Fik ittamaw u inti ħlisthom


Il-Ħadd, 23 ta’ Settembru 2018: Quddiesa fil-festa tal-Madonna tal-Mellieħa.

465082-740xnone.jpg

L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi – Fis-Santwarju tal-Madonna, Mellieħa

Hemm iskrizzjoni antika u b’tifsira kbira aħna u deħlin fil-pjazza ta’ ħdejn is-Santwarju tal-Mellieħa. Tgħid hekk: “Fik ittamaw missirijietna; fik ittamaw, u inti ħlisthom.”

Din is-sentenza hija meħuda minn Salm 22, wieħed mill-iktar salmi li jesprimi tbatija u karba, li jibda hekk: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (Salm 22:1). Imbagħad is-salm ikompli jindirizza lil Alla: “Inti tgħammar fis-santwarju. Fik ittamaw missirijietna, fik ittamaw u inti ħlisthom. Lejk għajtu, u int ħlisthom; fik ittamaw u ma tfixklux” (Salm 22:5-6).

B’għerf kbir, fl-ark trionfali tal-1719, tliet mitt sena ilu s-sena d-dieħla, il-Melliħin qiegħdu din l-iskrizzjoni u applikawha għal Marija. Għamluha b’ringrazzjament għall-grazzja li qalgħu wara perjodu ta’ nixfa. Għamluha b’konvinzjoni li Marija hija dik l-omm ta’ fiduċja.

U bir-raġun. Għax din is-sentenza turina:

il-ħajja ta’ Marija fl-Evanġelju ;
il-preżenza ta’ Marija fil-Knisja fil-bidu u tul iż-żmien, u fl-istorja ta’ pajjiżna ;
is-sehem ta’ Marija fil-ħajja tagħna personali u bħala komunità.

Hi s-sentenza li tiġbor dak li qed niċċelebraw illum fil-festa tal-Madonna tal-Mellieħa fl-eqdem santwarju Marjan li hawn f’Malta.

Marija fl-Evanġelju
L-ewwel nett, ħa nħarsu lejn Marija fl-Evanġelju. M’hemmx rakkont li juri aktar biċ-ċar din is-sentenza mill-ġrajja tat-tieġ ta’ Kana li għadna kif smajna. Għandna hawnhekk lil żewġ miżżewġin li kienu qed jagħmlu l-festa tat-tieġ u naqashom l-inbid. Dik kienet tfisser ħafna għalihom – tfisser li se jħossuhom imbarazzati, b’xi mod se tisfrattalhom il-festa. Imma hemm xi ħadd li nduna. Hemm sentenza qasira fl-Evanġelju: “…omm Ġesù kienet hemm” (Ġw 2:1). Hemm mara sensittiva li ndunat, u bla storbju, fil-kwiet, bl-iktar mod li ma jidhirx, wasslet messaġġ qasir lil Ġesù: “m’għandhomx inbid” (Ġw 2:3). U lill-qaddejja: “agħmlu dak li jgħidlkom hu” (Ġw 2:5). U ħalliet f’idejn Ġesù b’fiduċja li hu jirranġa s-sitwazzjoni. Hekk għamel Ġesù u bil-qawwa tiegħu bidel l-ilma fl-inbid.

Dawk iż-żewġ miżżewġin setgħu jħarsu lejn Marija u jgħidulha: bis-saħħa tiegħek u bil-kelma tiegħek, u bil-qawwa ta’ Ibnek Ġesù, int ħlistna minn dak li seta’ jħarbtilna l-festa. Setgħu jirrepetu dak l-innu ta’ tifħir li lissnet Marija l-ewwel: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej – is-setgħani għamel ħwejjeġ kbar” (Lk 1:46.49).

Kulfejn naraw lil Marija fl-Evanġelju hi preżenza siekta, kwieta, imma preżenza sabiħa ta’ paċi u serenità. Ta’ sensitività, ta’ solidarjetà u ta’ inkoraġġiment. Preżenza li tagħmel differenza, li tqanqal fiduċja, u li ġġib ħelsien.

