-ħin għal deċiżjonijiet tajba u t-talb iqawwi d-dgħufijiet tagħna li ħafna drabi jsiru qawwa li tmexxina.

l-iżball tal-Fariżej kien li jużaw metodi qodma biex jgħixu l-ħajja ta’ żmienhom, jew aħjar, iġiegħlu lill-poplu jagħmlu hekk. Mitulfin fin-nostalġija għall-imgħoddi jipproponu l-imgħoddi bħala l-mod kif tgħix il-ħajja kontemporanja. Xi ftit jew wisq, kif ġieli kultant nagħmlu aħna. Nintilfu fin-nostalġija għall-imgħoddi u l-arkeoloġiżmu tad-drawwiet u r-riti u nipproponuhom bħala l-mod kif ngħixu llum. Inraqqgħu drapp qadim b’irqajja ġodda u gaħar minn hekk niffermentaw inbid ġdid f’damiġġani tal-ġild qodma. Id-drapp il-ġdid jinxtorob u jkabbar it-tiċrita u l-inbid jifqa’ d-damiġġjani u jintilfu t-tnejn. Dan ma jfissirx li t-tajjeb isir ħażin u l-ħażin isir tajjeb. Żgur li mhux hekk. Il-ħażin dejjem ħażin jibqa’ u t-tajjeb jibqa’ tajjeb ukoll. U dan jafu kulħadd. Min jippromwovi stil ta’ ħajja mibni fuq drawwiet ta’ mijiet ta’ snin ilu jagħmel hekk fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali li fiż-żmien li jipproponu huma bħala l-idejal, żgur li ma kienux jeżistu.

Ġesù jurina li ma nistgħux nilqgħu il-kelma tiegħu u ngħixuha b’qalb midfuna fl-imgħoddi, ankrata f’dak li kien u m’għadux. Il-ħajja stess turina ma nistgħux ngħixu l-ħajja tagħna llum anke fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, anke fil-mod kif nesprimu l-fidi tagħna u kif ngħixuha bl-għodda tal-imgħoddi, li, ngħiduha kif inhi, meta kienu jintużaw kienu ġodda għal żmienhom. Il-ġdid li kien tajjeb fi żmienu m’għadux il-ġdid li hu tajjeb fi żmienna. Ħadd ma jgħid li ma tistax tgħixu; jgħixu min irid. Imma dak li qed jgħid Ġesù huwa ċar ħafna. Inbid ġdid f’damiġġjani ġodda tiffermentah.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.