Lectio Divina. It-Tieni Ħadd tal-Avvent. Sena “C”


Vanġelu (Lq 3, 1-6): Luqa jintroduċi ‘l Ġwanni l-Battista billi jindika ż-żmien preċiż meta beda l-missjoni tiegħu. Dan biex juri l-importanza ta’ dan il-persunaġġ. Tiberju laħaq imperatur fis-sena 14 AD. Qegħdin fil-ħmistax-il sena tar-renju tiegħu, i.e. Ġwanni beda jippriedka fid-deżert fis-sena 29 AD. Għas-Sirjani din kienet is-sena 27 AD.

Jekk nimxu ma’ dawn, Ġesu miet, irxoxta u tela’ s-sema fis-sena 30 AD.  (a) Tiberju kien qed jgħix f’Capri, fil-waqt li Sejanu, prefett tal-pretorju, kien qed imexxi f’Ruma. Dan kien żmien ta’ taqlib, taħwid u ħruxijiet fl-imperu Ruman. Luqa  jsemmi wkoll lil (b) Pilatu, li ggverna l-Palestina mis-26 sa 36 AD; (ċ) Erodi Antipa li kien jgħix fil-palazz tiegħu ħdejn il-baħar ta’ Tiberijade; (d) Filippu, ħu Erodi, li kien joqgħod f’Ċesareja Filippi;  (e) Lisanju, tetrarka ta’ Abila, li ma nafu xejn fuqu; (f) Anna, kunjatu ta’ Kajfa, li kien il-Qassis il-Kbir fis-snin 6 -15 AD.  Warajh, ħames uliedu laħqu floku, wieħed wara l-ieħor. Fi żmien Ġesu, laħaq (g) Kajfa.  Għalfejn dawn id-dettalji kollha? Għax Luqa ried jagħmel enfasi li mhux qed jirrakonta ħrafa, imma ġrajja li seħħet tassew fl-Istorja u fuq persuni li għexu tassew, l-aktar dwar Ġwanni u Ġesu.  Luqa jindika wkoll iż-żmien meta għexu, biex aħna jkollna ideja liema lingwa kienu jitkellmu, x’kienu jieklu, kif kienu jgħixu, kif kienu jqisu n-nisa tagħhom (bla dinjita’) eċċ. Bil-miġja ta’ Ġwanni se tingħata bidu d-dinja l-ġdida li se tkun saltna mhux ta’ barra minn hawn imma se sseħħ f’din id-dinja, imma mhux skont il-kriterji u r-raġunar tal-bnedmin, imma skont il-liġi tas-sema, ta’ Alla Mħabba. Dil-liġi se tagħti bidu għal soċjeta’ kompletament differenti minn dik li daħal fiha Ġesu. L-istorja tas-salvazzjoni tmiss il-ħajja ta’ kuljum tal-bniedem u tbiddilha.