Meta hi kienet taħt is-salib ta’ binha, tbati miegħu, hemm Ġesù ried jagħtina don mill-aqwa: lil ommu stess. U għalhekk qal lil Marija: “Hawn hu Ibnek”. U lil Ġwanni: “Hawn hi ommok” (Ġw 19:26-27). Marija ġiet mogħtija bħala omm il-familja kollha tal-bnedmin. Dak kien l-aqwa messaġġ għalina biex inħarsu lejn Marija b’fiduċja u nemmnu li jekk ikollna din il-fiduċja fiha, hi teħlisna. Fi kliem il-Papa Ġwanni Pawlu II fid-diskors li għamel proprju hawn ħdejn is-Santwarju tal-Mellieħa (26 ta’ Mejju 1990) aħna “fiduċjużi fl-imħabba u fil-ħarsien matern tagħha…”.

Marija fil-Knisja tul iż-żmien
Ħa nħarsu lejn il-Knisja fil-bidu tagħha. Wara li Ġesù tela’ s-sema, l-appostli reġgħu lura Ġerusalemm. Daħlu l-belt u telgħu fil-kamra ta’ fuq tad-dar fejn kienu joqogħdu. Naqraw fl-Atti tal-Appostli: “Ilkoll qalb waħda kienu jitolbu flimkien ma’…Marija Omm Ġesù” (Atti 1:14). Marija kienet hemm ukoll mal-komunità fil-bidu u kienet għalihom dik li timliehom bil-fiduċja permezz tal-preżenza siekta imma effettiva ħafna, dik li żżommhom “qalb waħda”, dik li tagħmlilhom kuraġġ qalb id-diffikultajiet tal-ħajja.

Jekk inħarsu lejn Marija fl-istorja tal-Knisja, naraw id-devozzjoni li kibret lejn Marija u li kienet dejjem marbuta ma’ Marija omm li fiha ttamaw in-nies ta’ diversi pajjiżi u ħelsithom.

Araw l-istorja ta’ pajjiżna. Hemm ġrajjiet kbar marbuta mal-festi ta’ Marija – 15 ta’ Awissu u 8 ta’ Settembru. Dan is-Santwarju hu xhieda ta’ din il-fiduċja f’Marija. Hawn ġew hawn din il-ġabra kbira ta’ tifkiriet ex voto ta’ nies li emmnu, fdaw f’Marija, u qalgħu l-għajnuna meta kellhom bżonnha. Fi kliem il-Papa Ġwanni Pawlu II fiż-żjara tiegħu f’Malta (quddiem is-santwarju Ta’ Pinu 26 ta’ Mejju 1990): “Għal sekli sħaħ, il-fidili ta’ dawn il-gżejjer qorbu lejn Marija fit-talb u talbu għall-interċessjoni mimlija mħabba tagħha biex tgħinhom fi ħtiġijiethom u ssabarhom fin-niket tagħhom… Nistgħu nkunu fiduċjużi li b’imħabba ta’ omm Marija qatt ma naqset fl-interċessjoni tagħha għal ġenerazzjonijiet ta’ ġenituri u tfal…takkumpanjahom fil-pellegrinaġġ tagħhom ta’ fidi.”

Marija takkumpanjana llum
Irridu napprezzaw din it-tradizzjoni qawwija li tagħtina għeruq sodi. Imma l-ħarsa tagħna llum trid tkun ukoll, u aktar, lejn il-ħajja tagħna llum u fiż-żmien li ġej.

“Fik ittamaw missirijietna”. Tkun ħasra jekk nitilfu din il-fiduċja. Hemm bżonn li nsaħħu din il-fiduċja f’Marija bħala ommna, u nkomplu nħarsu lejha biex nitolbuha tieqaf magħna.

“Fik ittamaw u inti ħlisthom”. Dal-ħelsien illum jieħu forom ġodda. Marija tgħinna nagħrfu x’inhu dak li jista’ jżommna fil-jasar illum. L-istorja turi perikli li l-Maltin kellhom, per eżempju mill-furbani, mill-mard, mill-elementi naturali. Imma llum Marija tiftħilna għajnejna wkoll għal dak kollu li jista’ ma jħalliniex ħielsa: il-mibegħda – li tant kultant narawha fil-kummenti fis-social media – l-egoiżmu, l-isfiduċja, dak kollu li jagħlaqna fina nfusna u jġegħilna nduru biss magħna nfusna.

Marija tiftħilna għajnejna biex ninħelsu speċjalment mill-inganni, minn min jidħaq bina. Kif smajna fit-tieni qari mill-Apokalissi, ix-xitan hu mejjaħ “il-qarrieq tad-dinja kollha” (Apok 12:9). L-aktar li jaħdem mhux meta tarah b’għajnejk u jbeżżgħek imma minn taht, fejn ma jidhirx, b’ingann. U kif ngħidu tajjeb bil-Malti, ‘ix-xitan l-ewwel jagħmik imbagħad idoqq it-trumbetta bik’. Marija tgħinna ninħelsu mill-inganni.

