Evanġelju tal-Ħadd 23 ta’ Diċembru 2018

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 1, 39-45

San Luqa ma jagħtiniex indikazzjonijiet ċar dwar fejn marret Marija lejn l-għoljiet, ir-raħal fejn kien joqgħod Żakkarija ma’ martu Eliżabetta fis-sitt xahar tat-tqala tagħha.

Jekk il-post fejn tradizzjonalment kienu joqgħodu huw tassew Ein Karem, kien raħal fost uħud li ingħataw lill-qassisin tat-tempju, ilkoll mill-familja ta’ Aron imnisslin mit-tribù ta’ Levi. Hemmhekk, jew kienu joqgħodu dejjem, jew kienu jqogħodu hemm sakemm ir-raġel ikun qe djagħti servizz fit-tempju. Kienu rħula mibnija mal-ġnub u fuq l-għoljiet tal-Ħebron, qrib ħafna Betlehem, fejn iktar tard, Marija ħelset lil binha. Il-vjaġġ li mxiet Marija bejn Nazaret u dan ir-raħal setgħet kienet madwar mija u tlitttax-il kilometru, kważi daqs id-distanza u nofs bejn Malta u Sqallija. La kien vjaġġ qasir u lanqas faċli, iktar u iktar meta wieħed iqis in-nuqqas ta’ toroq u l-fatt li hija art kollha għoljiet u widien.

Għalkemm Luqa ma jgħidlniex, imma minn dak jgħidilna iktar ’il quddiem, żgur li matul dan il-vjaġġ, Marija kellha ħafna ħin biex tgħożż f’qalbha dak li kien qed jiġri u taħseb fuqu bejnha u bejn ruħha. Fil-mixja ma kienetx weħidha. Fiha kien hemm jikber, bil-mod il-mod, dak li tnissel fiha.

Marija ma tilfetx ħin tinkwieta fuq dak li kien se jiġri kif tħabbrilha. Kienet taf li jekk riedet tasal fil-ħin qabel it-twelid, kellha titlaq mill-ewwel. Kien hemm urġenza għal dak li kellha tagħmel u qabdet u bdiet tagħmlu. L-attenzjoni ta’ Marija mhix fuqha nnifisha imma fuq ħaddieħor u dak li setgħet tagħmel miegħu u għalih.

Iż-żewġ nisa jiltaqgħuf’xi bitħa quddiem id-dar. U sseħħ ħaġa kurjuża. Mingħajr ma għada tlissnet ebda kelma ħlief sempliċi tislima, it-tarbija fil-ġuf ta’ Eliżabetta, issa kważi waslet biex titwieled, tagħraf il-preżenza tat-tarbija l-oħra fil-ġuf ta’ Marija. Tagħarafha u tikkomunikaha bil-qabża tagħha f’ġuf ommha. Din iċ-ċaqliqa twasal biex Eliżabetta tinduna hi ukoll lil min għandha quddiemha. Mhix biss Marija il-qariba tagħha. Hemm xi ħaġa differenti, fil-mara qariba tas-soltu hemm mara ikbar u differenti minn tas-soltu.

Imbierka inti fost in-nisa. Hija l-imbierka għax qed iġġorr lill-imbierek li jberikha li għarafha bħala l-mimlija bil-grazzja.

Imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek. Mhux biss tagħraf it-tqala ta’ Marija iżda tagħraf min hemm jikber ġewwa ġufha.

Minn jien jien biex omm sidi, il-Mulej tiegħi tieġħi għandi! B’umiltà kbira Eliżabetta tagħraf l-umliltà ta’ Marija li kienet il-qaddejja li laqgħet ir-rieda ta’ Alla u saret omm Ibnu.

Hienja dik li emmnet. Eliżabetta ma tagħrafx biss dak li seħħ imma għalfejn seħħ, għalfejn kien qed jitwettaq quddiemha.

Bejn dawn iż-żewġ nisa qed tiġi mħaddma lingwa li ma jifhimhiex u ma jitkellimhiex kulħadd. Hija lingwa li mhux bilfors teħtieġ il-kliem. Il-Kelma tasal mingħajr ma titkellem u tikkomunika dak li ma jitfissirx bil-kliem. Hija l-lingwa tal-Ispirtu ta’ Alla li t-tnejn li huma kienu mimlijin bih. Hija l-lingwa ta’ min jemmen u għax jemmen jafda; il-lingwa li tagħaraf li r-rejaltà mhix marbuta mal-ħila tal-bniedem, kif ħaseb Żakkarija, iżda mal-imħabba ta’ Alla. Hija l-lingwa li twassal għall-għaqda tal-qlub u għall-għarfien tal-ħajja ta’ Alla fil-bniedem.

Hija l-lingwa li kull Milied ifakkarna li nistgħu nikkomunikaw biha dejjem. Emmen u afda.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading