L-Evanġelju tal-Ħamis 6 ta’ Settembru 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 5, 1-11

Lil Pietru laqta xi ħaġa f’dan ir-raġel jippriedka u bi kliemu jiġbed il-folol. Sema’ bih u b’dak li għamel fis-Sinagoga u ra b’għajnejh, l-ewwel lill-kunjata u warajha ħafna oħrajn jinħelsu mill-mar du mit-tbatija. Semgħu ukoll jgħid l-għan tiegħu x’inhu u rah jgħixu mingħajr kundizzjonijiet jew limitazzjonijiet. Xi ftit jew wisq bħalna lkoll li qed ngħixu elfejn sena warajh; aħna wkoll nimpressjonaw ruħna b’dak li naraw fil-figura ta’ Ġesù u nisimgħu kif kien jgħix u x’kien jgħid.

Pietru ma setax jieqaf jisma biss u jagħrbel dak li jisma’. Il-familja trid u biex titma dawk il-ħluq trid taħdem u tistinka. Ġieli tiġik tajba u ġieli lanqas tifdi bħalma ġralu dakinhar. Mhux talli ma tifdix, mhux talli tagħmel il-lejl titbagħal bla rqad u bla mistrieħ, iżda tiġi lura b’idek f’idek, diżappuntat għax ma qbadt xejn u taf ukoll li l-ħluq se jibqgħu miftuħa u b’idejk vojta, m’għandekx biex timliehom.

Iżda l-ħajja tkompli miexja u x-xogħol irid jibqa’ jsir. M’hemmx waqfien ta’ riflessjoni, hemm rutina ta’ ħtiġijiet li jridu min jaqdihom. M’hemmx post la għall-indiema u lanqas għall-qtugħ ta’ qalb. Ix-xbiek irid jinħasel u jitnaddaf biex illejla jerġa’ jintuża, jintefa’ fil-baħar bit-tama li jiġbor fih iżjed milli ġabar il-lejl li għadda.

Is-sejħa tad-dixxipli fl-Evanġelju ta’ San Luqa hija differenti mis-sejħa tagħhom fl-evanġelji l-oħra. Jinġibdu lejh u jħossu s-sejħa wara dak li kienu raw u semgħu. Mhemmx sejħa diretta, individwali li tidher, iżda l-esperjenza tagħhom flimkien u l-fiduċja li ħassew f’Ġesù tiġbidhom lejh u twassalhom biex dak il-ħin stess iħallu kollox u jmorru warajh. Flimkien. Għal San Luqa ‘flimkien’ hi mportanti ħafna. Mingħajr il-‘flimkien’ nibqgħu lura u ma niddeċiedu qatt. Flimkien nagħmlu l-kuraġġ lil xulxin u nissugraw iżjed.

Pietru jħejji għax-xogħol, għajjien u diżappuntat u Ġesù jitla fid-dgħajsa u jgħidlu biex ma jibqax’ sewwa sew mal-moll. Oħroġ kemmxejn ’il barra. Pietru għalaq ħalqu u obda. U Ġesù għallem lin-nies mill-ewwel pulptu; dgħajsa tax-xogħol. In-nies semgħuh u telqu. Pietru ħa n-nifs. Jista’ jkompli jnaddaf ix-xbiek.

Iżda Ġesù ma kienx kuntent. Aqdef ’il barra fil-fond. Pietru ma felaħx iżjed u qallu. Kważi kważi qallu li l-ewwel ħa paċnezja bih x’ħin waqqfu milli kien qed jagħmel u issa jridu jieħdu cruise. Imma fi kliem Pietru hemm moħbi wkoll il-biża li jiġi magħdud b’miġnun; joħroġ jistad f’ħin li kien jaf li se jistad għalxejn. Dak kien xogħol ta’ bil-lejl mhux ta’ bi nhar. Iżda la qed tgħid int, immur. Bħal Marija ftit iktar qabel ma jifhimx imma jobdi.

Il-qabda kienet kbira u kienet kbira binhar. Id-dgħajsa ma kienetx kbira biżżejjed biex iżommu kollox fiha u kellhom isejħu lil sħabhom jgħinuhom. Erġajna flimkien. U flimkien jiħdlu mis-sajda bil-qabda. Emmnu fih u marru warajh.

l-isforzi tagħna l-bnedmin jistgħu ikunu utli u jagħtu riżultati imma dejjem sforzi ta’ bnedmin ikunu. Meta l-isforz ikun biex tobdi dak li jixtieq minnek Alla, jista’ jidher itqal, iżda jħalli riżultati ħafna aħjar, l-aqwa riżultati. L-ewwel riżultat hu l-għarfien tad-dgħufija li jwassal għall-indiema u mmedjatament warjah it-tisħib ma’ Ġesù fit-tixrid tal-ferħ.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.