Marija tagħtina żgur l-aqwa parir dwar x’għandna nagħmlu biex nibqgħu ħielsa – l-istess parir li tat fit-tieġ ta’ Kana: “agħmlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Dawn huma l-aħħar kelmiet tagħha li jagħtuna l-Evanġelji – ma hemmx iktar kliem li qalet Marija, għax f’dawn qalet kollox. L-ikona tal-Madonna tal-Mellieħa hija dik tal-Madonna li turina b’subgħajha lil Binha Ġesù, proprju biex . tfakkarna li l-kelma tiegħu hi l-kelma li teħlisna u żżomna tassew ħielsa.

Ġwanni Pawlu II (quddiem is-santwarju Ta’ Pinu) kien fisser tajjeb ħafna l-ħelsien li ġġib fina Marija bl-interċessjoni tagħha: “Kemm-il darba, fil-familji tagħkom, ħassejtu li intom bla saħħa quddiem sitwazzjonijiet li jweġġgħukom u li jidhru li ma tistgħux issolvuhom? Kemm nies isibu li hi ġlieda kontinwa biex jaħfru piki li ilhom is-snin, jew biex jirbħu emozzjonijiet li jkunu daħlu ’l ġewwa ħafna ta’ rabja, ostilità, għira jew riżentiment?…Kemm drabi nħossu għal xi ħadd li jkun maqbud fit-taqbid ta’ wġigħ mentali jew dwejjaq qares li ma jkun jagħraf ebda konsolazzjoni? F’waqtiet bħal dawn, m’għandniex nafdaw fl-interċessjoni mimlija mħabba ta’ Marija, fiduċjużi li l-aktar bla tama mis-sitwazzjonijiet umani tista’ tinbidel mill-qawwa ta’ salvazzjoni ta’ Ġesù, li bi tweġiba għat-talb tagħha bidel l-ilma fl-inbid, li miet fuq is-Salib biex aħna nkunu nistgħu ngħixu għal dejjem?”

Marija toffrilna kelma ta’ kuraġġ. Hija turi r-rebħa tat-tama fuq in-niket, tal-għaqda fuq is-solitudni, tal-paċi fuq it-taqlib, tal-ferħ u s-sabiħ fuq id-dwejjaq u d-dispjaċir, tal-maħfra fuq il-vendetta, tal-ħajja fuq il-mewt. Neħtieġu l-preżenza ta’ Marija fil-familji tagħna, fil-komunitajiet tagħna.

Papa Franġisku, fl-Eżortazzjoni Appostolika Il-Ferħ tal-Evanġelju, 286, jgħid li Marija “bħala omm tassew, timxi magħna, tissielet magħna, u xxerred bla waqfien l-imħabba ta’ Alla li hu qrib tagħna. Permezz tal-għadd ta’ devozzjonijiet Marjani, ġeneralment marbuta mas-santwarji, taqsam f’dak kollu li jgħaddi minnu kull poplu li rċieva l-Evanġelju, u tidhol tagħmel parti mill-identità storika tiegħu. Hemm, fis-santwarji, nistgħu nilmħu kif Marija tiġbor madwarha lil uliedha li, mgħobbija b’tant toqol, jiġu pellegrini biex jarawha u jħossu ħarsitha fuqhom. Hemm isibu l-qawwa ta’ Alla biex jistgħu jġarrbu t-tbatija u l-għeja tal-ħajja.”

Talba
Nagħmlu llum din it-talba lil Marija: O Madonna tal-Mellieħa, int li fik ittamaw missirijietna, fik ittamaw u ħlisthom, kattar il-fiduċja tagħna fik. Kun magħna u akkumpanjana fil-mixja ta’ ħajjitna. Eħlisna minn dak kollu li hu ta’ xkiel f’din il-mixja. Ibqa’ kun, kif sejjaħlek l-Isqof Pietru Pace nhar l-inkoronazzjoni fl-24 ta’ Settembru 1899: “it-tarka tal-Fidi tagħna, il-glorja, l-unur, l-akbar ġmiel tal-Knisja f’Malta.”

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġuditta 15:8-10;16:13-14
Salm: Ġuditta16:13-15
Qari II: Apokalissi 12:1-3.7
Evanġelju: San Ġwann 2:1-11

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.