Avvent ma’ Marija – Ir-Raba’ Ġimgħa – Il-Ħadd


FTAKAR

“Inħabbrilkom ferħ kbir”. – Luqa 2:10

FB_IMG_1545552045475Issa li deħlin fir-raba’ ġimgħa tal-Avvent, f’dawn il-jiem aħna mistiedna b’fehma sħiħa nibdew it-tħejjija tagħna għall-Milied. Kif nitħejjew f’dawn il-ġranet jiddependi fuq x’inhu li qed inħejju għalih. Fi kliem ieħor, hemm differenza bejn li nippreparaw għal ġurnata u li nippreparaw għal persuna.

Tiġina t-tentazzjoni li fil-jiem li jiġu dritt qabel il-Milied niffokaw fuq il-25 ta’ Diċembru, Hemm ħafna dettalji li rridu nieħdu ħsieb tagħhom: Fejn se mmorru għall-vaganzi tagħna? Se nilqgħu n-nies id-dar jew se nżuruhom aħna? X’se nġibu u x’se nippreparaw? Fadal x’nixtru xi rigali tal-aħħar minuta? Għandna kulma hu meħtieġ? Ingassajna l-isem ta’ kulħadd mil-lista tax-xiri? Hemm ħafna x’nagħmlu u ħafna dettalji li jitolbu l-attenzjoni tagħna bi tħejjija għal jum il-Milied.

Dawk id-dettalji huma importanti. Alla jridna niċċelebraw ir-rigal tal-Familja Mqaddsa fi ħdan il-komunità tal-familji tagħna. L-Inkarnazzjoni tfakkarna li Alla hu parti mill-ħajja, mill-esperjenza umana tagħna. Imma, Marija ma kinitx qed tħejji ruħha għal ġurnata; hi kienet qed tħejji ruħha għal persuna. Fil-jiem ta’ qabel l-ewwel Milied, l-Omm ta’ Alla kien ħsiebha biss fuq il-persuna li kellha titwieled. U la l-ħsieb tagħha kien kollu fuq persuna, it-tħejjija li għamlet ma kinitx mitlufa fid-dettalji tal-ġurnata imma f’li tkun lesta għall-persuna li fuqha l-ġurnata kienet se tkun iċċentrata.

Immaġina għal waqt wieħed x’seta’ għadda mill-qalb ta’ Marija hija u tistenna t-twelid ta’ binha. Immaġina kemm drabi għanniet lil Ġesù meta kien għadu f’ġufha. Immaġina kemm drabi t-tarbija li kellha fiha ċċaqilqet f’ġufha hekk kif bdiet tħanninha. Immaġina l-istennija ta’ Marija biex tiled lill-Feddej tad-dinja. Immaġina x’jistgħu jfissru għalik dawn il-jiem ta’ tħejjija jekk int ukoll tħejji ruħek flimkien ma’ Marija u bħal Marija.

L-aħjar mod għalina biex inħejju għall-miġja ta’ persuna hu li nippreparaw ma’ persuna. F’dawn l-aħħar jiem qabel il-Milied nistednukom titolbu flimkien ma’ Marija b’żewġ modi speċifiċi ħafna.

Ftakar
L-ewwel, ħares lura lejn din il-mixja flimkien ma’ Marija. Ħares lura lejn il-meditazzjonijiet li kienu l-aktar personali għalik. Jekk terġa’ lura fuq dawk il-meditazzjonijiet li forsi l-aktar li ħarrku ilma fik, tista’ tinżel iktar fil-fond tal-konverżazzjoni tiegħek ma’ Alla, li kien qed ikellmek permezz tal-meditazzjoni tiegħek. It-test miktub f’dan id-djarju ġie maħsub bħala mod għalik kif tisma’ lil Alla jkellmek. Dawk il-konverżazzjonijiet jafu jgħidulek iżjed jekk int terġa’ lura fil-postijiet ġewwa qalbek fejn Alla kien qed ikellmek. L-ewwel mod kif int tista’ tħejji ruħek għall-persuna hu billi terġa’ lura għall-meditazzjonijiet fejn l-Awtur tal-Milied kien qed ikellmek.