  1. Dil-bidla bdiet meta “Il-kelma t’Alla waslet lil Ġwanni, bin Żakkarija, fid-deżert.” Ma waslitx lill-kbarat jew mexxejja. Luqa, fl-1 Kapitlu irrakkonta l-ġrajjiet tat-twelid ta’ Ġwanni. L-anġlu ħabbar lil Żakkarija: “Ibnek se jkun mimli bl-Ispirtu s-Santu sa minn ġuf ommu, u se jkun hu li jħejji għall-Mulej poplu li jkun lest li jilqgħu. Luqa jagħlaq dal- Kapitlu hekk: “It-tifel kiber u ssaħħaħ f’ruħu, u baqa’ jgħix fid-deżert sa dakinhar li ħareġ quddiem Israel.” Issa li kiber, Ġwanni jirċievi l-vokazzjoi tiegħu fid-deżert għal ministeru speċjali. Kien iben Żakkarija, qassis tat-Tempju. Mela suppost li qiegħed fit-Tempju jħejji ruħu biex jieħu post missieru. Kieku għamel hekk, kien ikompli bir-riti u ċ-ċerimonji elaborati tal-Lhud, li kienu biss esterni u artifiċjali, tant li bosta drabi Alla, permezz tal-profeti, wera kemm dawn ma jogħġbuh xejn. Hu xtaq il-frott mhux weraq mitbiela, i.e . apparenzi biss. Minn flok dan, Alla sejjaħ lil Ġwanni għal xi ħaġa differenti, aktar awtentika. Għal dan il-għan kellu jipprepara ruħu ‘il bogħod mill-influwenza tat-Tempju. Aktarx li għal xi żmien ingħaqad mal-kommunita’ ta’ Kumran. Dan jixhdu l-lingwaġġ li juża’ Ġwanni, li jaqbel ma’ dak ta’ dawn l-ispeċi ta’ patrijiet tad-deżert. Dawn kienu jimxu fuq il-pariri tal-profeti, u għalhekk kienu jqisu l-qassisin tat-Tempju bħala korrotti. Kienu jgħixu fit-talb, jistennew u jippreparaw lin-nies għall-miġja tal-Mulej fosthom. Is-sejħa għall-ħajja tad-deżert kienet ukoll sejħa għall-essenzjal, bla xinxilli u kumdita’ żejda, kif ukoll għaċ-ċaħda. Ġwanni mexa fuq dawn il-passi, u l-Knisja tagħżel il-ġrajja tiegħu fl-Avvent biex ikun hu li jgħinna nippreparaw kif jixraq għall-miġja tal-Feddej fostna. Jekk irridu li d-dinja tinbidel għall-aħjar, jiħtieġ naċċettawh fostna, fost il-familja, il-ħbieb u s-soċjeta’ tagħna. B’hekk isseħħ id-dinja l-ġdida tal-imħabba u l-maħfra. Il-Mulej iwettaq dan meta nilqgħu il-Kelma Tiegħu li, kull fejn tidħol, tbiegħed il-mibegħda u l-inġustizzji. Fejn hemm il-gwerer u l-faqar ifisser li l-Kelma t’Alla għada ma waslitx. Ġwanni llum jgħallimna kif inwasslu din il-Kelma fejjieda lil ta’ madwarna.
  2. Aħna llum imtaqqlin b’ħafna ħwejjeġ żejda. Dawn jiġu mponuti fuqna mill-media, moda u reklami (Black Friday!). Dan inessina l-essenzjal, l-aktar il-Kelma t’Alla, għax nintilfu wara x-xinxilli. Jiħtieġ naslu sad-deżert ta’ Ġwanni, i.e. inqisu dak li hu meħtieġ tassew u li hu ta’ valur. Fid-deżert insibu s-silenzju fejn ma nisimgħux ir-rabja tal-mexxejja (min jgħajjat l-aktar) u l-istorbju tat-talk shows (min għandu raġun l-iktar) u tar-riklami. F’dan is-silenzju inkunu nistgħu nisimgħu leħen il-Mulej fil-kwiet u l-kalma.
  3. “Hu ġie fl-inħawi kollha tal-Ġordan,” ix-xmara li tissepara l-art pagana mill-art imqaddsa. Ġwanni qed iħajjar lill-Lhud li tbiegħdu minn Israel biex jaqsmu x-xmara ħalli jilqgħu il-messaġġ il-ġdid tiegħu, hu li issa se jkun għalihom il-Mose’ il-ġdid. Se jippridkalhom “magħmudiha ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet.” Biex wieħed juri li niedem tassew, kien jogħdos fix-xmara biex jaħsel minn fuqu l-ħajja l-antika u jħaddan waħda ġdida.  Il-kelma metanoia (konversjoni)  ma tfissirx tbiddel xi ħaġa żgħira imma li tinbidel kompletament – tal-mod kif taħsibha u tirraġuna, e.g. minn flok tfittex li titkabbar, tiċċekken umilment, eċċ. Jekk irridu nbiddlu d-dinja, irridu inħallu ‘l Mulej jibdilna.
  4. “Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert.” Din meħuda minn Isaija Kap 40. Dan il-kapitlu hu magħruf bħala l-Ktieb tal-Faraġ. Hawn il-profeta qed iħeġġeġ lill-Lhud fl-eżilju fil-Babilonja biex jerġgħu lura f’arthom. L-intoppi (tlajja u nżul) m’għadhomx aktar għax bil-jasar pattew għal dnubiethom. Dal-kliem issa Luqa qed japplikah għal Ġwanni li, bil-predikazzjoni tiegħu, se jġib il-ħelsien minn kull jasar t’issa. Min jaċċetta kliemu, se jneħħi minn ħajtu kull intopp (għoljiet, widien, tgħawwiġ) li jgħassruh. B’hekk ikun jista’ jilqa’ l-miġja tal-Mulej fostna, jikkomunika m’Alla u mal-bnedmin. Dan hu messaġġ ta’ tama u ferħ: “Kull bniedem jara s-salvazzjoni t’Alla.”

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernando armellini

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.