Il-Papa f’Santa Marta: L-Avvent m’għandux jieħu l-bixra mondana


It-Tnejn, 3 ta’ Diċembru 2018: Illum it-Tnejn 3 ta’ Diċembru l-Papa Franġisku ċċelebra l-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta u tkellem dwar iż-żmien tal-Avvent. Huwa qal li dan hu żmien li fih nifhmu fil-fond xi jfisser it-twelid ta’ Ġesù f’Betlem, u żmien biex nikkultivaw ir-relazzjoni tagħna ma’ Iben Alla.

Iż-żmien tal-Avvent fih tliet dimensjonijiet, osserva l-Papa Bergoglio: l-imgħoddi, il-futur u l-preżent. L-Avvent li bdejna l-bieraħ hu żmien tajjeb biex insaffu l-ispirtu u sabiex b’din it-tisfija aħna nseddqu l-fidi tagħna.

Għar-riflessjoni tiegħu l-Papa tnebbaħ mill-qari tal-Vanġelu tal-lum meħud minn San Mattew: il-l-laqgħa bejn Ġesù u ċ-ċenturjun f’Kafarnahum, fejn iċ-ċenturjun jitlob l-għajnuna għall-qaddej tiegħu, li jinsab marid fis-sodda. Illum ukoll, issokta l-Papa, jista’ jkun li l-fidi ngħejxuha bħala drawwa u ninsew li hi ħaġa ħajja. Meta nkunu maħkumin mir-rutina, nitilfu l-qawwa tal-fidi, nitilfu dik in-novità tal-fidi li tiġġedded bla waqfien.

Il-Papa saħaq li l-ewwel dimensjoni tal-Avvent hija l-imgħoddi: it-tisfija tal-memorja: niftakru sew li ma twelditx is-siġra tal-Milied, li hija xi ħaġa sabiħa, imma niftakru li twieled Ġesù Kristu.

Twieled ir-Redentur li ġie biex isalvana. Iva, hija festa, imma fina dejjem tibqa’ dik it-tentazzjoni li l-Milied nagħmluh festa mondana. Meta l-festa ma tibqax kontemplazzjoni – festa sabiħa tal-familja li f’nofsha hemm Ġesù – issir festa mondana għax inkunu moħħna biss fix-xiri, fir-rigali, u ħwejjeġ bħal dawn filwaqt li l-Mulej jibqa’ fil-ġenb, minsi. L-Avvent għalhekk, huwa żmien li fih insaffu l-memorja taż-żmien l-imgħoddi, tat-twelid f’Betlem.

L-Avvent jiġi wkoll biex insaffu t-tama u nħejju ruħna għal-laqgħa definittiva mal-Mulej… għax dak il-Mulej li ġie hawnhekk għad jerġa’ jiġi. Jerġa’ jiġi u jitlobna ngħidulu kif qattajna ħajjitna. Se tkun laqgħa personali mal-Mulej. Il-laqgħa personali miegħu illum hi l-Ewkaristija u ma jistax ikollna laqgħa aktar personali minn hekk, mal-Milied ta’ 2000 sena ilu: nibqgħu niftakru dan. Imma meta jerġa’ jiġi se niltaqgħu miegħu u għalhekk jeħtieġ li nsaffu t-tama tagħna.

Fl-aħħar, il-Papa Franġisku stieden lil kulħadd biex jikkultiva d-dimensjoni tal-fidi fil-ħajja ta’ kuljum, minkejja l-preokkupazzjonijiet u qtigħ il-qalb, billi neħdu ħsieb “id-dar” li għandna ġo fina. Alla tagħna, infatti, hu Alla tas-sorpriżi u l-insara għandhom ta’ kuljum jilmħu s-sinjali tal-Missier Ċelesti, dak lil jgħidilna llum.

It-tielet dimensjoni tal-Avvent hi ħaġa li għandna nagħmlu kuljum: insaffu s-sahra. Sahra u talb huma ż-żewġ kelmiet tal-Avvent għax il-Mulej daħal fl-istorja f’Betlem; għad jerġa’ jiġi fl-aħħar tad-dinja u fl-aħħar tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. Imma Hu jiġi kuljum, f’kull waqt, fi qlubna, b’dak li jnebbaħna bih l-Ispirtu s-Santu.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.