Agħmel il-wisa’
It-tieni mod kif tista’ tħejji għall-Milied hu billi tagħmel wisa’ f’qalbek għal Kristu. Marija tbattlet minn dak kollu li seta’ jxekkilha milli tilqa’ lil Alla. Bl-istess mod, aħna rridu nitbattlu minn kulma jista’ jżommna milli nilqgħu lil Kristu dan il-Milied. Biex nistgħu inbattlu qalbna ħalli tilqa’ lil Ġesù sa mill-bidu ta’ ħajtu, jeħtieġ nosservaw il-kmandamenti li Ġesù nnifsu tana fi tmiem ħajtu. Fil-kapitlu għoxrin tal-Vanġelu ta’ Ġwanni, Ġesù juri lilu nnifsu lill-Appostli wara l-Qawmien. Hemm, fil-kamra ta’ fuq, jagħtihom l-Ispirtu s-Santu, u allura l-qawwa li jaġixxu f’ismu. Ġesù jagħti lill-Appostli tiegħu, u lil kull isqof u saċerdot, il-qawwa li f’ismu jaħfru d-dnubiet. Jagħmel dan għax tant jixtieqna ngħixu ħielsa. Jagħmel hekk għax jixtieqek tgħix fil-libertà. Immaġinak dieħel għal dan il-Milied b’qalb li hi tassew ħielsa. Jekk irridu nħejju għal persuna, l-aħjar ħaġa li nistgħu nagħmlu hi li niċċelebraw is-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni qabel il-Milied.

Stedina biex immorru nqerru tista’ tqanqal ħafna emozzjonijiet fina. Forsi ilek ħafna ma tmur tqerr. Forsi hemm ħwejjeġ f’ħajtek li issa tħossok vulnerabbli fihom u tammetti dan fis-sagrament. Forsi hemm dnubiet mill-imgħoddi tiegħek li ma rnexxilekx tqerrhom għax bżajt minn dak li jista’ jaħseb il-qassis. Dawn huma sentimenti normali. Wieħed jifhimhom dawn ir-riservi. L-aħbar it-tajba hi li Alla jrid il-libertà tiegħek iktar minn kull ħaġa li għadna kemm semmejna. Kulma trid tagħmel hu tmidd pass ’il quddiem, u Alla jagħmel il-bqija. Għandek għażla quddiemek dan l-Avvent. Jew ħa tgħix il-bqija ta’ ħajtek b’dawk l-affarijiet li jżommuk milli tkun ħieles, jew tista’ tieħu l-opportunità li finalment titlaqhom minn idejk. Jekk tagħmel hekk, tkun tista’ tgħix il-bqija ta’ ħajtek b’qalb ħielsa ħalli tilqa’ dak kollu li Alla għandu maħżun għalik.

Il-verità hi li Alla jrid jagħtik rigal dan il-Milied. Fi żmien meta int iktar imħabbat tixtri r-rigali għall-oħrajn, Alla jrid jagħtik ir-rigal tiegħu nnifsu. Int lest biex tilqa’ r-rigal tiegħu? Int liberu biex tilqa’ r-rigal tiegħu? Din is-sena tista’ tafdah biex tilqa’ dak kollu li jrid jagħtik? L-unika ħaġa li tista’ takkwista jekk tiċċelebra s-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni hi l-libertà tiegħek. Issa ż-żmien it-tajjeb. Mur qerr qabel il-Milied.

Għat-talb tiegħek
Marija żgur kienet titlob bis-Salmi. Agħżel wieħed mis-suġġerimenti li bihom tlabt f’dan l-Avvent. Ħejji t-talba immaġinattiva tiegħek billi taqra bil-mod is-Salm. Ħaddem is-sensi spiritwali tiegħek u itlob bl-immaġinazzjoni tiegħek flimkien ma’ Marija fl-Iskrittura Mqaddsa. Imbagħad, għid din it-talba:

“Missier, illum nitolbok il-grazzja li niftakar f’dak kollu li int għallimtni tul dan l-Avvent. Ħejjili qalbi biex dan il-Milied nilqa’ lil Kristu b’mod iżjed sħiħ milli qatt għamilt qabel”.

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?
X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?

U issa… xi jmiss?

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.